OM 080 Jannar-Frar 2004

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 80 jannar — Frar 2004

________________________________________________________________________________________________________

WEGĦDA TAS-SALVAZZJONI

Minn “Fatima in Lucia’s own words”

Fl-1917, Luċija talbet għalihom infushom li jittieħdu l-ġenna, u l-Verġni imqaddsa wieġbet: “Iva, jien se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda inti (Luċija) għandek tibqa’ hawn xi żmien itwal. Ġesù jixtieq li jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Jien inwiegħed is-salvazzjoni lil dawk kollha li jħaddnuha, u dawn l-erwieħ ikunu maħbuba minn Alla, bħal fjuri mqiegħdin minni biex iżejnu t-tron Tiegħu.

“Jien għandi nibqa’ waħdi hawnhekk?” staqsiet Luċija, mnikkta.

“Le, binti. Jien ma jien se nitilqgħek qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”

DEVOZZJONI BIL-ĦEĠĠA

Minn “Fatima in Lucia’s own words”

Fil-15 ta’ Frar 1926, Ġesù deher lil Luċija u qalilha: “Xerridt fid-dinja kollha dak li Ommna tas-sema talbitek tagħmel?”

Hi wriet lil Ġesù d-diffikultajiet li qajjem il-konfessur tagħha li qalilha li did-devozzjoni m’hix nieqsa fid-dinja, għax hemm ħafna erwieħ li jirċevuh fl-Ewwel Sibtijiet, f’ġieħ il-Madonna u tal-Ħmistax il-Misteru tar-Rużarju.”

Ġesù weġibha: “Hekk hu tassew, binti, ħafna erwieħ jibdew l-Ewwel Sibtijiet, iżda ftit itemmuhom, u dawk li jtemmuhom jagħmluh biex jirċievu l-grazzji mwiegħda. Għalhekk, iktar jgħoġbni li jagħmlu Ħamsa bil-ħeġġa u bil-fehma li jagħmlu tpattija għall-Qalb ta’ Ommhom tas-sema, milli jagħmlu Ħmistax, b’mod biered u indifferenti ….”

Il-Beata Ġaċinta Marto

Minn “Fatima in Lucia’s own words”

Darba, t-tfal kienu fid-dar ta’ Luċija qegħdin jilgħabu “konfiski”, fejn it-tellief ikollu jagħmel kull ma jgħidlu r-rebbieħ. Din kienet logħba għall-qalb Ġaċinta. Did-darba rebħet Luċija, u għalhekk hi kellha tgħid lil Ġaċinta x’għandha tagħmel.

Ħu Luċija kien bil-qiegħda mal-mejda, jikteb. Luċija qaltilha biex tgħannqu u tbusu, iżda hi pprotestat: ‘Dik, le! Għidli nagħmel xi ħaġa oħra. Għax ma tgħidlix immur inbus lill-Mulej hemmhekk?’ Kien hemm kurċifiss imdendel mal-ħajt.

‘Kollox sew’, weġbitha Luċija, ‘Itla’ fuq is-siġġu, niżżel il-kurċifiss minn hemm, inżel għarkubtejk u għannqu tlett darbiet u tih tlett bewsiet: waħda għal Franġisku, waħda għalija, u l-oħra għalik innifsek’.

Ġaċinta wieġbet: ‘Lill-Mulej, iva, intih kemm trid’, u ġriet biex iġġib il-kurċifiss. Bisitu u għannqitu b’tant devozzjoni li Luċija ma nsietha qatt. Imbagħad, waqt li ħarset sewwa lejn ix-xbieha tal-Mulej staqsiet: ‘Għaliex il-Mulej hu msammar hekk mas-salib?’

Luċija weġbitha: ‘Għax miet għalina’.

U Ġaċinta żiedet: ‘Għidli kif seħħet’.

Ir-Rużarju: TALBA TAL-FAMILJA, u GĦALL-FAMILJA

Minn ‘Rosarium Virginis Mariae’ (n.39.41)

Bħala talba għall-paċi, ir-Rużarju huwa, u dejjem kien, ukoll talba ta’ u għall-familja. F’ċertu żmien dit-talba kienet partikularment għażiża għall-familji Insara, u hi żgur qarrbithom iktar flimkien.

Huwa mportanti li ma nitilfux dal-wirt prezzjuż. Jeħtieġ nerġgħu lura għal dil-prattika ta’ talb tal-familja u talb għall-familji, billi nkomplu ninqdew bir-Rużarju.

Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien. Ir-Rużarju Mqaddes, bi tradizzjoni antika ħafna, wera lilu nnifsu effettiv partikularment bħala talba li tiġbor il-familja flimkien. Il-membri ndividwali tal-familja, waqt li jdawwru għajnejhom lejn Ġesù, jerġgħu jakkwistaw ukoll il-ħila li jħarsu lejn xulxin, li jikkomunikaw, li juru solidarjetà, li jaħfru lil xulxin u li jaraw il-wegħda tagħhom ta’ mħabba mġedda fl-Ispirtu ta’ Alla.

Ħafna mill-problemi li jiltaqgħu magħhom il-familji ta’ żmienna speċjalment f’soċjetajiet żvilluppati ekonomikament, ġejjin mid-diffikultà dejjem tiżdied li jikkomunikaw. Il-familji rari jirnexxielhom jiltaqgħu flimkien, u fl-okkażjonijiet rari meta jagħmlu dan sikwit jgħadduh iħarsu lejn it-televixin. Biex nerġgħu lura għar-reċita tar-Rużarju tal-familja jfisser li nimlew il-jum bi xbihat differenti ħafna, xbihat tal-misteri tal-fidwa: x-xbiha tar-Redentur, ix-xbiha tal-Omm Imqaddsa Tiegħu.

Il-familja li tgħid ir-Rużarju flimkien tirriproduċi xi ħaġa mill-atmosfera tad-dar ta’ Nazaret: il-membri tagħha jqiegħdu lil Ġesù fiċ-ċentru, jaqsmu l-ferħ u t-tbatijiet tiegħu, jqiegħdu l-ħtiġijiet u l-pjanijiet tagħhom f’idejh, jieħdu minn għandu t-tama u l-qawwa biex jibqgħu mexjin il-quddiem.

IR-RUŻARJU: Ġesù fost l-Għorrief tal-Liġi

Il-Ħames Misteru tal-Ferħ

minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

Bħal fir-rakkont tal-Preżentazzjoni fit-tempju, hekk ukoll f’dan nistgħu nagħrfu t-tema ewlenija tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, li fiha hemm vina mudlama ta’ swied il-qalb kif ukoll id-dija tal-ferħ. L-għajn tal-ferħ hi l-grazzja, dik tad-dieqa hu d-dnub. Il-ferħ jurina l-Emanuel, Alla jinsab fost il-poplu tiegħu; d-dieqa turina l-istennija tas-salib li jinsab fil-fond tal-qalb tal-Emanuel u fil-qlub ta’ dawk li huma l-iktar qrib tiegħu. Il-misteru li qegħdin nikkunsidraw issa għandu żewġ dimensjonijiet, it-tnejn għandna nżommuhom dejjem f’moħħna.

Hemm id-dimensjoni storika ta’ dil-ġrajja nfisha li ġrat meta Ġesù kellu tnax il-sena, li tinkludi l-fatti, li Ġesù baqa’ wara fit-tempju, kien imfittex minn Marija u Ġużeppi u kien misjub wara tlett ijiem. Skond id-drawwa antika tal-Lhud il-Familja Mqaddsa kollha marret Ġerusalemm għall-Festa tal-Għid, l-ikbar waħda mill-festi Lhud għax tfakkar il-ħelsien mill-jasar fl-Eġittu u l-mogħdija mirakuluża mill-Baħar l-Aħmar. Fl-istess ħin diċ-ċelebrazzjoni xxandar li għad jasal iż-żmien messjaniku u l-mogħdija messjanika mill-jasar għall-ħelsien. Mingħajr dubju dan kien is-suġġett li l-iktar kien mtħaddet u mistħarreġ fit-tempju ffullat bin-nies f’din l-okkażjoni. Għalhekk mhix ħaġa ta’ l-għaġeb li Ġesù nstab bil-qiegħda qalb l-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u lanqas m’hi ħaġa tal-għaġeb li “dawk kollha li kienu jisimgħuh kienu mistgħaġbin b’kemm kien qed jifhem u bit-tweġibiet tiegħu”.

Fit-tieni dimensjoni: l-ġrajja nfisha tipprovdi espressjoni ċara tal-għarfien messjaniku ta’ Ġesù. Aħna ma nafux x’qal lill-għorrief fit-tempju. Iżda nafu li hu wieġeb għall-mistoqsija anzjuża t’ommu bi twiddiba ħelwa: “Għax qagħdtu tfittxuni? Ma tafux li jeħtieġli nieħu ħsieb dak li hu ta’ Missieri?” U wara dal-kliem Ġesù reġa’ lura fis-skiet tad-dar f’Nazaret sakemm kellu tletin sena. “U ommu ftakret f’qalbha dawn il-ħwejjeġ”; dan hu li l-Knisja tagħmel ukoll, waqt li timxi t-triq imserrpa tagħha matul is-sekli.

It-Talb vokali

Minn “Calls from the Message of Fatima” ta’ Sr Luċija

Talbna jista’ jkun iktar “vokali”, ndirizzat lejn Alla bil-kliem, sew dawk li joħorġu spontanjanment mill-qalb jew billi nużaw formoli eżistenti bħal: Missierna, Sliema, Glorja, Kredu, u ħafna talb ieħor bħalhom użati fil-Liturġija Mqaddsa.

Dan hu l-iktar mod ta’ talb komuni, u l-iktar aċċessibli għall-fidili, u kien rakkomandat lilna minn Ġesù Kristu nnifsu: “Mela itolbu hekk: Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, …” (Mt 6,9-13). Dan hu l-iktar forma sublimi mit-talb vokali, għax kien mgħallem lilna mill-Iben t’Alla nnifsu. Għalhekk għandna nitolbuh b’devozzjoni, b’fiduċja, b’umiltà u b’mħabba mġedda.

It-talba tax-xogħol tagħna

Minn “Calls from the Message of Fatima” ta’ Sr Luċija

Flimkien mat-talb vokali tagħna, kwalità oħra ta’ talb li għandna noffru lil Alla: hija “t-talba tax-xogħol tagħna”, tat-twettieq ta’ dmirijietna fl-istat tal-ħajja tagħna fi spirtu ta’ sottomissjoni umli lejn Alla, għax kien hu li tana l-liġi tax-xogħol. Għandna nagħmluh bl-imħabba u l-fedeltà lejn Alla u lejn il-proxxmu; b’dal-mod ħidmietna ta’ kuljum, għalkemm jidhru nsinifikanti, meta jkunu offruti lil Alla jsiru talba ta’ tifħir, ta’ radd il-ħajr, ta’ ndiema, u ta’ petizzjoni. Bħal Tobit, li l-anġlu qallu: “U issa, meta int u Sara kontu titolbu, jien kont inwassal it-talb tagħkom quddiem il-maestà tal-Mulej u nfakkru fih; meta kont tidfen il-mejtin kont nagħmel l-istess. Meta int ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex tqum, tħalli l-ikel, u tmur tkeffen il-mejtin, jien kont miegħek.” (Tb 12,12-13)

Dan il-passaġġ mill-Iskrittura Mqaddsa jgħidilna kif għandna nużaw il-ħin li Alla jagħtina f’ħajjitna:

  • biċċa minnu mogħtija għat-talb,
  • biċċa oħra biex naqdu d-dmirijiet tal-istat tal-ħajja tagħna, u
  • l-bqija biex nagħmlu l-ġid lill-oħrajn għall-imħabba t’Alla ….

Fil-qadi ta’ hidmietna ta’ kuljum, aħna għandna nagħmlu ħilitna biex nagħrfu l-preżenza t’Alla; niftakru li Alla u l-Anġlu Kustodju tagħna qegħdin qribna, jaraw x’aħna nagħmlu, u b’liema ħsieb qegħdin nagħmluh. Għalhekk, għandna nqaddsu xgħolna, l-mistrieħ tagħna, l-ikliet tagħna, d-divertiment tajjeb tagħna, bħallikieku huma talba dejjiema. La nafu li Alla hu preżenti, hu biżżejjed li naħsbu fiH u minn ħin għal ieħor ngħidulu xi ftit kliem:

  • kemm ta’ mħabba – Inħobbok, Mulej! –
  • jew ta’ radd il-]ajr – Niżik ħajr, Mulej tal-ġid kollu li tagħtina,
  • jew ta’ petizzjoni – Mulej, għinni nkun fidil lejk; aħfirli dnubieti, l-ingratitudni tiegħi, l-bruda tiegħi, n-nuqqas ta’ għarfien, il-waqgħat tiegħi –
  • jew ta’ tifħir – Inbierkek, Mulej, għall-kobor tiegħek, għat-tjieba tiegħek, għall-għerf tiegħek, għall-qawwa tiegħek, għall-ħniena tiegħek, għall-ġustizzja tiegħek, għall-imħabba tiegħek.

Din it-taħdita ntima u familjari ma’ Alla tibdel xogħolna u ħidmietna ta’ kuljum f’ħajja ta’ talb tassew u dejjiemi. ….

Santwarji ta’ Ommna Marija: Pompej

Minn Dun Karm Bezzina

Pompej hija belt oħra ċkejkna msemmija għar-Rużarju. Pompej ta’ żmien ir-Rumani nqerdet bl-iżbroff tal-Vessuvju fl-24 ta’ Awissu 79.

Baqgħet midfuna sa l-1748 meta bdew l-sikavi. Fil-medju evu l-art ta’ madwarha għaddiet bħala fewdu minn familja għal oħra, u fl-1659 ġiet mitluqa għal kollox.

F’Ottubru 1872, l-avukat Bartolo Longo wasal Pompej biex jieħu ħsieb il-proprjeta tal-Kontessa De Fusco, li wara saret martu. B’sens ta’ appostolat huwa beda jiġbor il-bdiewa mxerrdin fil-knisja tas-Salvatur. Kien jagħtihom it-tagħlim nisrani, u fosthom waqqaf il-Fratellanza tar-Rużarju. Wara żdiedu miegħu stituti ta’ għajnuna għall-foqra, għall-orfni, u għal ulied il-ħabsin. Bl-għajta “sold fix-xahar” ħaseb biex jibni knisja kbira lill-Verġni tar-Rużarju. Dan is-Santwarju kien ikkonsagrat fis-7 ta’ Mejju 1891; wara l-knisja saret Bażilka Pontifiċja. L-Avukat Longo kien appostlu kbir tar-Rużarju. Bartolo Longo miet ta’ 84 sena fl-1926, u l-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Beatu f’Ottubru 1980.

Lill-ħabrieki Bartolomeo kien imexxih Patri Alberto M. Redente O.P. Dan il-patri xtara l-kwadru mingħand regettier f’Napli, u bagħtu lill-Avukat Longo fuq karru ta’ l-iskart. Il-kwadru tal-Madonna ta’ Pompej sar magħruf fost l-insara, u l-istess avukat kiteb ukoll is-supplika li ngħidu fit-8 ta’ Mejju. Wara l-fejqan ta’ tfajla mill-mard tal-qamar, il-kwadru sar oġġett ta’ devozzjoni popolari, u l-Papa Pawlu VI żejjen b’kuruna x-xbihat ta’ Ġesu u Marija.

Riflessjoni:

1. L-appostolat tal-Beatu Batolo Longo kien imsaħħaħ bir-Rużarju.

2. Dan l-appostlu ħaddem flimkien l-ispirtu tat-talb u l-karità bil-fatti.

3. Il-qawwa tar-Rużarju rebħet fuq il-qerda ta’ Pompej pagana, u fetħet mewġa ta’ devozzjoni lejn Ommna Marija.

4. Is-Santwarju meraviljuż li nbena f’Pompej juri l-imħabba u r-rikonoxxenza ta’ l-insara lejn is-Sultana tar-Rużarju.

WebRep

Overall rating