Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan – Mar 2005
Luċija twieldet fit-28 ta’ Marzu 1907 f’Ajustrel u tgħammdet fit-30 ta’ Marzu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Fatima. Il-ġenituri tagħha kienu Antonio dos Santos u Maria Rosa.
Billi kienet iż-żgħira fost seba’ wlied, sitt ibniet u tifel, kellha tfulija mfissda u tat-tmellis. Ta’ sitt snin għamlet l-Ewwel Tqarbina u bdiet ħajjitha bħala ragħajja, li fiha, mill-1917, kienu jakkompanjawha wkoll il-kuġini tagħha Franġisku u Ġaċinta. Din kienet ukoll is-sena tad-Dehriet tal-Verġni. Fihom Luċija kellha post ewlieni, hi kienet l-unika waħda li tkellment mal-Madonna u rċeviet mingħandHa messaġġ speċjali li kellha turih fil-futur.
Fit-13 ta’ Frar 2005 fil-5.25 p.m., fil-Karmelu ta’ Santa Tereża f’Coimbra, dawk l-għajnejn, li fid-dinja tagħna, raw l-għajnejn tal-Verġni l-Iktar Imqaddsa, ingħalqu bil-mod u ħelwin. Il-Kardinal Bertone, Arċisqof ta’ Genoa u Mibgħut Speċjali tal-Papa, l-Episkopat Portugiż u pellegrinaġġ bla ma jaqta’ ta’ fidili dawwru, b’imħabba u talb, il-ġisem tagħha espost fil-kappella tal-Karmelu. L-attivitajiet kollha u l-livelli kollha tas-soċjetà fil-pajjiż waqfu sabiex isellmu lill-figura kbira ta’ din ir-Ragħajja Żgħira li, bil-qawwa moħbija tat-talb u l-fidi kienet taf kif tmiss il-qlub. Kulħadd fittex li jgħix din l-esperjenza siewja ta’ konverżjoni proposta b’sempliċità siekta, permezz tat-talba tar-Rużarju u bis-sehem fl-Ewkaristija, kemm fil-Katidral ta’ Coimbra, fejn sar il-funeral, kif ukoll fil-Klawsura tal-Karmelu, fejn indifnet l-aħħar xhud tal-ġrajjiet ta’ Fatima.
Swor Luċija kienet persuna mdawwla, kollha ferħana bil-ġrajjiet li rċeviet u li kient l-intermedjarju tagħhom u minn naħa tagħha, ddedikata għalkollox għal Ġesù, ddedikata għal Marija, ddedikata għalina lkoll. Hi, li wettqet fedelment il-Messaġġ ta’ Fatima, ħalliet il-wegħda li mhix se tinsiena ħdejn Alla. Il-wirt li ħallitilna, permezz tal-kotba tagħha, joffrulna intimità straodinarja ma’ Alla u ma’ Marija. Ħajjitha u l-ħajja tal-kuġini tagħha li hi rrivelat fl-ewwel ittri tagħha lill-Isqof D. Jose, iservu bħala mudell għal dawk kollha li jixtiequ jisimgħu u jwieġbu għat-talbiet tal-Verġni tal-Cova da Iria.
L-aħħar kliem tagħha, matul il-lejl bejn is-7 u t-8 ta’ Frar, kienu: “Għall-Papa! .... Il-Madonna! ....Il-Madonna! .... L-Anġli l-aktar għeżież ... Qalb ta’ Ġesù! ... Qalb ta’ Ġesù! ..... Aħna sejrin, aħna sejrin .... lejn il-Ġenna mal-Mulej .... il-Madonna .... u r-Ragħajja ż-Żgħar!”
Minn “Bulletin of the Little Shepherds” October - December 2004”
Mill-kliem kollu li ntqal waqt din id-dehra, dawk li l-aktar baqgħu stampati f’qalbi kienu dawk tat-talba li għamlitilna l-Omm tagħna tas-sema:
“Toffendux iżjed lill-Mulej Alla tagħna, għax hu diġa offiż ħafna!”
Xi tnehida ta’ mħabba, x’talba tenera! Min se jħallini nġegħlha tidwi fid-dinja kollha, sabiex l-ulied kollha tal-Omm tagħna tas-Sema jisimgħu l-ħoss ta’ leħinha!
Jien għaddejt il-ħin ta’ wara nofs in-nhar ta’ dak il-jum mal-kuġini tiegħi. Aħna konna qisna xi ħlejjaq rari li l-folol riedu jaraw u josservaw. Sakemm daħal il-lejl kont mifnija wara dawk il-mistoqsijiet u interrogazzjonijiet kollha. Dawn lanqas biss ma waqfu ma’ nżul ix-xemx. Ħafna nies, li ma setgħux jistaqsuni, baqgħu sa l-għada fil-għodu, jistennew li jmisshom huma. Xi wħud minnhom ippruvaw ukoll ikellmuna dak il-lejl, iżda, jien mgħeluba bil-għejja, waqajt u rqadt fl-art. Għall-grazzja t’Alla, r-rispett uman u l-imħabba tiegħi nnifsi, dak iż-żmien, kont għadni ma nafx x’inhuma. Għal dik ir-raġuni, jien kont komda ma kwalunkwe persuna, daqs li kieku kont mal-ġenituri tiegħi.
Li niftakar sew dwar dak il-jum hu li jien wasalt id-dar mingħajr il-pjiegi tiegħi, li kont liebsa sa qaddi, u li ommi kienet ikkuntrarjata ħafna meta rat li kelli inqas xagħar minn Franġisku. Min seraqli l-pjiegi? Ma nafx. Qalb dik ir-rassa kollha ta’ ġemgħa bħal dik ma kienx hemm nuqqas ta’ mqassijiet jew idejn ħalliela. Kien faċli biżżejjed li nitlef il-maktur tiegħi, ukoll jekk fil-fatt ma nsteraqx.
Diġà, fix-xahrejn ta’ qabel, ħafna mill-pjiegi tiegħi kienu mqassin barra! Xejn m’hu tiegħi, għalhekk b’daqshekk! Kollox hu ta’ Alla. Ħalli jagħmel Hu kif jogħġbu.
Wara t-13 ta’ Ottubru, Franġisku qalli: “Ħadt pjaċir nara lil-Mulej tagħna, iżda ħadt pjaċir iżjed naraH f’dak id-dawl fejn aħna konna miegħU wkoll. Ma jdumx issa, u l-Mulej tagħna jeħodni ħdejH, u imbagħad jien inkun nista’ nħares lejH għal dejjem.
Fl-1920, id-djoċesi ta’ Leiria kienet imwaqqfa mill-ġdid u Dom José Alves Correia da Silva kien ikkonsagrat isqof tad-djoċesi. Hu mill-ewwel. Xtaq ikun mgħarraf b’kollox dwar il-ġrajjiet li seħħew f’Fatima u dwar Luċija, r-ragħajja ż-żgħira li kienet għada ħajja.
Malli sar jaf li f’dak iż-żmien Luċija kienet f’Fatima, l-isqof talab lil waħda mara tal-fiduċja tiegħu biex tmur u tara jekk, bil-kunsens ta’ ommha , setgħetx iġġibha f’Leiria.
Kien b’dal mod li Luċija ltaqgħet ma’ D. José għall-ewwel darba. L-isqof staqsiha dwar id-dehriet u hi wieġbet għall-mistoqsijiet tiegħu kif taf mill-aħjar li setgħet. Imbagħad staqsiha jekk xtaqitx tħalli Fatiuma u tmur f’Porto, fejn kienet għadha mhix magħrufa. L-isqof qalilha li:
Dwar din il-ġrajja Swor Luċija kitbet hekk fil-Memoirs tagħha:
“Meta rġajt lura Fatima żammejt is-sigriet tiegħi sew. Iżda l-ferħ li ħassejt meta sellimt lill-Isqof ma damx wisq. Bdejt naħseb fuq il-membri tal-familja tiegħi, id-dar tiegħi, il-Cova da Iria, l-Cabeço, Valinhos, il-bir. Li jkolli nħalli dak kollu, u għal dejjem! Biex immur ma nafx fejn. .... Kont għedt ‘iva’ lill-isqof, iżda issa ngħid li reġa’ bdieli u ma rridx immur hemm.”
U qisu f’talba lill-Ommha tas-sema, kompliet:
“Mela int kont li qbadtni minn idi u mexxejt il-passi tiegħi. Iva, int ġejt fid-dinja iktar minn darba biex turini t-triq. Mingħajrek, jien kont nitlef triqti u nħalli it-triq it-tajba.
F’dak in-nhar tal- 15 ta’ Ġunju 1921, int rajt it-taqbida tiegħi, l-indeċiżjoni tiegħi, u s-sogħba tiegħi għal ‘iva’ li kont għedt qabel. Int rajt id-dubji tiegħi dwar dak li kien jistennieni, u l-fehma tiegħi li nreġġagħha lura; Int rajt, ukoll, il-ħsieb ta’ dak li kont se nħalli u n-niket li kien jaqsamli qalbi.
Dit-tislima lil kollox, fl-ewwel fjur ta’ żogħżiti, meta kelli ġejjieni sabiħ quddiemi fid-dar ta’ Senhora D. Assunçao Avelar u ta’ oħrajn li offrewli dar u kura b’għożża materna, u li jien raddejtulhom bl-istess għożża. Biex nitlaq dan ukoll u dari stess, għal ġejjieni li ma nafux, taqqluli qalbi u ġegħluni nara affarijiet li lanqas biss ridt naħsibhom! Stajt nagħmlu? Staqsejt lili nnifsi. Le. Ngħid lill-ommi li ma rridx immur u meta għada ma nerġax nidher f’Leiria, tkun maqtugħa darba għal dejjem. Imbagħad nerġa’ lura Lisbona, jew Santarem fid-dar tal-għażiża tiegħi Sr. D. Adelaide, jew f’Leiria għand is-Sinjorini Patricio. Inkun aħjar f’xi wieħed minn dawn il-postijiet, u nkun nista’ nistudja u nagħmel ġejjieni tajjeb għalija nnifsi.
Ma nafx kif se jkun il-post fejn l-isqof iridni immur, u bil-kundizzjoni li qatt ma nerġa’ lura d-dar. Dan ifisser li qatt iktar ma nerġa’ nara l-familja tiegħi, u lanqas dawn il-postijiet imbierka: Cova da Iria, Cabeço, il-bir ta’ Arneiro, l-Knisja fejn jgħix Ġesù moħbi tiegħi u fejn irċevejt tant grazzji, it-Tbissima ta’ l-Ewwel Tqarbina tiegħi, Vila Nova de Ourem fejn hemm Ġaċinta, ċ-ċimitrerju fejn jinsabu l-fdalijiet tal-għażiż missieri u ta’ Franġisku! Qatt iktar ma nerġa’ lura biex nirfes fuq din l-art imbierka, sabiex immur Alla biss jaf fejn! U lanqas biss inkun nista’ nikteb direttament lill-ommi! Impossibli, ma mmurx!
Kien waqt li kont mitlufa f’dil-kotra ta’ ħsibijiet koroh li jien terraqt lejn il-Cova da Iria mill-Knisja ta’ Fatima, fejn, fil-għodu kmieni, għall-aħħar darba ħadt sehem fil-Quddies u tqarbint. Fil-Cova nżilt għarkubtejja u tbaxxejt għal fuq l-ilqugħ baxx li hemm biex iħares l-art fejn kienet il-balluta li fuqha serrħet riġlejha l-Madonna. Jien xerridt kotra ta’ dmugħ, waqt li tlabt lill-Madionna taħfirli li din id-darba ma stajtx noffri s-sagrifiċċju li jien dehrli li ma flaħtux.
Naturalment, ftakart fil-jum hieni tat-13 ta’ Mejju 1917, meta jien kont għedt ‘iva’, inwiegħed li naċċetta kull sagrifiċċju li Alla jogħġbu jibgħatli. U dit-tifkira kienet bħal dawl fil-fond ta’ ruħi; skruplu li ma ħallilix kwiet, ġegħlni nxerred dulluvju ta’ dmugħ.
Dak il-ħin, bl-ebda mod ma kont qed naħseb fuq xi laqgħa oħra, jew li titwettaq il-wegħda: “Jien se nerġa’ niġi hawn, is-seba’ darba”. Kien hemm ħafna nies oħra jistħoqqilhom iktar minni li Int tista’ tirrivelalhom lilek innifsek! Iżda, mhux lill-iżgħar tfal u dawk li huma l-aktar fil-ħtieġa li l-Omm tgħin l-ewwel? Mingħajr dubju, mis-Sema l-ħarsa tiegħek ta’ Omm kienet tħares il-passi tiegħi u, fil-mera bla qies tad-dawl ta’ Alla, inti rajt it-taqbida li għaliha kont wegħedt ħarsien speċjali. “Jien ma nħallik qatt. Il-qalb Bla Tebgħa Tiegħi tkun il-kenn t iegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Indirrizzata b’dal-mod, Int għal darba oħra nżilt mis-sema. Kien f’dan il-ħin li jien ħassejt l-id ħabiba u materna tiegħek tmissli spallejja. Jien erfajt għajnejja u rajtek. Hemm kont Int, Omm Qaddisa, biex tagħtini idek u turini t-triq. Xofftejk infetħu, u l-ħoss ħelu ta’ leħnek reġa’ ġab mill-ġdid id-dawl u s-sliem f’ruħi: “Jien qegħdha hawn għas-seba’ darba; mur, għaddi mill-mgħodija li minnha jrid jgħaddik l-isqof, din hi r-rieda ta’ Alla.”
Imbagħad jien tennejt l-‘iva’ tiegħi, issa ħafna iktar konxja mit-13 ta’ Mejju 1917. U kif Int erġajt lejn is-sema, qisu f’daqqa t’għajn, rajt sensiela sħiħa ta’ għeġubijiet, li erba’ snin qabel f’dak il-post, tħallejt nikkontempla.
Ftakart fl-għażiża Madonna tal-Karmelu u f’dak il-ħin ħassejt il-grazzja tal-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża u ġibda għall-Klawsura tal-Karmelu. Hadt lil Sr. Tereża ż-żgħira tal-Bambin Ġesù bi protettriċi tiegħi. Xi jiem wara, bil-parir ta’ l-isqof, għamilt l-‘ubbidjenza’ r-regola tiegħi u b’motto ħadt kliem il-Madonna mniżżlin fl-Evanġelju: “Għamlu kull ma jgħidilkom Hu.”
Il-kliem li ntqalu lil Elija kienu qishom indirizzati lili: “Qum, għax int għandek vjaġġ twil quddiemek”. Jien komplejt id-dawra ta’ tislim tiegħi ta’ l-aħħar. Għaddejt il-Cabeço, l-Valinhos, il-bir ta’ Arneiro, d-dar taz-zija u taz-ziju, l-kmamar li kienu joqgħodu fihom Franġisku u Ġaċinta, u fl-aħħarnett il-qiegħa antika. Kull tislima kienet qisha stallet ġo qalbi. Iżda jien kont tajt il-kelma, u għalhekk għandi nkun fidila! Ġeddidt l-‘iva’ tiegħi u biex jgħinuni sejjaħt lill-għażiż Anġlu Kustodju tiegħi u lill-Anġlu tal-Portugal, li kien il-prekursur tal-Verġni Mbierka.
Il-għada, fis-16 ta’ Ġunju 1921, għal xi 2.00 a.m., meta r-raħal kollu kien rieqed, jien qomt flimkien ma’ ommi. Bl-ebda mod ma kien jgħaddi minn moħħ ommi x’taqbida kienet għaddejja ġo qalbi, Abraham ieħor jixxabbat mal-muntanja sabiex joffri lil ibnu lil Alla. Imseħbin ma’ ħaddiem fqir, tlaqna, u fi triqtna għaddejna mill-Cova da Iria sabiex inkun nista’ ngħid Rużarju ta’ l-aħħar hemmhekk. Malli għednih, aħna tlaqna, iżda jien tnikkirt ftit biex ngħati l-aħħar tislima, u fil-post fejn illum hemm il-Bażilka jien rajt figura tad-dawl. Satħajjiltha li kienet l-għażiża Omm tiegħi tas-Sema tagħmilli kuraġġ u tgħtini l-barka tagħha ta’ omm. Iżda ma nafx, forsi kien r-rifless imħolli fl-ispirtu tiegħi minħabba dak kollu li kien seħħ il-lejl ta’ qabel, jew inkella d-dawl tal-qamar ġos-siġar.
Fis-2.00 p.m. konna fl-isitazzjoni f’Leiria fejn għannaqt lill-ommi f’tislima ta’ l-aħħar. Hi kienet tibki u, qisha għada mikduda mid-dubju, sellmitli b’dawn il-kelmiet: “Mur, binti, u jekk hu tassew li inti rajt lill-Madonna ħalli tieħu ħsiebek Hi, iżda jekk int kont qed tigdeb, allura tkun ħlejqa mdejqa.” U l-profezija ta’ ommi twettqet. Il-Madonna dejjem ħarsitni u mexxiet il-passi t iegħi.
AVE Maria!”
Hekk Luċija waslet fil-ħin fl-Asilo ġo Vilar no Porto, taħt il-ħarsien tas-Soru ta’ Santa Dorotea. Fl-14 ta’ Ottubru 1925, Luċija marret Spanja biex issir reliġjuża fl-istess Ordni. Kien fi Spanja li l-Madonna ġiet biex iżżomm il-wegħda li kienet għamlet fit-13 ta’ Lulju 1917: “Jien għad niġi biex nitlob għall-Konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet”.
Il-Madonna ġiet fl-10 ta’ Diċembru 1925 f’Pontevedra, fejn Luċija ,kienet diġa postulanta.
Il-Madonna reġgħet ġiet fit-13 ta’ Ġunju 1929 f’Tuy, biex tgħidilha li “kien wasal iż-żmien li fih Alla jitlob lill-Papa f’għaqda mall-isqfijiet kollha tad-dinja, jagħmel il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tagħha”.