Qabel id-dehriet tal-Madonna, it-tfal ta’ Fatima kellhom tlett dehriet ta’ l-Anġlu.
Luċija tirrakonta li waqt li hija flimkien ma’, Franġisku u Ġaċinta kienu qegħdin jilgħabu, dehrilhom żagħżugħ ta’ xi erbatax il-sena, li kien abjad iktar mis-silġ, u trasparenti bħall-kristall meta tiddi x-xemx minn ġo fih, u sabiħ ħafna. Meta wasal ħdejhom qalilhom “La tibżgħux: Jiena l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.
Waqt li niżel għarkuptejh, tbaxxa sakemm ġbinu mess l-art, u ġagħlhom jtennu għall-tlett darbiet il-kliem: -
“Alla tiegħi, jiena nemmen fik, jiena nadurak, nitma fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.”
Dawn il-kliem baqgħu stampati f’moħħhom tant li ma setgħux jinsewhom. Minn dak in-nhar il-quddiem kienu jgħaddu ħinijiet twal, baxxuti bħalma għamel l-Anġlu, jtennu kliemu, sakemm xi kultant kienu jaqgħu ma’ l-art, mifnijin.
Kien għadda ftit taż-żmien mill-ewwel dehra. Jum wieħed waqt li t-tlett itfal kienu qegħdin jilgħabu, f’daqqa waħda, raw maġenbhom lil Anġlu li staqsihom: ‘X’intom tagħmlu? Itolbu, itolbu ħafna! Il-Qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom pjanijiet ta’ ħniena għalikom. Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Aktar Għoli.” Luċija staqsiet: - “Kif nistgħu nagħmlu sagrifiċċji?”
“Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom iġġibu l-paċi għall-pajjiżkom. Jiena l-Anġlu Kustodju tagħha, l-Anġlu tal-Portugal. Fuq kollox, aċċettaw u sofru bis-sabar, it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.”
Kien għadda ħafna żmien mit-tieni dehra ta’ l-Anġlu meta jum wieħed it-tlett itfal niżlu għarkuptejhom bi ġbinhom imiss ma’ l-art, u waqt li kienu jtennu t-talba ta’ l-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok ….” dawl mhux tas-soltu idda fuqhom. Huma qamu biex jaraw x’kien qed jiġri u raw l-Anġlu. Hu kellu f’idu kalċi f’idejh ix-xellugija, b’Ostja sospiża il fuq minnu li minnha waqgħu ftit qtar tad-demm fil-kalċi; filwaqt li ħalla l-kalċi sospiż fl-arja, l-Anġlu niżel għarkuptejh maġenbhom u ġagħlhom jtennu għal tlett darbiet: - “L-iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, jiena nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, sagrileġġi u indifferenza li bihom Huwa offiż. U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-Iktar Imqaddsa tiegħu, u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, jiena nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam, ħa f’idejh il-Kalċi u l-Ostja, u ta l-Ostja mqaddsa lil Luċija, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġaċinta u Frnaġisku, filwaqt li qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, ddisprezzat ħafna minn nies ta’ qalb iebsa! Agħamlu tpattija għal atti ħżiena tagħhom u farrġu lil Alla.”
Għal darb’oħra, mixħut ma’ l-art huwa tenna magħhom għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “Trinità l-Aktar Qaddisa ….” u mbagħad għeb. Huma damu għal ħin twil f’din il-qagħda, jtennu l-istess kliem għal ħafna drabi.