Skond il-verżjoni ppreżentata minn Swor Luċija
fit-“TIELET MEMOIR” tal-31 ta’ Awissu 1941 għall-Isqof ta’ Leiria - Fatima
... Dan jenħtieġ li nitkellem dwar is-sigriet, u b’hekk inwieġeb l-ewwel mistoqsija.
X’hinu s-sigriet? Jidhirli li nista nikxfu, la jien diġà għandi l-permess mis-Sema biex nagħmel dan. Ir-rappreżentanti ta’ Alla fuq l-art awtorizzawni nagħmel dan kemm il-darba u b’ħafna ittri, waħda minnhom, naħseb, li qiegħda għandek. Din l-ittra hi mingħand Dun José Bernardo Gonçalves, u fiha jwissini biex nikteb lill-Papa, u fost l-oħrajn jissuġġerixxi, li għandi nikxef is-sigriet. Jien għidt xi ħaġa dwaru. Iżda biex ma ntawwalx fl-ittra, billi qaluli nikteb fil-qosor, jien illimtajt ruħi għal essenzjali, u ħallejt f’idejn Alla biex jipprovdi opportunità oħra iktar favorevoli.
Fit-tieni rakkont tiegħi jien diġà ddeskrivejt fid-dettal d-dubju li tturmentani mit-13 ta’ Ġunju sat-13 ta’ Lulju, u kif għeb għal kollox matul id-Dehra f’dak in-nhar.
Tajjeb, is-sigriet hu magħmul minn tlett partijiet distinti, tnejn minnhom se nikxef issa.
L-ewwel parti hi d-dehra ta’ l-infern.
Il-Madonna wrietna baħar kbir ta’ nar li deher qisu qiegħed taħt id-dinja. Mitfugħin ġo dan-nar kien hemm xjaten u erwieh f’sura ta’ bnedmin, qishom ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom swidija jew kulur il-bronż maħruq, għaddejjin fil-wiċċ fil-ħuġġieġa, issa mgħollijin fl-arja bil-fjammi li kienu ħerġin minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan, issa jaqgħu arbulati fuq kull naħa qishom sufarelli f’ħuġġieġa kbira, mingħajr toqol jew ekwilibriju, u fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazzjoni, li werwruna u ġagħluna nirtgħodu bil-biża’. Ix-xjaten setgħu jintagħrfu mid-dehra tagħhom tal-biża’ u li jimbuttak qishom bhejjem tal-biża’ u mhux magħrufin, kollhom suwed u trasparenti. Did-dehra damet xi mument. Kif nistgħu nkunu rikonoxxenti biżżejjed lejn l-Omm ħanina tagħna tas-sema, li kienet diġà ħejjietna billi wegħditna, fl-ewwel Dehra, li se teħodna l-ġenna. Kieku, naħseb li konna mmutu bil-biża’ u t-twerwir.
Aħna imbagħad ħarisna lejn il-Madonna, li qaltilna, b’tant ħlewwa u tant niket:
“Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erwieħ tal-midinbin imsejkna. Biex jeħlishom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Jekk isir kif ngħidilkom, isalvaw ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi. Il-gwerra se tieqaf: iżda jekk in-nies ma jiqfux milli joffendu ‘l Alla, tfaqqa’ waħda għar matul il-pontifikat ta’ Piju XI. Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal ik-kbir mgħoti lilkom minn Alla li hu se jikkastiga d-dinja għall-ħażen tagħha, permezz ta’ gwerra, ġuħ, u persekuzzjonijiet tal-Knisja u tal-Papa. Biex ma nħallix dan isir, jien se niġi biex nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tiegħi u t-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Jekk it-talbiet tiegħi jingħataw każhom, ir-Russja tikkonverti, u jkun hemm il-paċi; jekk le, hi xxerred l-iżbalji tagħha mad-dinja, li jġibu gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja. It-tajbin jinqatlu martri, il-Papa jkollu jbati ħafna; ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn. Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi għad toħroġ rebbieħa. Il-Papa jikkonsagra r-Russja lili, u hi tikkonverti u jingħata żmien ta’ paċi lid-dinja.”
It-tieni parti tirreferi għad-devozjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Kif kont diġa ktibt fit-tieni rakkont tiegħi, il-Madonna qaltli fit-13 ta’ Ġunju 1917, li hi qatt ma kienet se titlaqni waħdi, u li l-Qalb Bla Tebgħa tagħha se tkun il-kenn tiegħi u t-triq li se twassalni għand Alla. Waqt li qalet dawn il-kliem, hi fetħet idejha, u minnhom ħareġ dawl li nifed fil-fond ta’ qlubna. Naħseb li f’dak il-jum, l-għan ewlieni ta’ dan id-dawl kien li jdaħħal ġewwa fina għarfien u mħabba speċjali għall-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, l-istess bħalma fiż-żewġ okkażżjonijiet l-oħra kien maħsub, kif jidhirli, fir-rigward ta’ Alla u l-misteru tat-Trinità l-iktar Qaddisa.
Minn dak in-nhar il-quddiem, qlubna mtlew b’imħaba iktar imħeġġa lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Minn żmien għal ieħor, Ġaċinta kienet tgħidli: “Is-Sinjura qalet li l-Qalb Bla Tebgħa tagħha se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li se twasslek għand Alla. Ma tgħoġbokx din? Qalbha hi tant twajba! Kemm inħobbha!”
Kif fissirt iktar qabel, il-Madonna qaltilna, fis-sigriet ta’ Lulju, li Alla xtaq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tagħha; u li biex ma tħallix issir gwerra oħra, hi se tiġi biex titlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha, u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Minn hemm il-quddiem, kull darba li tkellimna dwar dan bejnietna, Ġaċinta kienet tgħid: “Jien imnikkta ħafna li ma nistax nitqarben bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija!”
Jien kont semmejt ukoll kif Ġaċinta għażlet mil-litanija ta’ ġakulatorji li ssuġġerielna Dun Cruz, dil-waħda: “Qalb Ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi!” Wara li tgħidha, xi kultant kienet iżżid, bis-sempliċità li kienet naturali għaliha: “Jien tant inħobb il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija! Hi l-Qalb tal-għażiża Omm tagħna fis-sema! Int ma tħobbx tirrepetiha ħafna drabi: ‘Qalb Ħelwa ta’ Marija, Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija?’ Jien tant inħobbha ħafna, ħafna.”
Drabi oħra, waqt li kienet tiġbor il-fjuri selvaġġi, kienet tgħanni melodija qasira li kkomponiet hi stess waqt li tkun għaddejja: “Qalb ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi! Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, ikkonverti l-midinbin, salva l-erwieħ mill-infern!
“J.M.J.
It-tielet parti tas-sigriet rivelat fil-Cora da Iria – Fatima, fit-13 ta’ Lulju 1917.
Qed nikteb b’ubbidjenza lejk, Alla tiegħi, li tordnali nagħmel hekk permezz tal-Eċċelenza tiegħu l-Isqof ta’ Leiria u permezz ta’ Omm L-Iktar Qaddisa tiegħek u tiegħi.
Wara ż-żewġ partijiet li diġà fissirt, fuq ix-xellug tal-Madonna u ftit il-fuq, rajna Anġlu li kellu f’idu x-xellugija xabla tarmi n-nar; tleħħ, kienet titfa’ fjammi li dehru li se jqabbdu d-dinja; iżda huma ntfew malli messew mas-sbuħija li l-Madonna kienet tferrex lejh minn idha l-leminija: waqt li juri lejn id-dinja b’idejh il-leminija, l-Anġlu għajjat b’leħen għoli: ‘Penitenza, Penitenza, Penitenza!’ U aħna rajna f’dawl bla qies li huwa Alla: ‘xi ħaġa bħal kif jidhru n-nies f’mera meta jgħaddu minn quddiemha’ Isqof liebes l-Abjad ‘aħna dehrilna li kien il-Papa’. Isqfijiet oħra, Qassisin, Reliġjużi rġiel u nisa telgħin muntanja wieqfa, li fil-quċċata tagħha kien hemm Salib kbir magħmul minn zkuk maqtugħin bl-addoċċ qishom tas-siġar tas-sufra bil-qoxra; qabel ma wasal hemm il-Papa għadda minn ġo belt kbira nofsa meqruda u b’pass nofsu jitriegħed u maqtugħ, mikdud bl-uġigħ u n-niket, talab għall-erwieħ tal-iġsma mejta li ltaqa’ magħhom fi triqtu; meta wasal fil-quċċata tal-muntanja, inqatel minn ġgajta suldati waqt li kien għarkubtejh f’riġlejn is-Salib kbir li sparawlu balal u vleġeġ, u bl-istess mod mietu hemm wieħed wara l-ieħor l-Isqfijiet l-oħra, il-Qassisin, ir-Reliġjużi rġiel u nisa, u diversi lajċi ta’ kategoriji u pożizzjonijiet differenti. Taħt iż-żewġ dirgħajn tas-Salib kien hemm żewġ Anġli kull wieħed b’‘aspersorium’ tal-kristal f’idu, li fih ġabru d-demm tal-Martri u raxxew bih fuq l-erwieħ li kienu sejrin għand Alla.
Tuy - 3-1-1944”