Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan-Mar 2004
Il-qdusija tal-bnedmin tikkonsisti filli jieħdu sehem fil-qdusija ta’ Alla. Kien għalhekk li Ġesù qal: “Kunu qaddisin kif inhu qaddis Missierkom tas-sema.” Is-sehem fil-qdusija ta’ Alla jinkiseb bil-grazzja li tqaddes.
Il-qdusija fil-bnedmin turi ruħha l-iktar fl-imħabba tagħhom għal Alla, u tintwera b’żewġ modi: il-ħarba tad-dnub u l-prattika tal-virtù.
Biex tagħmel xi ħaġa għall-imħabba t’Alla jenħtieġ il-qawwa sopranaturali.
Ir-Ragħajja ż-Żgħar irċevew l-għotja tal-grazzja li tqaddes fil-Magħmudija. Minħabba l-età tarija tagħhom, huma ma kellhomx passjonijiet u lanqas tiġrib partikulari, u għalhekk ma kienux jeħtieġu li jingħataw xi qawwa partikulari biex jegħelbuhom. Mela kif urew jew ippratikaw il-ħajja sopranaturali tagħhom? Permezz ta’ l-okkażjonijiet u l-opportunitajiet bla għad biex jagħmlu sagrifiċċji li huma offrewhom bi tpattija għall-offiżi magħmulin kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u, ma’ dawn, it-talb - speċjalment ir-Rużarju – li huma irreċitaw bi tweġiba għall-istedina ta’ l-Anġlu u tal-Imqaddsa Marija nnifisha.
Permezz tat-talba li għallimhom l-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok ….”, it-tfal ipprattikaw il-virtujiet divini u l-għola għamla ta’ mħabba billi jitolbu maħfra għal dawk li ma jemmnux, ma jadurawx, ma jittamawx u ma jħobbux lil Alla. B’dan il-mod huma għexu l-imħabba għal Alla u għall-bnedmin u b’hekk kisbu l-glorja tal-qdusija.
Meta nħossu lilna nfusna tassew fqar, mingħajr ma għandna xejn x’noffru lil Alla waqt li nidħlu fil-preżenza Tiegħu, ħa jkollna l-kuraġġ li nimxu t-triq tal-qdusija li mxew fuqha r-Ragħajja ż-Żgħar, inħobbu lil Alla, nadurawh, inkantaw it-tifħir tiegħu u noffrulu s-sagrifiċċji tagħna bi tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin kollha, fuq l-eżempju tal-Beati Franġisku u Ġaċinta.
mill-Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II
Skond il-pjan divin, “mara liebsa x-xemx” (Rv 12:1) niżlet mis-sema fid-dinja biex iżżur lit-tfal ipprivileġġjati tal-Misssier. Hija tkellimhom bil-leħen u l-qalb ta’ omm; hija titlobhom biex joffru lilhom infushom bħala vittmi ta’ tpattija, u tgħidilhom li se twassalhom qawwijin u sħaħ għand Alla. U ara, huma jaraw dawl jiddi ħiereġ mill-idejn materni tagħha li ippenetrahom minn ġewwa, tant li ħassewhom mgħaddsin f’Alla l-istess—kif jispjegaw huma—bħalma bniedem jara lilu nniffsu f’mera.
Iktar tard Fraġisku, wieħed mit-tlett itfal ipprivileġġjati, jgħid: “Aħna konna ninħarqu f’dak id-dawl li hu Alla u ma ġejniex fix-xejn. Kif inhu Alla? Huwa mpossibli tgħid. Fil-fatt aħna qatt ma jirnexxielna ngħidu lin-nies.” Alla: dawl li jaqbad mingħajr ma jtemm. Mose kellu l-istess esperjenza meta huwa ra lil Alla ġo l-għollieq jaqbad; huwa sema’ lil Alla jgħid li kien jitħassar lill-poplu tiegħu mjassar u li ddeċieda li jeħlishom permezz tiegħu: ‘Jien inkun miegħek (ara Eż 3:2-12). Dawk li jilqgħu din il-preżenza jsiru l-għamara u, konsegwentement, “għollieq jaqbad” ta’ l-Iktar Għoli.
L-iktar li impressjona u li mlielu ħajtu għalkollox, lil Beatu Franġisku, kien Alla f’dak id-dawl immens, li ippenetra l-iktar irkejjen ġewwinija tat-tlett itfal. Iżda Alla qal biss lil Fran[isku “kemm kien qalbu sewda’, kif qal hu. Darba bil-lejl missieru semgħu jolfoq u staqsieh għaliex kien qiegħed jibki; ibnu wieġbu: ‘kont qed naħseb fuq Ġesù li, huwa daqshekk qalbu sewda minħabba l-ħafna dnubiet li jsiru kontrieh”. Huwa kien imqanqal minn xewqa waħda—li tirrifletti tajjeb kif jaħsbu t-tfal—”li jfarraġ lil Ġesù u jagħmlu ferħan”.
Bidla sħiħa seħħet f’ħajtu, waħda li nistgħu nsejħulha radikali: transformazzjoni li ċertament mhix komuni għal tfal tal-età tiegħu. Huwa jiddedika ruħu għall-ħajja spiritwali intensiva, li turi ruħha f’talb bla waqfien u ferventi, u tieħu forma tassew ta’ għaqda mistika mal-Mulej. Din timbuttah għal purifikazzjoni progressiva tal-ispirtu billi jiċċaħħad mill-pjaċiri tiegħu saħansitra mill-logħob innoċenti tat-tfal.
Franġisku ġarrab mingħajr tgergir it-tbatijiet kbar kaġunati mill-mard li bih miet. Dan kien jidher ftit wisq biex ifarraġ lil Ġesù: huwa miet bi tbissima fuq xuftejh. Iż-żgħir Franġisku kellu xewqa kbira li jpattti għall-offiżi tal-midinbin billi jistinka li jkun tajjeb u billi joffri s-sagrifiċċji u t-talb tiegħu.
Il-ħajja ta’ Ġaċinta, oħtu li kienet xi sentejn iżgħar minnu, kienet motivata minn dawn l-istess sentimenti.
Iċ-ċkejkna Ġaċinta ħasset u esperjenzjat personalment it-tbatija kbira li ħasset il-Madonna, toffri lilha nfisa b’mod erojku bħala vittma għall-midinbin. Jum wieħed, meta hija u Franġisku kienu diġà ħadu l-marda li tefgħethom fis-sodda, l-Verġni Marija ġiet iżżurhom fid-dar tagħhom, kif iż-żgħira tirrakkonta: “l-Madonna ġiet iżżurna u qaltilna li dalwaqt kienet se tiġi u tieħu lil Franġisku fil-ġenna. U hi staqsietni jekk jien kontx għadni nixtieq li nikkonverti iktar midinbin. Jien għedtilha iva’. U meta wasal Iż-żmien għal Franġisku biex jitlaq, it-tifla ż-żgħira tgħidlu: “Wassal it-tislijiet tiegħi lill-Mulej tagħna u lill-Madonna u għidilhom li jien qed nissaporti kull ma jridu huma għall-konverżjoni tal-midinbin”
Ġaċinta kienet tant impressjoinata bid-dehra tal-infern matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju li l-ebda mortifikazzjoni jew penitenza ma kienet tant kbira biex issalva l-midinbin.
Hija setgħet tgħid bir-raġun kollu ma’ San Pawl: ‘Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja’ (Kol.1:24).
Il-Ħadd li għadda fil- Colosseum f’Ruma, aħna kkomemmorajna l-ħafna xhieda għall-fidi fl-20 seklu, nfakkru t-tribulazzjonijiet li sofrew matul ix-xhieda sinifikanti li ħallewlna. Sħaba li ma tingħaddx ta’ xhieda għall-fidi kuraġġużi ħallewlna wirt prezzjuż li għandu jibqa’ ħaj fit-tielet millennju.
Hawnhekk ġewwa Fatima fejn dawn iż-żminijet ta’ tribulazzjonijiet kienu mħabbra minn qabel u l-Madonna sejħet għat-talb u għall-penitenza biex jitqassru.
Jien nixtieq illi nirringrazzja lis-sema għax-xhieda qawwija murija f’dawk il-ħajjiet kollha. U għall darba oħra nixtieq niċċelebra t-tjieba tal-Mulej miegħi meta kont salvat mill-mewt wara li kont ġejt ferut gravament fit-13 ta’ Mejju 1981. Jien ukoll nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil Beata Ġaċinta għas-sagrifiċċji u t-talb offruti għall-Papa, li hija ratu jbati ħafna.