Minn “Calls from the Message of Fatima” ta’ Swor Lucia
Ħafna nies jilqgħu l-Messaġġ ta’ Fatima u jippruvaw iwettquh fil-prattika. Xi wħud ippruvaw, aktarx mingħajr suċċess, li jikkuntattjaw lil Swor Luċija fit-tfittxija tagħhom għal tifsir biex tgħinhom iwetttqu aktar fedelment it-talbiet li għamlu l-Anġlu u l-Madonna. Fl-1976, is-Santa Sede tat permess lil Swor Luċija biex twieġeb bil-kitba għal ħafna mistoqsijiet li ġew magħmulin lilha matul is-snin. Kien għalhekk li l-ktieb “Sejħiet mill-Messaġġ ta’ Fatima” inkiteb u l-publikazzjoni tiegħu kienet awtorizzata mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Fih, Swor Luċija tippreżenta tnejn u għoxrin ‘Sejħa’ mill-Messaġġ ta’ Fatima.
Aħna għażilna is-“Sejħa għat-Talb” bħala t-tema ta’ dan il-Bullettin, għaliex it-talb huwa t-triq li twassalna biex ningħaqdu iktar mill-qrib ma’ Alla. Huwa veru li teżisti nixfa spiritwali kbira fi żmienna u nuqqas kbir ta’ interjorità. Madankollu, jeżistu wkoll oasi ta’ talb u spiritwalità, flimkien ma’ jiem ta’ studju ddedikati għat-talb u għall-mistiċiżmu. Hemm ukoll gruppi ta’ nies li jgħamlu vġejjel ta’ talb, ħafna minnhom ġew ‘mixgħulin’, biex ngħidu hekk, mix-xema kbira ta’ talb li ilha taqbad ġewwa Fatima mill-1917.
Fil-ħdax il-paġna tat-tmien kapitlu, li hawn qegħdin nipproduċu f’forma mqassra ħafna, Luċija turina l-importanza tat-talb u t-triq għaliha fil-“forom varji” tiegħu, bil-għan li tgħinna “intgħomu l-ħlewwiet intimi tal-imħabba divina” li Alla biss jista’ jgħati lil dawk l-erwieħ ħerqana li huma lesti li jisimgħu leħnu u jagħmlu dak li huwa jikkmanda.
“Bħalma intom diġà tafu, din is-sejħa saret matul it-tieni dehra tal-Anġlu.
It-tlett itfal kienu bilqiegħda fuq ix-xifer tal-bir fl-art li tagħmel mad-dar tal-ġenituri tiegħi. Il-Messaġġier tas-sema deher u qalilhom: “X’intom tagħmlu?” Imbagħad, mingħajr ma qagħad jistenna tweġiba, huwa kompla: Itolbu, itolbu ħafna! Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom pjanijiet ……. intom tiġbdu l-paċi fuq pajjiżkom. Jiena l-Anġlu Kustodju tiegħu, l-Anġlu tal-Portugall. Qabel xejn, aċċettaw u ħudu b’sottomissjoni t-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom”
Rivelazzjonijiet sopranaturali ordinarjament huma akkompanjati minn grazzji speċjali li jiċċaraw it-tifsir tagħhom. Fil-fatt, għalkemm, f’dak Iż-żmien, it-tlett itfal kienu tabilħaqq ħafna l-bogħod milli jifhmu t-tifsir kollu tagħhom, bħalma aħna nistgħu nifhmuhom issa u ngħadduhom lill-erwieħ, billi hija r-rieda ta’ Alla li jiena għandi nagħmel dan, u huwa għalhekk li Hu għadu jżommni hawn għad-dispożizzjoni tiegħu.
F’dak iż-żmien, it-tfal ma setgħux jimmaġinaw li din is-sejħa għat-talb ma kenitx għalihom biss, iżda għall-umanità kollha. Illum, jiena nħares lejn din is-sejħa bħala werrej lejn it-triq murija minn Alla għall-ħlejjaq tiegħu sa mill-bidu tal-ħolqien.
Fil-fatt, kemm it-Testment il-Qadim u fil-Ġdid, li fihom hemm il-Kelma ta’ Alla, aħna nsibu l-mgħodija li Alla fassal b’mod l-aktar ċar għall-umanità. Sfortunatament, madankollu, l-bnedmin …. Ma jafux liema hija t-triq li minna jridu jgħaddu biex ġurnata waħda jkunu ferħanin fid-Dar ta’ Missierhom.
Minn mindu Adam dineb billi ma obdiex l-ordnijiet ta’ Alla, l-imnisslin minnu kollha ġarrbu l-weġa’ tal-mewt tal-ġisem. Ir-ruħ tagħna, madankollu, tibqa’ tgħix; hija terġa’ lura għand Alla, jekk hija tinsab fl-istat tal-grazzja; jekk, mill-banda l-oħra, hija tinsab fi stat ta’ dnub, dan l-istess dnub ibiegħedha minn Alla u jġorra lejn il-kastig etern.
… Billi dan huwa l-każ, huwa mportanti ħafna li aħna nirbħu t-tgawdija eterna għalina nfusna għaliex, filwaqt li ħajjitna fuq l-art tgħaddi, il-ħajja eterna ma titbiddilx u ma tispiċċax. Għalhekk, x’għandna ngħamlu? Aħsbu ftit fuq dawn il-kliem ta’ San Pawl: “L-ewwel bniedem kien ta’ l-art, bniedem mit-trab; it-tieni bniedem, huwa mis-sema. Bħalma l-bniedem mit-trab, hekk huma dawk li huma mit-trab; u bħalma l-bniedem hu mis-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema.” (1Kor 15, 47-49). Din ix-xbieha tas-sema li dwara jitkellem l-appostlu u li aħna għandna nippruvaw insiru bħalha, huwa Ġesù Kristu; aħna għandna nirriproduċuh fina nfusna permezz tal-fidi u l-imħabba sabiex, fil-jum tat-tluq tagħna għall-eternità, l-Missier ikun jista’ jara fina ix-xebħ ta’ Kristu u jilqagħna bħala wliedu fis-saltna tiegħu; u wkoll sabiex, fil-qawmien mill-imwiet, ġisimna ikun jista’ jaqsam fil-ferħ tal-ispirtu ….
Dwar l-aħħar jum, San Pawl jgħid: “Sa nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-raqda tal-mewt, iżda lkoll nitbiddlu, f’waqt wieħed, f’teptipa ta’ għajn ma’ l-aħħar tromba, u l-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu.” (1Kor 15, 51-52). Għalhekk aħna rridu niżguraw ruħna li din il-bidla sseħħ fina, skond il-grazzja ta’ Alla li, fil-ħniena tiegħu, tingħata lilna bi ħlas ta’ l-isforz umli u fidil tagħna….
Dan kollu juri l-bżonn kbir li nitolbu biex nersqu qrib t’Alla fit-talb. Huwa bit-talb li niksbu l-maħfra ta’ dnubietna, l-qawwa u l-grazzja biex nirreżistu t-tentazzjonijiet tad-dinja, tax-xitan u tal-ġisem…..
Huwa għal din ir-raġuni li l-Messaġġ iġedded il-kliem tal-Mulej: “Itolbu, itolbu ħafna!”. Din is-sejħa għat-talb hija ripetizzjoni tas-sejħa għat-talb mtennija kemm il-darba lilna minn Alla u li Ġesù Kristu ħalla lill-appostli kif ukoll lilna: “Ishru u itolbu”.
Diversi passaġġi tal-Iskrittura Mqaddsa juruna lil Ġesù Kristu jagħtina eżempju u jħeġġiġna biex nitolbu; u Hu mhux biss ħeġġiġna biex nitolbu, iżda għallimna kif nitolbu ….
Hemm ħafna modi kif titlob, jew kif tiltaqa’ ma’ Alla fit-talb. Liema hi l-aħjar waħda? Għal kull bniedem l-aħjar waħda hi dik li tgħinu jiltaqa’ ma’ Alla u jibqa’ f’kuntatt intimu Miegħu, qalb ma’ qalb, imħeġġeġ bl-imħabba għall-Missier bil-qalb ta’ Ġesù Kristu, jagħmel tiegħu l-istess xewqat u sentimenti ta’ Ġesù Kristu nnifsu, jsir ħaġa waħda ma’ Kristu kif Hu xtaqna nagħmlu u talab f’dan is-sens lill-Missier: “M’iniex nitlob għal dawn biss, iżda wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; (…). Kif inti fija, Missier, u jiena fik; ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.”
F’din it-talba sublimi ta’ Kristu, aħna nagħrfu l-pjanijiet ta’ Alla għalina; li nkunu ħaġa waħda miegħu bl-għaqda tagħna ma’ Kristu: “Kif inti, Missier, inti fija u jiena fik, li jkunu huma wkoll fina.” Iżda din l-għaqda ma’ Alla tista’ tinkiseb biss bit-talb; huwa bit-talb li aħna niltaqgħu ma’ Alla, u huwa f’din il-laqgħa li Hu jagħtina l-grazzji tiegħu, d-doni tiegħu, l-imħabba tiegħu u l-maħfra tiegħu.
Aħna naraw li fit-talba tiegħu, Ġesù Kristu talab f’isimna: “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom.” U aħna għandna x-xorti li aħna fost dawk li, bis-saħħa tal-kelma tal-Appostli li kienet mgħoddija lilna mis-suċċessuri tagħhom, jemmnu fil-Mulej, li hu dak li Ġesù wkoll talab lill-Missier f’isimna.
Nħossni tant ferħana meta naħseb li jien kont preżenti għalih meta Hu għamel din it-talba lill-Missier; li Hu kien qed jaħseb fija u ppreżentani lill-Missier bħala t-tfajla ta’ mħabbtu! Hu ħaseb fija, Hu ħaseb fik, Hu ħaseb fil-kotra bla għadd ta’ ħutu subien u bniet. U sabiex it-talba tagħna tkun mimlija bl-istess xewqat u sentimenti tat-talba ta’ Ġesù, hi għandha tkun magħquda mat-talba tiegħu għal dawk kollha li għad jemmnu fiH u għad isalvaw bil-merti tiegħu.
Ħalli mmorru lura għal … modi varji ta’ talb. Il-biċċa l-kbira tat-talb tagħna jista’ jkun “vokali”, li hu ndirizzat lejn Alla bil-kliem, sew dawk li joħorġu spontanjament mill-qalb jew billi nużaw formoli eżistenti bħal, per eżempju, l-Missierna, s-Sliema, l-Glorja lil Missier, il-Kredu u ħafna talb ieħor bħalhom li jintuża fil-Liturġija Mqaddsa.
Dan hu l-iktar mod ta’ talb komuni, u wkoll l-iktar aċċessibli għall-fidili ordinarji. Barra minn hekk, hu kien rakkomandat lilna minn Ġesù Kristu nnifsu: “Mela itolbu hekk: Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, … “ (Mt 6,9-13). Dan hu l-iktar forma sublimi mit-talb vokali, għax kien magħallem lilna mill-Iben ta’ Alla nnifsu. Għalhekk għandna nitolbuh b’devozzjoni, fiduċja, umiltà u mħabba mġeddin.
Imbagħad hemm kwalità oħra ta’ talb li għandna noffru lil Alla flimkien mat-talb vokali tagħna: hija “t-talba tax-xogħol tagħna”, tat-twettieq ta’ dmirijietna fl-istat tal-ħajja tagħna fi spirtu ta’ sottomissjoni umli lejn Alla, għax kien hu li tana l-liġi tax-xogħol. Għandna nagħmluh bl-imħabba u l-fedeltà lejn Alla u lejn il-proxxmu; b’dal-mod il-ħidmiet tagħna ta’ kuljum, għalkemm jidhru nsinifikanti, meta jkunu offruti lil Alla jsiru talba ta’ tifħir, ta’ radd il-ħajr, ta’ ndiema, u ta’ petizzjoni. Bħal Tobit, li l-anġlu qallu: “U issa, meta int u Sara kontu titolbu, jien kont inwassal it-talb tagħkom quddiem il-maestà tal-Mulej u nfakkru fih; meta kont tidfen il-mejtin kont nagħmel l-istess. Meta int ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex tqum, tħalli l-ikel, u tmur tkeffen il-mejtin, jien kont miegħek.” (Tb 12,12-13)
Dan il-passaġġ mill-Iskrittura Mqaddsa jgħidilna kif għandna nużaw il-ħin li Alla jagħtina f’ħajjitna: biċċa minnu mogħtija għat-talb, biċċa oħra biex naqdu d-dmirijiet tal-istat tal-ħajja tagħna, u l-bqija biex nagħmlu l-ġid lill-oħrajn għall-imħabba ta’ Alla ….
Fil-qadi tal-ħidmiet tagħna ta’ kuljum, aħna għandna nagħmlu ħilitna biex nagħrfu l-preżenza ta’ Alla; niftakru li Alla u l-Anġlu Kustodju tagħna qegħdin qrib tagħna, jaraw x’aħna nagħmlu, u b’liema ħsieb qegħdin nagħmluh. Għalhekk, għandna nqaddsu xogħolna, il-mistrieħ tagħna, l-ikliet tagħna, id-divertiment tajjeb tagħna, bħallikieku huma talba dejjiema. La nafu li Alla hu preżenti, hu biżżejjed li naħsbu fiH u minn ħin għal ieħor ngħidulu xi ftit kliem: kemm ta’ mħabba – Inħobbok, Mulej! – jew ta’ radd il-ħajr – Niżik ħajr, Mulej tal-ġid kollu li tagħtina - , jew ta’ petizzjoni – Mulej, għinni nkun fidil lejk; aħfirli dnubieti, l-ingratitudni tiegħi, l-bruda tiegħi, n-nuqqas ta’ għarfien, il-waqgħat tiegħi - jew ta’ tifħir – Imbierkek, Mulej, għall-kobor tiegħek, għat-tjieba tiegħek, għall-għerf tiegħek, għall-qawwa tiegħek, għall-ħniena tiegħek, għall-ġustizzja tiegħek, għall-imħabba tiegħek. Din it-taħdita ntima u familjari ma’ Alla tibdel xogħolna u ħidmietna ta’ kuljum f’ħajja ta’ talb tassew u dejjiemi. ….
Imbagħad hemm it-talb mentali, li popolarment jissejjaħ “meditazzjoni”. Hu jikkonsisti filli nqiegħdu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla biex nirriflettu fuq wieħed jew ieħor mill-Misteri rivelati … Dan it-talb huwa vantaġġjuż ħafna jekk nagħmluh tajjeb. Biex nagħmlu hekk, irridu nitkellmu ma’ Alla fuq is-suġġett li fuqu nkunu qegħdin nimmeditaw; inħarsu lejna nfusna sabiex naraw x’jonqosna biex nikbru fil-virtù li taqbel mas-suġġett li fuqu nkunu qed nimmeditaw. ….
Imbagħad hemm it-talb li bi drawwa jissejjaħ “kontemplazzjoni”. Dan jikkonsisti f’intimità li tqarribna iktar ma’ Alla; li fiha dawk li jipprattikawha jidħlu iktar fil-fond fil-preżenza ta’ Alla ġo fihom, jintelqu b’iktar intimità għall-ħidma tal-grazzja, tad-dawl u tal-imħabba ta’ Alla ġo fihom.
Imgeżwra f’atmosfera sopranaturali, r-ruħ tħalli lilha nfisha timtela, titqajjem, u titbiddel bil-ħidma ta’ Alla ġo fiha, tnaddafha, u tixrobha, hija ssib lilha nfisha mnaddfa, mibdula u mgħollija mill-ħidma divina li hi tħoss, iżda ma tafx kif. Żgur li Alla jista’ jagħti din il-grazzja lil xi bniedem mingħajr ma jgħamel l-ebda sforz, iżda ordinarjament il-Mulej jistenna lir-ruħ tilħaq sa hawn billi tkun fidila għat-trejqiet tat-talb vokali u mentali, għax huwa b’dal-mod li r-ruħ tkun imnaddfa u titlaq il-ħwejjeġ ta’ l-art sabiex tintelaq f’idejn Alla waħdu.
Tassew ftit wisq huma l-erwieħ li jilħqu sa hawn għax tassew ftit huma dawk li jintelqu għal kollox mill-materjaliżmu tal-ħajja, tal-ambizzjoni li tiġi mill-imħabba tagħna nfusna, mir-regħba, mill-kburija, u tiftix tal-unuri. U wkoll jekk dawn il-ħwejjeġ ma jilħqux il-punti li jkunu tassew ħżiena, huma madankollu jroxxu fuq ir-ruħ it-trab tad-dinja u ma jħalluhiex titla’ f’reġjuni għola tas-sopranaturali.
Għalhekk huma qatt ma jtogħmu l-ferħ intimu tal-imħabba divina, għax Alla jista’ jagħtihom biss lill-erwieħ meta huma jkunu mixtieqa ħafna li jirċievu l-grazzi tiegħu, attenti li jisimgħu leħnu u jimxu fit-triqat tiegħu. M’hemm xejn fid-dinja li jista’ jitqabbel; mal-ferħ li tħoss ir-ruħ f’din l-għaqda intima ma’ Alla. Sfortunatament, m’aħniex kapaċi napprezzaw dawn ir-rigali jew is-siwi tassew ta’ għana bħal dan; lanqas ma nafu kif ngħixu dan ir-rigal. Għal dan, ukoll, neħtieġu grazzja speċjali mingħand Alla li ma tistħoqilnhiex, iżda li hu jagħtina fil-ħniena tiegħu u mill-imħabba kbira li Hu għandu għalina.
Biex ngħalqu, t-talb huwa meħtieġ għal kulħadd, u aħna lkoll għandna nitolbu, kemm jekk it-talb tagħna hu vokali, mentali jew kontemplattiv.
…. Issa jien qed inkellmek dwar it-talb kollettiv, li fih aħna lkoll għandna nieħdu sehem. Aħna mmorru l-knisja biex nitolbu, biex ngħaqqdu t-talb tagħna ma’ dak ta’ ħutna subien u bniet. Dan hu dak li jiġri meta ninġemgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, biex naduraw is-Sagrament Imqaddes, biex nitolbu r-Rużarju u għat-talb l-ieħor tal-komunità.
Imbagħad m’għandniex ninsew li hemm ukoll it-talb privat ta’ kull wieħed minna. It-tfal kollha jfittxu xi ħin biex ikunu waħedhom ma’ missierhom biex ifissrulu t-toqol tagħhom, u jitolbuh l-għajnuna u t-twissijiet tiegħu. Issa Alla huwa tassew Missierna; għalhekk għandna ngħaddu ħin waħedna miegħU sabiex inqiegħdu quddiemu t-talbiet tagħna, r-radd il-ħajr tagħna, l-wegħdiet tagħna ta’ fedeltà u ta’ mħabba; sabiex, ukoll, nippreżentawlu t-taħbit tagħna, nirċievu l-għajnuna tiegħu, t-twissijiet tiegħu, d-dawl tiegħu, l-grazzja u l-wens tiegħu.
Hu f’din it-talba, mgħejxa f’taħdita tal-qalb ma’ Kristu, li aħna għandna nħejju lilna nfusna biex inwettqu l-missjoni li Alla jixtieq jafdalna, għax hu f’din il-laqgħa li Alla jagħtina d-dawl tiegħu, l-qawwa tiegħu u l-grazzja tiegħu, flimkien mad-doni tal-Ispirtu s-Santu. Hekk biss inkunu tassew appostli għall-ħutna subien u bniet, billi ngħaddulhom il-kelma ta’ Kristu.
Madankollu, flimkien ma’ dawn it-tempju mibnija bl-id tal-bniedem, aħna għandna tempji oħrajn li m’humiex inqas reali, fejn aħna għandna nitolbu u noffru lil Alla s-sagrifiċċji tagħna: rrid ngħid ruħna, qalbna, il-kuxjenza tagħna. Alla huwa hemm! It-Trinità l-Iktar Qaddisa tgħammar hemm. Jekk aħna ninsabu fl-istat tal-grazzja, aħna tempji ta’ Alla: “Jekk xi ħadd iħobbni, jħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu ngħammru għandu.” (Ġw 14,23).
Hekk ġejna għall-misteru ta’ Alla li jgħix ġo fina, li jseħħ mhux biss permezz tal-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu, meta nirċevuh fit-Tqarbin Imqaddes, taħt l-ispeċi kkonsagrati tal-ħobż u l-inbid, … Barra minn hekk, Alla jgħix ġo fina bil-preżenza reali tat-tlett Persuni Divini, li jbiddlu r-ruħ tagħna f’tempju ħaj u dejjiemi fejn Hu jgħammar sakemm bid-dnub, ma nagħmlux lilna nfusna ma jistħoqqilniex il-preżenza divina tiegħu. Dan hu li jgħid San Pawl: “Ma tafux li intom tempji ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.” (1Kor 3, 16-17).
Forsi aħna ma napprezzawx għalkollox it-teżor bla qies li nġorru ġo fina u huwa għal din ir-raġuni li xi kultant ngħixu daqshekk bla kont. Il-fidi tagħna ddalmet, u għalhekk id-dawl tagħha m’għadux idawwal il-passi tagħna: b’hekk ħajjitna ssir laxka, it-talb tagħna mingħajr ħeġġa, u l-għaqda tagħna ma’ Alla tintesa u tgħib.
Sabiex inwieġbu għal din is-sejħa għat-talb li Alla jgħamlilna permezz tal-Messaġġ, aħna għandna nintensifikaw il-ħajja ta’ fidi tagħna, sabiex hi twassalna biex nipprattikaw il-grad ta’ ċaħda meħtieġa biex tħarisna milli noffendu lil Alla u hekk nibqgħu fil-grazzja tiegħu.