(Din hi traduzzjoni bil-Malti mit-Tieni Memoir ta’ Swor Luċija, li hi kitbet bil-Portugiż, ippubblikat fil-ktieb “Memorias da Irmã Lúcia” u tradott bl-Ingliż: “Fatima in Lucia’s Own words”, li jinsab ukoll fuq is-sit elettroniku: http://www.pastorinhos.com/en/publications/ . Swor Luċija kitbet dan il-Memoir fuq ordni tal-Isqof ta’ Leiria, u għalhekk hi tirrakkonta qisha qed tiktiblu ittra twila.)
Luċija r-Ragħajja
Dan (rakkuntat s’issa) hu kif kienet is-sitwazzjoni sakemm kelli seba’ snin. Wara, ommi ddeċidiet li jien kelli nibda nieħu ħsieb in-nagħaġ. Missieri ma qabilx, u lanqas ħuti l-bniet. Huma tant kienu jħobbuni, li riedu li ssir eċċezzjoni miegħi. Ommi ma riditx iċċedi. “Hi l-istess bħal oħrajn,” qalet, “Karolina diġà għalqet tnax-il sena. Jiġifieri, issa hi tista’ tibda taħdem fl-għelieqi, jew, titgħallem biex issir nissieġa jew ħajjata, liema trid”.
Il-ħsieb tan-nagħaġ imbagħad ingħata lili. L-aħbar li kont se nibda l-ħajja tiegħi ta’ ragħajja xterdet malajr fost ir-ragħajja l-oħra; kważi kollha ġew u offrewli nirgħa magħhom. Jien lil kollha għidtilhom “Iva”, u ftehimt ma’ kull waħda minnhom biex niltaqgħu fuq l-għoljiet tas-Serra. L-għada, is-Serra kienet massa sħiħa ta’ nagħaġ mar-ragħajja tagħhom, qisha miksija minn sħaba. Iżda jien ħassejtni skomda qalb dik it-tgeġwiġija. Għalhekk, għażilt tlieta minn fost ir-ragħajja biex ikunu sħabi, u mingħajr ma għedt xejn lil ħadd ftehmna li nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq l-għoljiet tan-naħa l-oħra. It-tlieta li għażilt kienu: Teresa Matias, oħtha Maria Rosa u Maria Justino. L-għada, tlaqna lejn l-għolja magħrufa bħala Cabeço. Tlgħajna l-għolja tat-tramuntana. Valinhos, post li l-Eċċellenza Tiegħek diġà taf bih, qiegħed fin-nofsinhar tal-istess għolja. Fil-lvant taż-żurżieqa hemm l-għar li diġa semmejt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta. Aħna tlajna bin-nagħaġ tagħna kważi sal-quċċata tal-għolja. L-isfel minna kien hemm medda kbira ta’ siġar – żebbuġ, ballut, arżnu, ġandar, u l-bqija, li kienu jibqgħu sejrin l-isfel lejn il-wied.
Id-dehriet tal-Anġlu
Għal ħabta ta’ nofsinhar, kilna. Wara dan, stedint lil sħabi jitolbu miegħi r-Rużarju, u huma qablu miegħi bil-qalb. Bilkemm ilħaqna bdejna meta, hemm quddiem għajnejna, rajna figura fl-ajru ’l fuq mis-siġar, dehret qisha statwa tal-borra, li kienet kważi trasparenti fir-raġġi tax-xemx.
“Dan x’inhu?” sħabi staqsew, kemxejn imbeżżgħa.
“Ma nafx!”
Aħna komplejna nitolbu, b’għajnejna ffissati fuq il-figura ta’ quddiemna, u meta spiċċajna t-talb tagħna, l-figura sparixxiet. Bħal ma nagħmel is-soltu, jien iddeċidejt li ma ngħid xejn; iżda sħabi, malli waslu d-dar, qalu lill-familji tagħhom b’dak li ġara. L-aħbar malajr xterdet, u darba meta wasalt id-dar, ommi staqsietni:
“Ħares ’l hawn! Qed jgħidu li hemm fuq rajtu ma nafx x’hiex. X’rajtu?”
“Ma nafx,” u billi ma stajtx infisser lili nnifsi, komplejt:
“Dehret qisha persuna imgeżwra ġo liżar!” Minħabba li ridt ngħid li ma stajtx nagħraf il-fattizzi tagħha, żidt ngħid:
“Ma stajtx tagħraf jekk kellhiex għajnejn jew idejn.”
Ommi temmet l-argument kollu b’mossa ta’ stmellija: “ħmerijiet tat-tfal!”
Id-dehriet tal-Anġlu lit-Tlett Ragħajja ż-Żgħar
Wara ftit taż-żmien, erġajna morna bl-imrieħel tagħna fl-istess post, u l-istess ħaġa reġgħet seħħet mill-ġdid. Sħabi għal darb’oħra reġgħu qalu b’kollox. Wara ftit, kienet imtennija l-istess ħaġa. Kienet it-tielet darba li ommi semgħet dawn il-ħwejjeġ kollha li kienu qed jingħadu dwari barra, mingħajr ma jien kont għedt l-ebda kelma dwarhom fid-dar. Għalhekk, sejħitli, pjuttost imdejqa, u qaltli:
“Issa, ħa naraw! X’inhu dak li intom il-bniet qed tgħidu li rajtu hemm fuq?”
“Ma nafx, ma. Ma nafx x’inhu!”
Xi nies bdew jgħadduna biż-żmien. Ħuti l-bniet, ftakru li għal xi żmien wara li għamilt l-Ewwel Tqarbina jien kont inkun kemxejn mitlufa, staqsewni aktarx b’disprezz:
“Qed tara lil xi ħadd imgeżwer ġo liżar?”
Ħassejt ħafna dawn il-kliem u mġieba ta’ żuffjett, billi sa dan iż-żmien kont imdorrija għal xejn ħlief żegħil. Iżda dan ma kien xejn, tassew. Qed tara, ma kontx naf x’kellu imħejji għalija għal li ġej il-Mulej twajjeb.
Madwar dan iż-żmien, kif diġà rrakuntajt lill-Eċċellenza tiegħek, Franġisku u Ġaċinta talbu u qalgħu il-permess mingħand il-ġenituri tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb il-merħla tagħhom. Għalhekk tlaqt lit-twajba sħabi u minflok isseħibt mal-kuġini tiegħi, Franġisku u Ġaċinta. Ftehmna li nirgħu il-merħliet tagħna fuq l-artijiet taz-ziju u z-zija u tal-ġenituri tiegħi, biex ma mmorrux lejn is-Serra mar-ragħajja l-oħra kollha.
L-Ewwel Dehra tal-Anġlu
Jum wieħed, tlaqna bin-nagħaġ tagħna lejn xi art tal-ġenituri tiegħi, li tinsab taħt iż-żurżieqa tal-lvant tal-għolja li diġà semmejt. Din il-proprjetà kienet tissejjaħ Chousa Velha. Ftit wara li wasalna, madwar nofsinhar, bdiet traxxax irqieq, tant irqieq li kienet qisha ċpar. Aħna tlajna l-għolja, bil-merħliet tagħna jimxu warajna, infittxu xi ħarrieġa fil-blat fejn inkunu nistgħu nistkennu. B’hekk din kienet l-ewwel darba li aħna dħalna f’din it-toqba mbierka qalb il-blat. Din kienet f’nofs il-masġar taż-żebbuġ li kellu n-nannu tiegħi Anastácio. Minn hemm, kont tista’ tara r-raħal żgħir fejn twelidt jien, id-dar tal-ġenituri tiegħi, u l-irħula żgħar ta’ Casa Velha u Eira da Pedra. Il-masġar taż-żebbuġ, proprjetà ta’ diversi nies, kien jasal sa truf l-istess irħula żgħar. Aħna għaddejna l-jum hemmhekk qalb il-blat, minkejja l-fatt li x-xita kienet waqfet u ix-xemx kienet qed tiżreġ ħafna u s-sema safi. Aħna kilna l-ikel li ħadna magħna u għedna r-Rużarju. M’iniex ċerta jekk dakinhar għednihx bil-mod kif diġà iddeskrivejt lill Eċċellenza Tiegħek, billi ngħidu biss il-kelma Sliem-għalik-Marija u Missierna fuq kull żibġa, daqskemm kellna leblieba biex immorru nilgħabu! Malli spiċċajna t-talb tagħna, bdejna nilgħabu ‘ċagħaq’!
Konna gawdejna l-logħba għal ftit ħin biss, meta riħ qawwi beda jċaqlaq is-siġar. Aħna ħarisna l-fuq, maħsudin, meta rajna x’kien qed jiġri, għax il-jum kien ħiemed iktar mis-soltu. Mbagħad, ’l fuq mis-siġar taż-żebbuġ, rajna riesqa lejna l-figura li diġà semmejt. Ġaċinta u Franġisku qatt ma kienu rawha qabel, u jien lanqas qatt ma kont semmejthielhom. Filwaqt li qorbot lejna, stajna nagħarfu l-karatteristiċi tagħha. Kien raġel zagħżugħ, ta’ xi erbgħatax jew ħmistax-il sena, abjad iktar mis-silġ, trasparenti daqs il-kristall meta x-xemx tiddi minn ġo fih, u sabiħ ħafna. Malli wasal ħdejna, qal: “La tibżgħux! Jien l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.”
Filwaqt li niżel għarkupptejh, baxxa rasu l-isfel sakemm ġbinu mess mal-art, u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet dawn il-kliem: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.” Imbagħad, filwaqt li qam bilwieqfa, qal: “Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija qegħdin attenti għal-leħen tat-talb tagħkom.”
Kliemu tnaqqxu tant fil-fond f’moħħna li qatt ma stajna ninsewhom. Minn dakinhar il-quddiem, konna nqattgħu ħinijiet twal, baxxuti bħall-Anġlu, ntennu kliemu, sakemm xi kultant aħna waqajna fl-art, mifnijin. Jien, mill-ewwel, wissejt lill-sħabi li din il-ħaġa għandha tinżamm mistura u, għall-grazzja t’Alla, huma għamlu kif ridt jien.
It-Tieni Dehra tal-Anġlu
Kien għadda xi ftit taż-żmien, u daħal is-sajf, meta kien ikollna mmoru d-dar għall-mistrieħ ta’ wara nosfinhar. Jum wieħed, konna qegħdin nilgħabu fuq ix-xorok tal-bir li hemm f’tarf il-ġnien tal-ġenituri tiegħi, li aħna nsejħulu l-Arneiro. (Diġà semmejt dan il-bir lill-Eċċllenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta). F’daqqa waħda, rajna ħdejna l-istess figura, jew aħjar Anġlu, kif deherli li kien.
“X’qed tagħmlu?” staqsiena. “Itolbu, itolbu ħafna! Il-Qlub l-iktar qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom proġetti ta’ ħniena għalikom. Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli.”
“Kif għandna nagħmluhom is-sagrifiċċji?” staqsejt jien.
“Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom iġġibu l-paċi fuq pajjiżkom. Jiena l-Anġlu kustodju tiegħu, l-Anġlu tal-Portugall. Fuq kollox, ilqgħu u sofru bis-sabar it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.”
It-Tielet Dehra tal-Anġlu
Kien għadda ħafna żmien, meta jum wieħed morna nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq proprjetà tal-ġenituri tiegħi, li tinsab fuq iż-żurżieqa tal-għolja li semmejt, ftit iktar il-fuq minn Valinhos. Dan hu masġar taż-żebbuġ jgħidulu Pregueira. Wara li kilna, iddeċidejna li mmorru nitolbu fil-wesgħa qalb il-blat fuq in-naħa l-oħra tal-għolja. Biex naslu hemm, dorna madwar l-għolja, u kellna nixxabtu fuq xi blat il-fuq mill-Pregueira. In-nagħaġ, bi tbatija kbira, bilkemm setgħu jitilgħu fuq dawn il-blat.
Malli wasalna hemm, inżilna għarkupptejna, bi ġbinna jmissu l-art, u bdejna ntennu t-talba tal-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! …”, ma nafx kemm-il darba konna tennejna din it-talba, meta dawl mhux tas-soltu idda fuqna. Aħna qomna f’salt biex naraw x’kien qed jiġri, u rajna l-Anġlu. Hu kien qed iżomm kalċi f’idu x-xellugija, bl-Ostja sospiża fuqu, li minnha waqgħu xi qtar tad-demm għal ġol-kalċi. Filwaqt li ħalla l-kalċi sospiż fl-ajru, l-Anġlu niżel għarkupptejh maġenbna u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet:
“Trinità l-iktar Qaddisa, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, għas-sagrileġġi u għall-indifferenza li bihom Huwa nnifsu hu offiż. U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-iktar qaddisa tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam, ħa f’idejh il-kalċi u l-Ostja. Hu ta l-Ostja mqaddsa lili, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġaċinta u Franġisku, u waqt li għamel hekk qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, mgħaddab bl-ikraħ min-nies bla qalb! Għamlu tpattija għall-ħtijiethom u farrġu lil Alla tagħkom.”
Għal darba oħra, hu tbaxxa mal-art u tenna magħna, għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “Trinità Qaddisa …” u mbagħad għeb.
Aħna bqajna għal żmien twil f’din il-qagħda, intennu l-istess kliem għal ħafna drabi. Meta fl-aħħar qomna bil-wieqfa, indunajna li kien diġà dalam, u għalhekk kien sar il-ħin biex nerġgħu lura d-dar.
Inkwiet fid-Dar ta’ Luċija
Hawn jien, Eċċellenza, f’għeluq it-tlett snin tiegħi bħala ragħajja, minn meta kelli seba’ snin sakemm għalaqt l-għaxar snin. Matul dawn it-tlett snin, id-dar tagħna, u nażżarda ngħid, il-parroċċa tagħna wkoll, tista’ tgħid li għaddew minn bidla sħiħa. Ir-Reverendu Dun Pena ma baqax il-kappillan tagħna, u floku sar ir-Reverendu Dun Boicinha. Meta dan il-qassis kollu ħeġġa sar jaf li fil-parroċċa kien hemm drawwa mifruxa ħafna li jsir żfin bla waqfien, hu mill-ewwel beda jippriedka kontra tagħha minn fuq il-pulptu fil-priedki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd. Hu ma kien jitlef l-ebda okkażjoni, kemm fil-pubbliku kif ukoll privatament, biex jeħodha kontra din id-drawwa ħazina. Malli ommi semgħet lil dan il-qassis tajjeb jitkellem kontra din il-moda, hi ma ħallietx lil ħuti l-bniet jieħdu sehem f’dawn id-divertimenti. Minħabba li l-eżempju ta’ ħuti l-bniet ħajjar lill-oħrajn biex ma jieħdux sehem, din id-drawwa bil-mod il-mod inqatgħet. L-istess ġara fost it-tfal, li kienu jorganizzaw iż-żifniet żgħar għalihom, kif diġà fissirt lill-Eċċellenza Tiegħek meta ktibt dwar il-kuġina tiegħi Ġaċinta.
B’riferenza għal dan, darba xi ħadd qal lill-ommi:
“Sa issa, ma kienx dnub li tieħu sehem fiż-żfin, iżda sempliċement għax għandna kappillan ġdid, hu dnub. Kif jista’ jkun dan?”
“Ma nafx,” wieġbet ommi. “Kulma naf hu li l-qassis ma jridx żfin, għalhekk uliedi l-bniet mhux se jmorru iktar għall-laqgħat bħal dawk. L-iktar, inħallihom jiżfnu ftit fil-familja, għax il-qassis jgħid li b’daqshekk m’hemm xejn ħazin.”
Matul dan iż-żmien, iż-żewġ ħuti bniet il-kbar telqu mid-dar, wara li rċevew is-sagrament taż-żwieġ. Missieri beda jgħamilha ma kumpanija ħażina, u ħalla d-dgħjufija tiegħu tirkbu, dan fisser it-telf ta’ xi proprjetà tagħna. Meta ommi ndunat li l-mezzi tal-għejxien tagħna kienu qed jonqsu, hi ddeċidiet li tibgħat liż-żewġ ħuti l-bniet, Gloria u Carolina, biex imorru jaħdmu bħala sefturi.
In-niket ta’ omm Luċija
Id-dar, kien baqa’ biss ħija, biex jieħu ħsieb il-ftit għelieqi li baqgħalna; ommi, biex tieħu ħsieb id-dar; u jien, biex noħroġ n-nagħaġ tagħna jirgħu. L-imsejkna ommi dehret qisha mgħarrqa f’baħar ta’ niket. Bil-lejl, meta konna ninġabru madwar in-nar, nistennew lill-missieri jiġi jiekol, ommi kienet tħares lejn il-postijiet vojta ta’ wliedha l-bniet u bi swied ta’ qalb kbir tgħid: “Alla tiegħi, fejn mar il-ferħ kollu tad-dar tagħna?” Imbagħad filwaqt li sserraħ rasha fuq mejda żgħira maġenbha, kienet tinfexx tibki biki kbir. Ħija u jien konna nibku magħha. Dik kienet waħda mill-aktar xeni ta’ niket li qatt rajt. Xi ngħidu billi kont imxennqa għall-ħuti l-bniet, u nara lill-ommi daqshekk imkedda, kont inħoss qalbi se tinqasam. Għalkemm kont għadni żgħira, fhimt sew il-qagħda li konna ninsabu fiha.
Imbagħad ftakart kliem l-Anġlu: “Fuq kollox, ilqgħu bis-sabar is-sagrifiċċji li l-Mulej jibgħatilkom.” F’waqtiet bħal dawn, kont immur f’xi mkien imwarrab, biex ma nkattarx it-tbatijiet t’ommi, billi nħalliha tara n-niket tiegħi. Dal-post, ġeneralment, kien ikun il-bir tagħna. Hemmhekk, għarkupptejja, baxxuta għal fuq tarf ix-xorok ta’ fuq il-bir, id-dmugħ tiegħi tħallat mal-ilmijiet ta’ taħt u offrejt it-tbatijiet tiegħi lil Alla. Xi minn daqqiet, Ġaċinta u Franġisku kienu jiġu u jsibuni hekk, f’niket kbir. Billi kien ikolli leħni maħnuq bl-ilfieq u ma kontx inkun nista’ nlissen l-ebda kelma, huma kienu jaqsmu tbatijieti, tant li huma wkoll kienu jxerrdu ħafna dmugħ. Imbagħad Ġaċinta kienet tagħmel l-offerta tagħna tgħajjat: “Alla tiegħi, aħna noffrulek dawn it-tbatijiet u s-sagrifiċċji kollha, bħala att ta’ tpattija, u għall-konverżjoni tal-midinbin.” Il-formula tal-offerta ma kenitx tkun dejjem eżatt, iżda s-sens tagħha kien ikun dejjem l-istess.
Din it-tbatija kollha bdiet tgħarraq saħħet ommi. Ma kenitx iktar tiflaħ taħdem, għalhekk bgħatet għal oħti Gloria biex tiġi tieħu ħsiebha, u tieħu ħsieb id-dar ukoll. Kienu kkonsultati t-tobba u l-kirurgi kollha li kien hemm f’dawk l-inħawi. Ippruvajna kull xorta ta’ mediċina, iżda ma kien hemm l-ebda titjib ta’ xejn. Il-kappillan twajjeb offra biex jieħu lill-ommi f’Leiria fuq il-karrettun tal-bagħal tiegħu, biex tikkonsulta t-tobba t’hemm. Hi marret Leiria akkompanjata minn oħti Teresa. Izda reġgħet lura d-dar nofsha mejta wara vjaġġ bħal dak, mifnija minn tant konsulti, u mingħajr ma kisbet l-ebda riżultat ta’ fejda. Fl-aħħar, kien ikkunsultat kirurgu f’S. Mamede. Huwa qal li ommi kellha leżjoni tal-qalb, rukkel tax-xewka ta’ daharha mhux f’postu, u l-kliewi mdendlin. Hu ordnalha trattament rigoruż bil-labar jikwu u diversi għamliet oħra ta’ kura, u dan tejjeb xi ftit il-kundizzjoni tagħha.
Din kienet il-qagħda tagħna meta wasal it-13 ta’ Mejju 1917. Kien għal ħabta ta’ dan iż-żmien ukoll li ħija laħaq l-età biex jingaġġa fl-armata. Minħabba li saħħtu kienet tajba ħafna kollox kien juri li kellu jkun aċċettat. Barra minn hekk, kienet għaddejja l-gwerra, u kien ikun diffiċli li jikseb l-eżenzjoni mis-servizz militari. Ommi, imbeżża’ li kienet se tibqa’ waħedha u ma jkun hemm ħadd biex jieħu ħsieb l-art, bagħatet għal oħti Carolina biex tiġi d-dar. Sa dan it-tant, il-parrinu ta’ ħija wegħdu li jiksiblu l-eżenzjoni. Hu għaddhielu kelma mat-tabib responsabbli mill-eżami mediku, u b’hekk il-Mulej ħanin għoġbu jagħti dan is-serħan lill-ommi.
Issa m’iniex se nitlef żmien biex noqgħod niddeskrivi d-dehra tat-13 ta’ Mejju. Din hi magħrufa biżżejjed mill-Eċċellenza Tiegħek, u għalhekk ikun telf ta’ żmien għalija li nidħol fiha hawnhekk. Inti taf ukoll kif ommi saret taf b’dak li ġara, u kif hi għamlet minn kollox biex iġġgħelni nammeti li jien kont gdibt. Aħna konna ftehmna biex qatt ma nikxfu ma ħadd il-kliem li l-Madonna kienet qaltilna dak in-nhar. Wara li wegħditna li se teħodna l-Ġenna, hi staqsietna:
“Intom lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu it-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu,” kienet it-tweġiba tagħna.
“Mela, intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja ta’ Alla tkun il-faraġ tagħkom.”
It-13 ta’ Ġunju, il-festa ta’ Sant Antnin, dejjem kien jum ta’ festi kbar fil-parroċċa tagħna. F’dak il-jum, aħna s-soltu noħorġu l-imrieħel filgħodu kmieni ħafna, u fid-disgħa nerġgħu ngħalquhom fl-imqawel tagħhom, u mmorru l-festa. Ommi u ħuti l-bniet, li kienu jafu kemm kont nagħmel għall-festi, qagħdu jgħiduli: “aħna għad irridu naraw jekk intix se tħalli l-festa sempliċement biex tmur fil-Cova da Iria, u titkellem ma’ dik is-Sinjura!” F’dak il-jum stess ħadd ma qalli kelma waħda. Sa fejn kien jolqot lili, huma ġabu ruħhom bħallikieku kienu qed jgħidu: “Ħalluha waħedha; u dalwaqt naraw x’se tagħmel!”
Jien ħriġt il-merħla tiegħi maż-żernieq, bil-ħsieb li ndaħħalhom lura fil-maqjel fid-disgħa, immur il-Quddiesa fl-għaxra, u wara dan, immur fil-Cova da Iria. Iżda bilkemm laħqet telgħet ix-xemx li ma ġiex ħija jagħajjatli. Qalli biex immur lura d-dar, għax kien hemm diversi nies li riedu jkellmuni. Huwa nnifsu baqgħa mal-merħla, u jien mort nara x’riedu. Sibt ftit nisa, u rġiel ukoll, li kienu ġew minn postijiet bħal Minde, minn madwar Tomar, Carrascos, Boleiros, u l-bqija. Huma xtaqu jiġu miegħi sal-Cova da Iria. Jien għedtilhom li kien għadu kmieni, u stedinthom biex jiġu miegħi għall-Quddiesa tat-tmienja. Wara dan, jien erġajt lura d-dar. Dawn in-nies twajba stennewni fil-bitħa, għad-dell tas-siġar tat-tin tagħna.
Ommi u ħuti l-bniet issuktaw bl-attitudni tagħhom ta’ stmerrija, u din qasmitli qalbi, u kienet tweġġagħni tassew daqs it-tagħajjir.
Għal ħabta tal-ħdax, tlaqt mid-dar u għaddejt għand iz-ziju, fejn Ġaċinta u Franġisku kienu qegħdin jistennewni.
Imbagħad irħejnhiela għall-Cova da Iria, bl-istennija tal-mument mixtieq. Dawk in-nies kollha mxew warajna, jistaqsuna elf mistoqsija. Dak in-nhar, kont maħkuma min-niket. Indunajt li ommi kienet imnikkta ħafna, u li riedet iġġgħalni bilfors, kif qalet hi, nammetti li kont gdibt. Xtaqt ħafna nagħmel kif xtaqet hi, iżda l-uniku mod li nagħmel hekk kien li ngħid gidba. Mill-benniena, hi kienet nisslet f’uliedha stmerrija kbira għall-gideb, u kienet tikkastiga bl-aħrax lil xi ħadd minna li kien jgħid xi gidba.
“Jien ħadt ħsieb,” kienet tgħid sikwit, “li uliedi dejjem jgħidu l-verità, u se nħalli issa liż-żgħira tgħaddiha lixxa fuq ħaġa bħal din? Li kieku kienet biss xi ħaġa żgħira ... ! Iżda gidba ta’ dan id-daqs, tidħaq b’tant nies u ġġibhom hawn minn tant boghod!” Wara dan it-tgergir aħrax, kienet iddur lejja, tgħidli: “Iddeċiedi xi trid! Jew tħassar dan il-qerq billi tgħid lil dawn in-nies li gdibt, jew insakkrek f’kamra mudlama fejn lanqas biss tara d-dawl tax-xemx. Wara t-taħbit kollu li għaddejt minnu, u issa tiġri ħaġa bħal din!” Ħuti l-bniet żammew ma’ ommi, u kullimkien madwari kien hemm klima ta’ stmerrija u żuffjet għalkollox.
Imbagħad kont niftakar fil-jiem imgħoddija, u nistaqsi lili nnifsi: “Fejn hu dak il-fsied kollu issa, li l-familja tiegħi kellha għalija sa ftit żmien ilu?” Is-serħan waħdieni tiegħi kien li nibki quddiem il-Mulej, filwaqt li offrejtlu is-sagrifiċċju tiegħi. Kien f’dan l-istess jum li, flimkien ma’ dak li diġà irrakuntajt, il-Madonna, bħallikieku tobsor x’kien għaddej, qaltli:
“Qegħda tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt ma jien se nitilqek. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun l-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Meta Ġaċinta ratni bid-dmugħ nieżel, ippruvat tfarraġni, tgħidli:
“Tibkix. Żgur, dawn huma s-sagrifiċċji li l-Anġlu qal li Alla kien se jibgħatilna. Għalhekk qiegħda tbati, sabiex tkun tista’ tpattilU u tikkonverti l-midinbin.”
Dik il-ħabta, il-kappillan sar jaf x’kien qed jiġri, u bagħat jgħid lill-ommi biex teħodni għandu. Ommi ħassitha li setgħet terġa’ tieħu n-nifs, bil-ħsieb li l-qassis kien se jerfa’ r-responsabbiltà hu għal dawn il-ġrajjiet. Għalhekk hi qaltli: “Għada, se mmorru l-Quddies, l-ewwel ħaġa kif jisbaħ. Imbagħad, int tmur għand ir-Reverendu Qassis. Ħalliħ biss iġagħlek tgħid il-verità, ma jimpurtax kif; ħallih jikkastigak; ħallih jagħmel li jrid bik, sakemm iġiegħlek tammetti li kont gdibt; imbagħad inkun sodisfatta.”
Ħuti l-bniet ukoll żammew ma’ ommi u vvintaw ruxxmata theddid, sempliċement biex ibeżżgħuni dwar il-laqgħa tal-kappillan. Jien għedt kollox dwarha lil Ġaċinta u lil ħuha.
“Aħna wkoll sejrin,” weġbuni huma. “Ir-Reverendu Qassis qal lill-ommna biex teħodna hemm ukoll, iżda hi ma qaltilna xejn minn dawk il-ħwejjeġ. Tħabbilx rasek! Jekk isawwtuna, inbatu għall-imħabba tal-Mulej Tagħna u għall-midinbin.”
L-għada mort miexja wara ommi, li ma qaltli l-ebda kelma matul it-triq kollha. Ikolli nammetti li kont nirtgħod għal ħsieb ta’ dak li kien se jiġri. Matul il-Quddiesa, offrejt it-tbatijieti lil Alla. Wara, ħriġt mill-knisja ma’ ommi għal għand il-qassis, u bdejt tiela’ t-taraġ li jagħti għas-setaħ. Konna lħaqna tlajna ftit tarġiet biss, meta ommi daret lura u qalet:
“Tinkwetanix iżjed! Issa għid lir-Reverendu Qassis li gdibt, biex nhar il-Ħadd ikun jista’ jgħid fil-knisja li kienet kollha gidba, u b’hekk tintemm il-biċċa kollha. Biċċa xogħol tajba din! Din il-ġemgħa kollha tiġri lejn il-Cova da Iria, biss biex titolbu quddiem arbuxell tas-siġar tal-ġandar!”
Mingħajr iktar frattarija, hi ħabbtet il-bieb. Oħt il-qassis twajjeb fetħet il-bieb u stednitna noqgħodu bilqiegħda fuq bank u qaltilna nistennew ftit. Fl-aħħar, il-qassis tfaċċa. Daħħalna fl-uffiċċju tiegħu, għamel sinjal lill-ommi biex toqgħod bilqiegħda u lili qalli biex nersaq maġenb l-iskrivanija tiegħu. Meta rajt li r-Reverenza Tiegħu kien qed jistaqsini bil-kalma, u b’manijiera ġentili ħafna, stagħġibt. Madankollu, kont għadni mbeżża’ dwar x’kien gej. L-interrogazzjoni saret bir-reqqa ħafna u, nażżarda ngħid, għajjietni. It-Reverenza Tiegħu spiċċa b’din l-osservazzjoni qasira:
“Ma jidhirlix li din hi xi rivelazzjoni mis-Sema. F’każijiet bħal dawn ġeneralment il-Mulej Tagħna jgħid lill-erwieħ li lilhom jikkomunika ħwejjeġ bħal dawn biex jgħidu b’dak li jkun ġara lill-konfessur tagħhom jew lill-kappillan. Iżda din it-tifla, bil-maqlub, iżżommha kemm tista’ għaliha nnifisha. Din tista’ tkun xi qerq tax-xitan. Issa naraw. Il-ġejjieni għad jurina x’għandna naħsbu dwar dan kollu.”
Kemm ġagħlitni nbati din ir-riflessjoni, Alla biss jaf, għaliex Hu biss jista’ jinfed il-fond ta’ qalbna. Beda jkolli dubji jekk dawn id-dehriet setgħux kienu ġejjin mix-xitan, li kien qed ifittex li b’dawn il-mezzi jġgħalni nitlef ruħi. Minħabba li bdejt nisma’ li x-xitan dejjem iġib ġlied u taqlib, jien bdejt naħseb li, tassew, minn meta jien bdejt nara dawn il-ħwejjeġ, id-dar tagħna ma baqgħetx l-istess, għaliex il-ferħ u l-paċi kienu għebu. Kemm niket ħassejt! Jien għarraft lill-kuġini tiegħi bid-dubji tiegħi.
“Le, mhux ix-xitan!” wieġbet Ġaċinta, “żgur li le! Jgħidu li x-xitan hu ikrah ħafna u li hu isfel taħt l-art fl-infern. Iżda dik is-Sinjura hi sabiħa ħafna, u rajniha titla’ lejn is-sema!”
Il-Mulej Tagħna inqeda b’dan biex itaffili xi ftit id-dubji li kelli. Iżda matul dak ix-xahar, tlift il-ħeġġa kollha biex nagħmel is-sagrifiċċji u l-atti ta’ mortifikazzjoni, u spiċċajt intella’ u nniżel jekk ikunx aħjar li ngħid li kont qed nigdeb, u b’hekk inwaqqaf kollox.
“Tagħmilx hekk!” qalu Ġaċinta u Franġisku. “Ma tarax li issa se tgħid gidba, u li tgħid il-gideb huwa dnub?”
Waqt li kont qed naħseb hekk, kelli ħolma li iktar żiedet id-dalma tal-ispirtu tiegħi. Rajt ix-xitan jidħaq li rnexxielu jqarraq bija, filwaqt li pprova jkaxkarni l-isfel lejn l-infern. Kif sibt ruħi taħt idejh, tant bdejt inwerżaq ngħajjat u nsejjaħ lill-Madonna biex tgħinni, li qajjimt lill-ommi. Bil-ħasda, hi għajjtitli u staqsietni x’kien ġara. Ma niftakarx x’għedtilha, iżda niftakar li kont tant ibbist bil-biża’ li ma stajtx norqod iktar dak il-lejl. Din il-ħolma ħallietli ruħi mgħottija bi sħaba ta’ biża’ u dwejjaq tassew. L-uniku serħan tiegħi kien li mmur għalija waħdi f’xi post imwarrab, u hemm nibki kemm niflaħ. Anke l-kumpanija tal-kuġini tiegħi bdejt inħossha ta’ piż, u minħabba f’hekk, bdejt nistaħba minnhom ukoll. L-imsejkna tfal! Xi drabi, kienu jfittxuni, jgħajjtu ismi u ma jirċievu l-ebda tweġiba, iżda jien kont inkun hemm il-ħin kollu, moħbija qribhom f’xi rokna fejn qatt ma seta’ jiġihom f’rashom li jfittxu.
Kien qorob it-13 ta’ Lulju, u kont għadni niddubita jekk kellix immur. Ħsibt f’qalbi: “Jekk hu x-xitan, għalfejn kelli immur narah? Jekk jistaqsuni għax ma kontx sejra, ngħidilhom li kont qed nibża’ li seta’ kien ix-xitan li qed jidhrilna, u għalhekk ma kontx se mmur. Ħalli Ġaċinta u Franġisku jgħamlu li jridu; jien m’iniex se nerġa’ lura iżjed lejn il-Cova da Iria.” Kont ħadt id-deċiżjoni, u jien kont beħsiebni li nwettaqha.
Minn filgħaxija tat-12 tax-xahar, in-nies kienu diġà bdew jinġemgħu, bl-instennija tal-ġrajjiet tal-jum ta’ wara. Jien għalhekk sejjaħt lil Ġaċinta u lil Franġisku u għiditlhom bid-deċiżjoni tiegħi.
“Aħna sejrin,” weġbuni huma. “Is-sinjura qalet li għandna mmorru.”
Ġaċinta offriet li tkellem lis-Sinjura, iżda tant kient inkwetata li jien ma kontx sejra, li bdiet tibki. Jien staqsejtha għaliex kienet tibki.
“Għax int ma tridx tmur!”
“Le, jien m’iniex se mmur. Isma! Jekk is-Sinjura tistaqsi għalija, għidilha li jien m’iniex sejra, għax nibża’ li tista’ tkun ix-xitan.”
Jien imbagħad ħallejthom, biex immur nistaħba, ħalli nevita li jkolli nkellem lin-nies kollha li ġew ifittxuni biex jistaqsuni l-mistoqsijiet. Ommi ħasbet li jien kont qed nilgħab mat-tfal tar-raħal, filwaqt li jien il-ħin kollu kont mistoħbija wara l-arbuxxeli tal-għollieq fil-proprjetà tal-ġar li tmiss mal-Arneiro, ftit lejn il-lvant tal-bir li diġà kont semmejt kemm il-darba. Hi għajjtet miegħi, hekk kif wasalt lura d-dar dak il-lejl:
“Fik qaddisa żgħira tal-ġibs mill-aqwa, tassew! Il-ħin kollu minn x’ħin ma bqajtx tieħu ħsieb in-nagħaġ, ma tagħmel xejn ħlief tilgħab, u fuq kollox tgħamel dan b’tali mod li ħadt ma jista’ jsibek!”
L-għada, meta kien kważi sar il-ħin biex immorru, f’daqqa waħda ħassejt li kelli mmur, imġagħala minn qawwa mhix tas-soltu li bilkemm stajt inrażżan. Imbagħad tlqat, u għaddejt id-dar taz-ziju biex nara jekk Ġaċinta kenitx għadha hemm. Sibtha f’kamritha, flimkien ma’ ħuha Franġisku, għarkupptejhom maġenb is-sodda, jibku.
“Mela m’intomx sejrin?” staqsejt jien.
“Mhux mingħajrek! Aħna ma nissugrawx. Ejja!”
“Iva, jien sejra,” weġibt jien.
Wiċċhom xegħel bil-ferħ, u morna flimkien.
Kien hemm ġmiegħi ta’ nies jistennewna matul it-triq, u bit-taħbit fl-aħħar irnexxielna naslu hemm. Dan kien il-jum li fih il-Madonna għoġobha tirrivelalna s-Sigriet. Wara dak, biex tqajjem il-ħeġġa dgħajfa tiegħi, qaltilna:
“Issagrifikaw irwieħkom għall-midinbin, u għidu ħafna drabi lil Ġesù, speċjalment kull darba tagħmlu xi sagrifiċċju: Ja Ġesù, dan għall-imħabba Tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
Bil-għajnuna tal-Mulej twajjeb, din id-dehra tajjritli s-sħab minn ruħi u erġajt ksibt il-paċi. L-imsejkna ommi inkwetat iżjed u iżjed, hekk kif rat il-folol li ġew bil-gzuz mill-inħawi kollha.
“Dawn in-nies imsejkna,” qalet, “jiġu hawn, imqarrqin mill-ingann tiegħek, tista’ sserraħ rasek, u tassew jien ma nafx x’nista’ nagħmel biex niftħilhom għajnejhom.”
Wieħed raġel imsejken li ftaħar li għaddiena biż-żmien, li għajjarna u li saħansitra wkoll wasal li tana xeba’, staqsa lill-ommi darba waħda:
“Allura, Maria Rosa, inti xi tgħidli dwar id-dehriet ta’ bintek?”
“Ma nafx,” weġbitu. “Jidhirli li m’hi xejn ħlief ħlieqa, li qed tqarraq b’nofs id-dinja.”
“Toqgħodx tgħid hekk tgħajjat, li ma jmurx joqtolha xi ħadd. Naħseb li hemm nies f’dawn l-inħawi li jixtiequ ħafna jagħmlu hekk.”
“Ara, ma jimpurtanix, sakemm iġgħaluha tistqarr il-verità. Ngħid għalija, jien dejjem ngħid il-verità, sew kontra wliedi, jew xi ħadd ieħor, jew saħansitra kontra tiegħi innifsi.”
U, tassew, hekk kien. Ommi dejjem qalet il-verità, saħansitra kontra tagħha nnifisha. Aħna, wliedha, midjunin lejha għal dan l-eżempju tajjeb.
Jum wieħed, iddeċidiet li terġa’ tipprova iġġgħelni nirtira kull ma kont għedt, skond ma’ qalet hi. Waħħlet f’rasha li l-għada stess terġa’ teħodni d-dar tal-kappillan. Kif inkun hemm, jien kelli nistqarr li kont gdibt, nitlob maħfra, u nagħmel kwalunkwe penitenza li r-Reverenza Tiegħu jidhirlu xieraq li jġgħalni nagħmel. Din id-darba l-attakk kien tant qawwi, li ma kontx naf x’kelli nagħmel. Aħna u sejrin, kif wasalt ħdejn id-dar taz-ziju, dħalt niġri biex ngħid lil Ġaċinta, li kienet għadha fis-sodda, x’kien qed jiġri. Imbagħad ħriġt malajr u mort wara ommi. Fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta, jien diġà għedt lill Eċċellenza Tiegħek dwar is-sehem tagħha u ta’ ħuha f’din il-prova li l-Mulej kien bagħtilna, u kif huma talbu waqt li stennewni ħdejn il-bir, u l-bqija.
Aħna u mexjin, ommi ppridkatli prietka mill-aqwa. Ħin minnhom, jien nitriegħed għedtilha: “Iżda, ma, kif nista’ ngħid li ma rajtx, meta rajt?” Ommi ma qalet xejn. Meta qrobna lejn id-dar tal-kappillan, qalet: “Ara inti isma’ x’qed ngħidlek! Li rrid jien hu li inti tgħid il-verità. Jekk rajt, għid hekk! Iżda jekk ma rajtx, ammetti li gdibt.”
Mingħajr iktar diskors, tlajna t-taraġ, u l-qassis twajjeb laqgħana bi ħlewwa mill-aqwa, u kważi nista’ ngħid b’imħabba, fl-uffiċju tiegħu. Hu staqsieni bir-reqqa, iżda bl-ikbar ġentilezza, u nqeda b’diversi tattiċi biex jara jekk nikkontradixxix lili nnifsi, jew jekk ma nkunx konsistenti fid-dikjarazzjonijiet tiegħi. Fl-aħħar, bagħtna, filwaqt li għolla spallejh, qisu ried ifisser: “Ma nistax naqbad art ta’ dan kollu!”
Ma laħqux għaddew ħafna jiem, meta l-ġenituri tiegħi u z-zijiet irċevew l-ordni mingħand l-awtoritajiet, biex l-għada, fil-ħin stabbilit, jidhru quddiem l-Amministrazzjoni, iz-ziju ma’ Ġaċinta u Franġisku, u missieri miegħi. l-Amministrazzjoni hija f’Vila Nova de Ourém; u hekk kellna nimxu madwar tlett mili, distanza kbira ħafna għal tlett itfal żgħar. F’dawk iż-żminijiet, l-uniku mezz ta’ trasport kien jew saqajna t-tnejn jew li tirkeb fuq xi ħmar. Iz-ziju mill-ewwel bagħat risposta li kien se jidher huwa nnifsu, iżda rigward uliedu, hu ma kienx se jeħodhom.
“Huma, bil-mixi? Ma jifilħux għall-vjaġġ,” qal, “u billi m’humiex imdorrijin jirkbu, qatt mhu se jirnexxilhom iżommu fuq dahar il-ħmar. U hu x’inhu, ma jagħmilx sens li ttella’ żewġt itfal bħal dawk il-qorti.”
Il-ġenituri tiegħi ħasbuha mod ieħor, anzi bil-maqlub.
“Binti se tmur. Ħalliha twieġeb għaliha nifisha. Min-naħa tiegħi, jien ma nifhem xejn f’dawn l-affarijiet. Jekk qiegħda tigdeb, tkun ħaġa tajba li hi tkun ikkastigata minħabba f’hekk.”
Kmieni ħafna, l-għada filgħodu, rikkbuni fuq dahar il-ħmar, li waqajt minn fuqu tlett darbiet matul il-vjaġġ, u mort hemm akkompanjata minn missieri u z-ziju. Naħseb li kont diġà għedt lill-Eċċellenza Tiegħek kemm Ġaċinta u Franġisku batew dak in-nhar għax ħasbu li jien kont se niġi maqtula. Min-naħa tiegħi, l-iktar li weġġgħani, kienet l-indifferenza li wrew lejja l-ġenituri tiegħi. Dan deher iktar ċar, billi stajt nara b’liema għożża z-zija u z-ziju ġiebu ruħhom ma’ wliedhom. Waqt li konna sejrin niftakar li bdejt naħseb bejni u bejn ruħi: “Kemm huma differenti l-ġenituri tiegħi miz-ziju u z-zija. Huma jagħtu lilhom infushom għall-uliedhom, filwaqt li l-ġenituri tiegħi jerħuni bl-ikbar indifferenza, u jħalluhom jagħmlu bija li jridu! Iżda jien għandi nieħu paċenzja,” fakkart lili nniffsi fil-fond ta’ qalbi, “ladarba dan ifisser li jkolli l-ferħ li nbati iktar għall-imħabba tiegħek, Ja Alla tiegħi, u għall-konverżjoni tal-midinbin.” F’dan il-ħsieb kont insib il-faraġ dejjem u f’kull waqt.
Fl-uffiċċju tal-Amministrazzjoni, kont mistħarrġa mill-Amministratur, fil-preżenza ta’ missieri, z-ziju u diversi rġiel oħra li kienu barranin għalija. L-Amministratur kien determinat li jġiegħelni nikxef is-sigriet u li nwiegħdu li qatt ma nerġa’ mmur lura lejn il-Cova da Iria. Biex jilħaq dan il-għan, ma ħallhiex barra la wegħdiet, lanqas theddid. Meta ra li ma kien se jasal imkien, ħallieni, madankollu qal li għad jilħaq l-għan tiegħu, ukoll jekk ikollu joqtolni. Imbagħad hu widdeb bl-aħrax liz-ziju talli ma segwiex l-ordnijiet tiegħu, u fl-aħħar ħalliena mmorru d-dar.
Fi ħdan il-familja tiegħi stess, kien hemm inkwiet ġdid, u weħelt jien bih. Il-Cova da Iria kienet biċċa art tal-ġenituri tiegħi. Fil-wied kienet iktar għammiela, u hemm konna nkabbru qamħirrum, ħxejjex tal-ikel, piżelli u ħxejjex tal-ikel oħra. Fuq il-ġnub tal-għolja kienu jikbru siġar taż-żebbuġ, ballut, u ġandar. Issa, minn meta in-nies bdew imorru hemm, ma stajna inkabbru assulutament xejn. Kollox kien misħuq mis-saqajn. Billi l-biċċa l-kbira kienu jiġu rekbin, l-annimali tagħhom kienu jieklu kull ma kienu jsibu u ħarrbtu kullimkien. Ommi bkiet it-telfa tagħha: “Int, issa,” qaltli, “meta tkun trid tiekol xi ħaġa, mur itlobha lis-Sinjura!” Ħuti l-bniet komplew magħha: “Iva, inti tista’ tieħu kull ma jikber fil-Cova da Iria!”
Dawn il-kummenti nifduli qalbi, tant li bilkemm kont nissogra nieħu biċċa ħobż biex niekol. Biex iġġagħalni ngħid il-verità, kif qalet hi, ommi, iktar iva milli le, kienet ittini xeba’ kbira bil-lasta tal-ixkupa jew b’xi zokk mill-gozz ħatab ta’ ħdejn in-nar. Iżda minkejja dan, ta’ omm li kienet, hi imbagħad kienet tipprovva tqawwili saħħti li bdiet tmur lura. Hi kienet kollha mogħdrija meta kienet tarani daqshekk magħluba u wiċċi isfar, u kienet tibża’ li stajt nimrad. Imsejkna omm! Issa, ċertament, li nifhem kif tassew kienet is-sitwazzjoni tagħha, kemm jiddispjaċini għaliha! Tassew, kellha raġun li taħseb li ma kienetx tistħoqqli grazzja bħal dik, u għalhekk taħseb li kont qed nigdeb.
Bi grazzja speċjali mingħand il-Mulej Tagħna, qatt ma ħassejt l-iċken ħsieb jew sentiment ta’ għadab dwar il-mod kif ġabet ruħha miegħi. Hekk kif l-Anġlu kien ħabbar li Alla se jibgħatli t-tbatijiet, jien dejjem rajt l-id ta’ Alla f’dan kollu. L-imħabba, l-għożża u l-ġieħ li kont obbligata lejha, baqgħu jikbru, daqslikieku jien kont l-iktar waħda miżmuma b’għożża. U issa, jien iktar nafulha talli trattatni hekk, milli kieku baqgħet iżżommni fil-fsied u ż-żegħil.
Jidhirli li kien matul dan ix-xahar li ġie jinterrogani għall-ewwel darba Rev Dr. Formigão. L-interrogazzjoni tiegħu kienet serja u bir-reqqa. Għoġobni ħafna, għax kellimni ħafna dwar il-prattika tal-virtù, u għallimni diversi modi kif nitħarreġ fiha. Hu wrieni santa ta’ Sant Anjeże, qalli dwar il-martirju tagħha u ħeġġiġni biex nimitaha. Ir-Reverenza Tiegħu baqa’ jiġi kull xahar biex jinterrogani, u dejjem kien jispiċċa billi jagħtini xi parir tajjeb, li kellu jgħinni spiritwalment. Jum wieħed qalli:
“Binti, int għandek tħobbu ħafna lill-Mulej Tagħna, għal dawk il-favuri u l-grazzji kollha li qed jagħtik.”
Dawn il-kliem tant kellhom effett fuq ruħi li, minn hemm il-quddiem, ksibt id-drawwa li l-ħin kollu ngħid lill-Mulej tagħna: “Alla tiegħi, inħobbok, b’radd il-ħajr tal-grazzji li tajtni." Tant kont inħobb din il-ġakulatorja, li għaddejtha lil Ġaċinta u lil ħuha, u li tant għoġbithom li, f’nofs il-logħob l-iktar eċitanti, Ġaċinta kienet tistaqsi: “Mela nsejt tgħid lill-Mulej tagħna kemm tħobbu għall-grazzji li tana?”
Sadattant kien sebaħ jum it-13 ta’ Awwissu. Sa mill-lejliet, ġmiegħi kienu bdew jaslu minn kull naħa. Huma kolla riedu jarawna u jistaqsuna, u jirrikmandawlna it-talbiet tagħhom, sabiex inkunu nistgħu ngħadduhom lill-Verġni l-iktar Qaddisa. F’nofs dik il-folla kollha, aħna konna qisna ballun f’idejn it-tfal subien waqt il-logħob. Aħna konna imġebbdin ’l hawn u ’l hinn, kulħadd jistaqsina l-mistoqsijiet mingħajr ma jatuna ċans inwieġbu lil xi ħadd. Fil-qalba ta’ din it-tgeġwiġija kollha, wasal ordni mingħand l-Amministratur, biex jgħidli mmur id-dar taz-zija, fejn hu kien qed jistennieni. Missieri rċieva n-notifika u kien hu li ħadni hemm. Meta wasalt, hu kien f’kamra mal-kuġini tiegħi. Hu interrogana hemmhekk, u għamel sforzi ġodda biex iġiegħelna nikxfu s-sigriet u biex inwiegħdu li aħna qatt ma konna se mmorru lejn il-Cova da Iria. Billi ma kiseb xejn, hu ordna lill-missieri u liz-ziju biex jeħduna d-dar tal-kappillan.
M’inix se naħli l-ħin issa biex noqgħod ngħid lill-Eċċellenza Tiegħek dwar kull ma ġara matul il-priġunerija tagħna, għax inti diġà tafu kollu. Kif jien kont fissirt qabel lill-Eċċellenza Tiegħek, dak li l-iktar ħassejt u li nissili l-ikbar tbatija f’dik l-okkażżjoni kien li kont abbandunata għalkollox mill-familja tiegħi; u dan jgħodd ukoll għall-kuġini ż-żgħar tiegħi. Wara dan il-vjaġġ jew priġunerija, għax tassew jien ma nafx x’naqbad insejjaħlu, jien erġajt lura d-dar, sa fejn nista’ niftakar, fil-15 ta’ Awwissu. Biex niċċelebraw il-wasla tiegħi, huma mill-ewwel bagħtuni noħroġ in-nagħaġ u mmur neħodhom biex jirgħu. Iz-ziju u z-zija riedu lil uliedhom joqgħodu magħhom id-dar, u għalhekk bagħtu lil ħuhom Ġanni minflokhom. Billi kien diġà sar ħafna ħin, aħna bqajna fil-qrib tar-raħal żgħir tagħna, f’post msejjaħ Valinhos.1
Dak li ġara wara, hu magħruf ukoll mill-Eċċellenza Tiegħek, għalhekk lanqas m’jien se naħli ż-żmien hawn biex niddeskrivihulek. Għal darb’ oħra il-Verġni l-iktar Imbierka irrikmandatilna l-prattika tas-sagrifiċċju, u temmet billi qalet:
“Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern, minħabba li m’hemm ħadd li jissagrifika ruħu u jitlob għalihom.”
___________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________
1 Kemm hawn u kif ukoll f’postijiet oħra Luċija ssemmi li d-dehra seħħet f’Valinhos fil-15 ta’ Awwissu, jiġifieri fil-jum meta reġgħet lura minn Vila Nova de Ourém. Dan huwa żball; il-jum li reġgħet lura minn Ourém żgur li kien il-15 ta’ Awwissu, iżda d-dehra seħħet il-Ħadd ta’ wara, 19 ta’ Awwissu 1917.
Ftit tal-jiem wara, waqt li konna mexjin bin-nagħaġ tagħna għal għonq it-triq, jien sibt biċċa ħabel li kien waqa’ minn xi karettun. Ġbartu, u sempliċement hekk, irbattu ma’ jdejja. Wara ftit indunajt li l-ħabel kien qed iweġġgħani.
“Ara, dan iweġġa’!” jien għidt lill-kuġini tiegħi. “Aħna nistgħu norbtuh ma’ qaddna u noffru dan is-sagrifiċċju lil Alla.”
It-tfal imsejkna mill-ewwel qablu ma dan is-suġġeriment tiegħi. Aħna mbagħad bdejna naqsmuh bejnietna t-tlieta, billi qiegħdnih fuq ġebla u nagħtuh daqqiet bix-xafra taqta’ ta’ biċċa ġebla oħra li qdietna minflok sikkina. Jew minħabba l-ħxuna jew il-ħruxija tal-ħabel, jew minħabba li aħna xi kultant issikkajnih iżżejjed, dan l-istrument ta’ penitenza sikwit ikkawżalna tbatija tal-biża’. Minn żmien għal ieħor, Ġaċinta ma kenitx tiflaħ iżżomm id-dmugħ, tant kien kbir l-uġigħ li kkawżalha. Kull meta jien ħeġġiġtha biex tneħħih, hi wieġbet: “Le! Irrid noffri dan is-sagrifiċċju bħala tpattija lill-Mulej Tagħna, u għall-konverżjoni tal-midinbin.”
Darb’ oħra konna qegħdin nilgħabu, naqtgħu ix-xtieli żgħar mill-ħitan u ngħaffġuhom bejn idejna biex nisimgħuhom ifaqqgħu. Waqt li Ġaċinta kienet qed taqta’ dawn ix-xtieli, mid-dehra qabdet xi ftit ħurrieq u tniggżet. Bilkemm laħqet ħasset l-uġigħ li ma għafsithomx iktar f’idejha, u qaltilna: “Ara! Ara! Hawn xi ħaġa oħra li biha nistgħu ngħakksu lilna nfusna!” Minn dak inhar, ħadna d-drawwa li kultant nolqtu saqajna apposta mal-ħurrieq, sabiex noffru lil Alla iktar minn dawn is-sagrifiċċji.
Jekk m’inix sejra żball, kien matul dan ix-xahar li qbadna d-drawwa li nagħtu lit-tfal iż-żgħar foqra, l-ikel tagħna ta’ nofsinhar, kif diġà iddeskrivejt lill-Eċċellenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta. Kien matul dan ix-xahar ukoll, li ommi bdiet tħossha ftit iktar fil-paċi. Kienet tgħid: “Li kieku kien hemm imqar xi persuna oħra li rat xi ħaġa, kieku, forsi kont nemmen! Iżda fost dawk in-nies kollha, huma l-uniċi nies li raw xi ħaġa!”
Issa, matul dan ix-xahar li għadda, diversi nies bdew jgħidu li kienu raw affarijiet differenti. Xi wħud kienu raw lill-Madonna, oħrajn, diversi sinjali fix-xemx, u l-bqija. Ommi qalet: “Qabel jien kont naħseb, li jekk ikun hemm imqar xi persuna oħra li rat xi ħaġa, imbagħad kont nemmen; iżda issa, tant nies jgħidu li raw xi ħaġa, u jien xorta ma nemminx!” Dik il-ħabta, missieri wkoll beda jaqbeż għalija u jsikket lil dawk li bdew iċanfruni; kif kien imdorri jgħid: “Aħna ma nafux jekk hix verità, iżda lanqas ma nafu jekk hix gidba.”
Kien dak iż-żmien li z-ziju u z-zija, imdejqin mill-fittaġni żejda ta’ dawk il-barranin kollha li kienu l-ħin kollu jridu jarawna u jkellmuna, bdew jibgħatu lil binhom Ġanni biex jirgħa l-merħla, u huma stess baqgħu id-dar ma Ġaċinta u Franġisku. Ftit wara, spiċċaw biex biegħu in-nagħaġ għalkollox. Minħabba li ma kontx nieħu gost bil-kumpanija ta’ ħadd iktar bdejt noħroġ waħdi bin-nagħaġ. Kif diġà għedt lill-Eċċelenza Tiegħek, kull meta kont inkun fil-qrib, Ġaċinta u ħuha kienu jiġu ħdejja; u meta il-mergħa kienet tkun il-bogħod huma kienu jkunu jistennewni meta nkun rieġa’ lura lejn id-dar. Tassew nista’ ngħid li dawn kienu tassew jiem sbieħ. Waħdi, qalb in-nagħaġ tiegħi, sew fuq il-qċaċet tal-għoljiet jew isfel fil-qigħan tal-widien, jien ikkontemplajt is-sbuħija tas-smewwiet u raddejt ħajr lil Alla t-tajjeb għall-grazzji kollha li kien xerred fuqi. X’ħin il-leħen ta’ waħda minn ħuti fixkel is-solitudni tiegħi, li għajjtitli biex immur lura d-dar sabiex inkellem lil xi persuna jew oħra li kienet ġiet tistaqsi għalija, ħassejt dispjaċir kbir, u l-faraġ waħdieni kien li nkun nista’ noffri wkoll sagrifiċċju ieħor lill-għażiż Mulej tajjeb tagħna.
Jum wieħed, tlett irġiel ġew biex ikellmuna. Wara li għamlulna l-mistoqsijiet tagħhom, li kienu kollox barra ta’ gost, huma telqu b’dan il-kumment: “Qisu li tiddeċiedu li tgħidu dak is-sigriet tagħkom. Jekk le, l-Amministratur għandu f’moħħu li jneħħilkom ħajjitkom!” Ġaċinta, wiċċha jixgħel bil-ferħ li bl-ebda mod ma ppruvat taħbi, qalet: “Hekk tajjeb! Jien tant inħobb lill-Mulej Tagħna u lill-Madonna, u b’hekk dalwaqt se narawhom!” Xterdet ix-xniegħa li l-Amministratur tassew kien bi ħsiebu joqtolna. Dan ġiegħel lil ziti, li kienet miżżewġa u kienet toqgħod Casais, tiġi d-dar tagħna apposta biex teħodna magħha d-dar tagħha, għax kif fissret hi: “Jien ngħix f’distrett ieħor u, għalhekk, dan l-Amministratur ma jistax imisskom hemm.” Iżda l-pjan tagħha qatt ma seħħ, għax aħna ma ridniex immorru, u weġibna: “Jekk joqtluna, xorta waħda; immorru l-Ġenna!”