Il-Beatu Franġisku twieled f’Aljustrel, raħal fid-distrett ta’ Fatima, fit-3.a.m. tal-11 ta’ Ġunju 1908. Huwa kien mgħammed disgħat ijiem wara, fl-20 ta’ Ġunju 1908. Il-ġenituri tiegħu, Manuel Pedro Marto (1873 – 1957) u Olimpia de Jesus (1864 – 1956) kienu Insara devoti, b’dik il-fidi sħiħa u sempliċi li tikkaratterizza lin-nies tajba tal-kampanja.
F’ittra li kiteb bid-data tas-7 ta’ Settembru 1917, l- avukat żagħżugħ, Dr Carlos de Azevedo Mendes, wara li tkellem ma’ Franġisku matul iż-żmien tad-dehriet, iddeskrivih hekk: “bil-beritta tas-suf imdeffsa l-isfel sew ġo rasu, bil-ġakketta qasira ħafna, l-qmis ħierġa minn taħt il-ġakketta, ħil-qalziet issikkat, fil-fatt qisu raġel żgħir. Tifel gustuż. Wiċċu ferrieħi u mqareb. Huwa wieġeb mill-ewwel għall-mistoqsijiet tiegħi”.
Xi xahrejn u ftit ġimgħat wara, jiġifieri wara l-aħħar dehra, il-Baruni ta’ Alvaiázere, Dr Luís António Vieira de Magalhães e Vasconcelos, matul iż-żjara tiegħu ġewwa Fatima wkoll ħallielna deskrizzjoni ta’ Franġisku, li ġġib dik id-data. Huwa ddeskrivih hekk: “Huwa kien tifel ta’ bejn l-10 u t-12 il-sena, liebes skond id-drawwa ta’ tfal tal-kampanja. Kien jidher għalkollox ferrieħi u bla nkwiet ta’ xejn. Aħna tlabna lit-tfajjel żgħir biex jiġi magħna. Hu aċċetta mill-ewwel, u bi tbissima qabeż għal ġol-karozzza li konna qed insuqu. Aħna staqsejnih numru ta’ mistoqsijiet iżda hu iktar tbissem milli tkellem. Huwa deher li kien mistgħġeb bil partijiet differenti tal-karozza”.
Mid-deskrizzjoni li ħalliet Sr Luċija, aħna nafu li hu kien iħobb l-għasafar, iħobb idoqq il-flawt u kien iħobb ikanta. Huwa kien iħobb il-fanali tal-Anġli. Iżda xejn ma kien isaħħru iktar minn tlugħ u inżul ix-xemx. Sakemm kien ikun baqa’ xi ħjiel ta’ nzul ix-xemx, hu ma kienx iħabbel moħħu biex iħares ħalli jara jekk xi fanali tal-Anġli kienux inxtegħlu.
Fliemkien ma oħtu Ġaċinta, ta’ seba’ snin, u l-kuġina tiegħu Luċija ta’ 10 snin, Franġisku ra żagħżugħ ta’ xi 14 jew 15 il-sena fuq il-għolja qrib id-dar tiegħu fir-rebbiegħa tal-1916. Iż-żagħżugħ kien iktar abjad mis-silġ li fid-dawl tax-xemx kien jidher trasparenti bħallikieku kien tal-ħġieġ, u hu kien sabiħ ħafna. Kien l-Anġlu tal-Paċi li kellimhom u għallimhom jitolbu, filwaqt li qal li l-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija kienu attenti għall-leħen tat-talb ta’ interċessjoni tagħhom. Kien hemm żewġ laqgħat oħra ma’ l-Anġlu.
Xi xhur wara, f’nofs in-nhar ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju, huma raw fil- Cova da Iria, fuq siġra tal-ballut, Mara liebsa l-abjad, tiddi iktar mix-xemx, u li kien ħiereġ minnha dawl iktar ċar u qawwi milli minn tazza tal-kristall mimlija bl-ilma safi, meta r-raġġi tax-xemx jgħaddu minn ġo fiha.
Il-Mara staqsiethom: “Intom tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu t-tbatijiet kollha li hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u li titolbu għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna rridu”, wieġbet Luċija, f’isem it-tlieta li kienu.
Bi tweġiba għat-talbiet ta’ l-Anġlu u tal-Mara, li dehritilhom ħames darbiet oħra, Franġisku ddedika lilu nnifsu għalkollox għall-missjoni tiegħu.
Luċija tiddeskrivi fil-”Memoirs” tagħha kif fit-tieni dehra fit-13 ta’ Ġunju 1917, Franġisku kien impressjonat ħafna bid-dawl li l-Madonna ikkomunikatilhom fil-ħin meta qalet: “Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun il-kenn u t-triq li twassalkom għand Alla”.
Dak il-ħin, ma jidhirx li Franġisku fehem it-tifsira ta’ x’kien qed jiġri, aktarx għaliex ma kienx mogħti lilu li jisma’ l-kliem li ntqalu magħhom. Għal din ir-raġuni, aktar tard huwa staqsa lil Luċija: “Għaliex il-Madonna kellha Qalb f’idejha, tifrex fuq id-dinja dak id-dawl kbir li hu Alla? Inti kont mal-Madonna fid-dawl li kien nieżel lejn id-dinja, filwaqt li Ġaċinta u jien konna fid-dawl li kien tiela’ lejn is-sema!”
“Dak għaliex inti u Ġaċinta dalwaqt tmorru l-ġenna”, wieġbet Luċija, “filwaqt li jien, mal-Qalb Immakulata ta’ Marija, se nibqa’ għal xi żmien itwal fid-dinja.”
Xi kultant Franġisku kien jgħid lil Luċija: “Dawn in-nies jifirħu ħafna sempliċement għax tgħid li l-Madonna tridna ngħidu r-Rużarju, u li inti se titgħallem taqra! X’kienu jħossu li kieku kienu jafu x’urietna f’Alla, fil-Qalb Bla Tebgħa tagħha, f’dak id-dawl kbir! ……”
L-investigazzjoni kanonika rigoruża rrikonoxxiet l-erojċita tal-ħajja qasira tiegħu. Il-Papa Ġwanni Pawlu II għolla lil Franġisku u lill-oħtu ż-żgħira Ġaċinta għal-qima tal-altar, wara li nqala’ miraklu bl-interċessjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta. Matul iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tagħhom, il-Papa qal li huma kienu tqiegħdu fuq il-gandlier li Alla kien xegħel biex jgħati d-dawl lill-umanità waqt is-siegħat ta’ dlam u dubji tagħha”.
Ħalli huma jiddu issa dejjem iktar bid-dija tal-eżempju tagħhom, bil-mod kif wieġbu għas-sejħa għall-konverżjoni u biex ipattu għall-offiżi magħmulin kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Fil-prattika tad-devozzjoni tagħna lejhom, aħna msejħin biex kontinwament nimitaw il-virtujiet tagħhom u biex nitolbu l-interċessjoni tagħhom b’fiduċja dejjem ikbar waqt id-difikultajiet tal-ħajja tagħna.
Alla għoġbu jgħati ħafna grazzji lil dawk li rrikorrew lejh bl-interċessjoni tal-Beatu Franġisku. Madankollu, jixraq li meta nitolbu l-għajnuna tagħhom, it-talb tagħna jkun indirizzat kemm lil Fanġisklu kif ukoll lil Ġaċinta, għaliex jonqos miraklu bl-interċessjoni tagħhom it-tnejn biex ikunu dikjarati qaddisin.
Bulletin ..... Jul-Sept 2009
Il-programm ta’ attivitajiet biex ifakkru ċ-ċentinarju tat-twelid ta’ Franġisku Marto wasal fi tmiemu.
L-għeluq tas-sena ċentinarja, kienet immarkjata billi sar kungress dedikat għall-ħajja u l-figura tar-ragħaj iż-żgħir. Il-Kungress kien imsejjaħ “Franġisku Marto: tikber billi tagħti”, u sar ġo Fatima fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2009.
L-għan tal-Kungress kien li juri veduti differenti dwar il-figura mhux tas-soltu u li tiġbdek ta’ dan it-tfajjel, billi jsir analiżi tal-kuntest storiku, soċjali, politiku u ekkleżjastiku ta’ dak iż-żmien meta saru d-Dehriet. Matul il-Kungress, deher ċar kemm dawn il-kuntesti jikkontribwixxu biex tiftiehem aħjar il-ħajja tal-viżjunarju żagħżugħ.
Il-ħafna taħditiet u konferenzi ngħaqdu billi wrew f’Franġisku personalità mmarkat bid-dinamiżmu tal-għotja. Bħal mistiċi tajba kollha, huwa wkoll kien miġbud mill-esperjenza ta’ Alla, mistgħaġeb u msaħħar mill-abbundanza tad-doni tiegħu.
Kemm il-darba kienet emfasiżżata d-dimensjoni kontemplattiva tar-ragħaja ż-żgħir ta’ Fatima. Il-personaltà tiegħu, mmarkata b’ġibda għas-solitudni u l-kwiet, b’tendenza li jitkellem ftit, b’mod speċjali ġibdet is-sbuħija divina lejh, u ġagħlitu biex sikwit jitbiegħed mill-oħrajn sabiex jikkontempla lil Alla, B’hekk, Faranġisku kiber fl-ħajja interjuri.
Għal mistiku Franġisku, l-għarfien profond taċ-ċentralità ta’ Alla, huwa sinjal tal-għarfien tal-ġerarkija tal-veritajiet tal-fidi.
Bħala riżultat tar-riflessjoni fuq il-possibilità u l-fenomenu Nisrani tal-ispiritwalità tat-tfal, kien diskuss ukoll it-tifsir u r-rwol tat-tfal fl-għixien tal-fidi u l-ispiritwalità Nisranija. Ġie kunsidrat ukoll jekk hemmx xi ġibda iktar minn normal għall-ispiritwalità fit-tfal. Fit-tfal hemm ġibda, impuls naturali u l-fuq mis-sensi, ġibda spontanea u għal kollox naturali li jmorru lil hemm mid-dinja li taqa’ taħt is-sensi. Madankollu, din il-ġibda ma twassalx mill-ewwel lejn Alla, bħalikieku l-proċess kien awtomatiku. Kien innotat ir-rwol tal-ambjent li huwa deċisiv biex jew jiftaħ jew jagħlaq it-triq għal dan il-proċess. It-triq li wieħed irid jgħaddi minnha fil-preżenza tal-Mulej naturalment teħtieġ ambjent li jaqbel mat-trasmissjoni tal-fidi, waħda li tgħin biex twassal lit-tifel għall-misteru.
Fil-konsiderazzjoni tal-ispiritwalità Nisranija bażika, ġie konkluż li l-ispiritwalità tat-tfulija tgħin biex ikun meqjus il-valur ta’ rivelazzjoni partikulari; din turi kif Alla jippreferi qlub umli li jħaffu l-ispontanjetà fl-għixien tal-fidi u turi li d-doni divini huma komunikati lill-Knisja b’mod pubbliku u universali, b’hekk igiddbu l-mentalità anjostika ta hafna adulti li jitħajru jaħbu u jgħamlu tagħhom il-grazzja ta’ Alla.
Ġie konkluż li f’Franġisku u Ġacinta Marto għandna eżempji mill-aqwa li t-tfal huma msejħin għall-qdusija. Bil-beatifikazzjoni tagħhom, il-Knisja kkonfermat din il-qdusija mgħixa. It-tfal jistgħu jilħqu l-qdusija u din hi l-aqwa turija ta’ ħajja adulta.
intervista ma' Swor Angela de Fatima Coelho, il-Viċi Postulatur għall-Kawża tal-kanonizzazzjoni tar-Ragħajja ż-Żgħar " minn Bulletin of the Little Shepherds - Jul-Sept 2009
Il-messaġġ ta’ Fatima, li hu msejjes fuq it-talbiet magħmulin mill-Madonna, kienu pprattikawh it-tlett itfal, Franġisku, Ġaċinta u Luċija, flimkien, iżda wkoll individwalment minn kull wieħed mit-tfal bil-kontibut proprju tal-mod ta’ ħajja tiegħu jew tagħha.
Insemmi passaġġ mit-Testment il-Qadima li jista’ jiddeskrivi lit-tlett itfal. Meta Elija tela’ l-Muntanja Horeb sabiex jiltaqa’ ma’ Alla, l-ewwel kien hemm tfaqqigħ tar-ragħad u riħ qawwi li jfakkkarna f’Luċija, li rat, tkellmet, u ingħatat il-missjoni li xxandar il-messaġġ; imbagħad kien hemm in-nar, li jfakkarna f’Ġaċinta li kellha f’qalbha dik l-imħabba tħeġġeġ għall-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u għal Papa; fl-aħħar kien hemm iż-żiffa ħelwa u kalma tostor lil Alla nnifsu. Dan ifakkarna fi Franġisku, tifel kontemplattiv li jiltaqa’ ma’ Alla fis-silenzju. Ir-ruħ tiegħu silenzjuża tagħraf misteri daqstant sublimi bħal Qalb Ewkaristika ta’ Ġesù.
Ħafna Nsara u qaddisin kontemplattivi żviluppaw dan id-don ħafna iktar tard fil-ħajja tagħhom biss: bħala adulti biss: huma jiskopru d-“deżert” tagħhom. Dan ukoll, huwa speċjali dwar Franġisku: huwa sab il-missjoni tiegħu kmieni ħafna fil-ħajja, huwa tifel li jitwarrab lejn id-“deżert” tas-Serra de Aire , fejn hu jiżviluppa d-dimensjoni kontemplattiva tiegħu”.
Qabel id-dehriet, Luċija kienet tgħid li l-unika ħaġa komuni bejnha u Frangisku kien il-fatt li kienu kuġini, u li l-unika ħaġa komuni bejnha u Ġaċinta kienet is-suriet fiżiċi tagħhom, għaliex fil-karattru tagħhom huma kienu differnti ħafna minn xulxin. Franġisku kien ukoll iktar introvert, iktar kwiet, tifel żgħir iħobb il-paċi li kien jidher li ma jħabbilx rasu meta jitlef fil-logħob, filwaqt li Ġaċinta kient mill-ewwel tagħmel il-buli. Il-bidla li seħħet fi Franġisku wara d-dehriet kienet taqbel man-natura tiegħu: kien iħobb joqgħod waħdu, iżda s-solitudni kienet bil-għan li jkun waħdu m’Alla.
Kien ukoll sensittiv ħafna. Minnhom it-tlieta, hu kien l-iktar sensittiv lejn in-natura, iħobb ħafna l-annimali u kien iħobb idoqq il-flawt tiegħu.
Barra dan, huwa kien kuraġġuż ukoll. Waqt li kienu fil-ħabs, kien hu li farraġ lill-oħtu li kienet qed tibki billi għamlilha l-kuraġġ u sabbarha.
It-tfal iż-żgħar jistgħu jimitawh. Bħat-tfal ta’ żmienu, kien iħobb jilgħab, jiġġerra, jitkellem u jqatta’ l-ħin mal-ħbieb; kien iħobb il-ġenituri u l-familja tiegħu. It-tfal tal-lum, meta jilgħabu bil-play-stations u l-computers, jistgħu jaraw lilhom infushom fi Farnġisku, li ma kienx xi tifel stramb. Huwa għadda minn esperjenza mhix tas-soltu li għenitu jiżviluppa virtujiet u karatteristiċi speċjali li, madankollu, jibqgħu jkunu fundamentali għat-tfal kollha.
Ngħidu aħna, l-ubbidjenza: minbarra li kien jobdi mill-ġenituri tiegħu, Farnġisku mill-ewwel obda lill-Madonna wkoll. Hi talbitu jirreċita ħafna Rużarji biex imur il-ġenna. Franġisku ma staqsiex għaliex, ma gergirx, ma għamilx il-buli, huwa sempliċement talab. Hi din l-ubbidjenza li żviluppat il-karattru uman tiegħu. It-tfal tal-lum malaajr igergru għax għandhom imorru l-Quddies, għax jistudjaw, biex joħorġu mid-dinja żgħira tagħhom u t-taħbit tagħha.
Aspett ieħor tal-karattru tiegħu huwa s-sens ta’ safa tiegħu. Li tkun safi huwa li tara l-affarijiet bil-għajnejn ta’ Alla. It-tema għas-santwarju ta’ Fatima għal din is-sena huwa l-qawl ta’ Ġesù: “Dawk li huma safja f’qalbhom jaraw lil Alla”. Ma dan il-ħsieb inħobb inżid: “u jaraw bħalma jara Alla”. It-tfal għandhom ħafna x’jitgħallmu minn Franġisku, ngħidu aħna, fl-internet, li hu tant meraviljuż iżda li fih ħafna perikli, fejn il-ħarsa tat-tifel tista’ tkun imħassra u jġagħlhom iħarsu lejn l-affarijeit minn angolu żbaljat.
Karatteristika bażika oħra ta’ Franġisku hija l-umiltà tiegħu. Matul id-dehriet, Luċija setgħet tara, tisma’, u titkellem, Ġaċinta setgħet tara u tisma, iżda Franġisku seta’ jara biss. Hu qatt ma gerger, qatt ma ħassu mwarrab, qatt ma qal: “Jaħasra għalija, jien nara biss nista”; hu kien jaf jaċċetta l-limitazzjonijiet tiegħu. Fi żmienna, fejn tispikka l-kompetizzjoni, kull tifel irid ikun aħjar minn sieħbu. F’soċjetà li trid li kull wieħed ikun iktar intelliġenti, iktar sabiħ, iktar għani, iktar qawwi, u l-bqija, m’hemmx post għall-biża’ u d-għjufija. Farnġisku bil-ħarsa umli tiegħu għandu ħafna x’jagħllem lit-tfal tal-lum.
Franġisku kien tifel, iżda t-tfulija tiegħu kienet matura. Waqt li għex l-esperjenza spiritwali tiegħu tal-messaġġ ta’ Fatima, filwaqt li baqa’ tifel li japprezza l-kumpanija tal-kuġina tiegħu u ta’ oħtu, li jieħu gost bl-imħabba ta’ missieru u ommu, huwa għex il-ġrajjiet u l-isfidi li ltaqa’ magħhom b’maturità tal-għaġeb, u permezz tagħhom għaġġen il-personalità tiegħu stess.
l-adulti tassew jistgħu jitgħallmu minn Franġisku, billi jibdew jitħarrġu fil-prudenza u s-sensitività li wera hu. Hu kien imdorri jwissi lil Luċija biex mill-iskola, ma terġax lura lejn id-dar ma’ ċerti ħbieb, iżda biex tmur “u tqatta’ ftit ħin ma’ Ġesù moħbi u wara tiġi d-dar waħedha”. Fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, il-ġenituri wkoll jistgħu jitgħallmu mill-prudenza murija minn Franġisku.
Karatteristika oħra ta’ Franġisku li tista’ tgħin lill-adulti hija l-ħila tiegħu li jagħmel dixxerniment. Per eżempju, meta kien jara lil Luċija mifxula u ma tafx x’taqbad tgħid lin-nies, il-parir ta’ Franġisku sikwit kien inisslilha ideat f’moħħa.
Iċ-ċkejken Franġisku kellu wkoll sens qawwi ta’ responsabiltà u fedeltà għall-wegħdiet li jkun għamel. B’mod speċjali, huwa kien fdat bil-missjoni li jitlob, tassew li jitlob ħafna Rużarji, fi qbil mad-dimensjoni kontemplattiva tiegħu. Huwa qatt ma ħalla xi ħaġa milli ndaħal biex jagħmel. F’dan id-dawl is-soċjetà tagħna, sew fil-ħajja professjonli jew tan-negozju, jew fir-relazzjonijiet fil-familja, Franġisku jsejħilna biex ikollna sens ta’ responsabiltà u mpenn.
Skond Sacrosanctum Concilium, il-Knisja hija kemm missjunarja kif ukoll kontemplattiva, u kull wiehed minna għandu jkollu dawn iż-żewġ dimensjonijiet. Fil-fatt, id-dimensjoni kontemplattiva għandha x’taqsam mat-tmiem ta’ ħajjitna, li hi l-għaqda ma’ Alla. Billi għex, b’manjiera speċjali ħafna d-dimensjoni kontemplattiva tiegħu, Franġisku jurina li d-dimensjoni spiritwali tal-ħajja hi għal kulħadd l-istess. Kif jgħid it-teologu Karl Rahner: L-Insara tas-seklu 21 jew ikunu mistiċi jew ma jkunux Insara, l-epoka li jmiss jew tkun mistika jew ma tkun xejn. Kemm daqstant attwali llum jibqa’ l-appell ta’ Franġisku. Il-vokazzjoni umana tagħna tagħti l-frott fl-għaqda ma’ Ġesù li jħallina ntogħmu, issa u hawnhekk, kif se nkunu meta nagħmlu l-frott kollu u jdaħħalna għal dejjem fil-glorja tal-Missier.
Franġisku li kellu mħabba kbira għas-sbuħija darba qal: “Kont inħobb nara lill-Anġlu, iżda kont inħobb ħafna iktar nara lill-Madonna. L-iktar li kont inħobb nara lill-Madonna f’dak id-dawl ħiereġ minn għandha li ppenetra l-qlub tagħna”. Fi kliem ieħor, hu li kien daqstant sensittiv għas-sbuħija, seta’ jagħmel differenza bejn is-sbuħija ta’ l-Anġlu u s-sbuħija ferm ikbar tal-Madonna, iżda fuq kollox dik tal-Mulej tagħna nnifsu li jerġa’ hija isbaħ.
Imbagħad hemm l-ispiritwalità ta’ tpattija ta’ Franġisku. Meta għaraf li l-Madonna kienet daqstant imnikkta minħabba d-dnubiet tal-bnedmin, kien imqanqal ħafna u fittex biss li jfarraġha. Kien jgħaddi sigħat fil-preżenza ta’ Ġesù moħbi”. Huwa ddedika lilu nnifsu għal kollox lill-adorazzjoni Ewkaristika. Aħna qatt ma nistgħu nkunu nafu l-grad ta’ intensità tal-intimità tiegħu ma’ Alla.
Barra minn hekk, ma rridux ninsew l-imħabba tiegħu għar-Rużarju. Il-Madonna qalet lil Franġisku biex jitlob ħafna Rużarji, u hu innifsu qal: “O Madonna għażiża tiegħi! Ngħid Rużarji kemm trid!”. Kif kiteb Ġwanni Pawlu II: “Ir-Rużarju jwassalna maġenb Marija u jagħtiha s-setgħa biex tħarriġna u tgħaġġinna sakemm Kristu jissawwar fina (ara. Rosarium Virginis Mariae, 15)”. Dan hu li ġara lil Franġisku. Bl-idejn ta’ Marija huwa kien jitgħaġġen dejjem iktar biex jixbaħ lil Ġesù, sakemm kiseb ħila tassew tal-għaġeb għall-kontemplazzjoni.
Kull ma kien mitlub mir-Ragħajja ż-Żgħar hu dak li dejjem kien il-ħajja tal-Knisja. Il-Messaġġ ta’ Fatima, ma fihx mistiċismu astrat ilellex. Bil-maqlub, huwa jqanqal għaliex jesprimi konkretament id-dinamiżmu tat-tradizzjoni tal-Knisja u jressaqna mal-esperjenza u l-fidi ta’ ġenerazzjonijiet bla għad ta’ Nsara.
L-esperjenza tar-Ragħajja z-Żgħar turina li, fi żmien qasir ta’ sentejn jew tlieta, tifel ukoll jista’ jgħix profndament u intensament il-misteru tal-Ewkaristija. Fi Franġisku aħna naraw ukoll b’mod speċjali l-imħabba tiegħu għall-midinbin. Hu kien iħoss ħafna għalihom, u kien lest li jagħmel kull sagrifiċċju għalihom. B’dan il-mod, bihom kollha f’qalbu fil-preżenza ta’ Ġesù moħbi, huwa jgħaqqad b’mod tal-għaġeb il-kmandament tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, fil-verità l-iktar profonda tal-Vanġelu tal-Mulej tagħna.
Dan kollu kien ippratikat mit-tfajjel li kien ibbeatifikat mill-Knisja, bla dubju ta’ xejn sabiex tgħid lilna lkoll li biżżejjed tgħix kif għex hu sabiex tilħaq il-qdusija. Jekk dan seta’ jagħmlu tifel, mela jien ukoll nista’ nagħmel l-istess.
Franġisku huwa “talent” li Alla fadah lid-dinja!