Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi
L-Arċisqof Tarcisio Bertone, SDB, Segretarju tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi
Waqt li t-tieni millennju jċedi postu għat-tielet wieħed, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddeċieda li jippublika t-test tat-tielet parti tas-“sigriet ta’ Fatima”.
Is-seklu għoxrin kien wieħed mill-aktar kruċjali fl-istorja umana, bil-ġrajjiet traġiċi u kefrin tiegħu li laħqu l-qofol tagħhom fl-attentat ta’ qtil fuq “Kristu ħelu fuq l-art”. Issa l-purtiera ġiet imneħħija minn quddiem sensiela ta’ ġrajjiet li jagħmlu l-istorja u jfissruha fil-fond, f’perspettiva spiritwali differenti mill-attitudnijiet ta’ daż-żmien, sikwit imċajprin bir-razzjonaliżmu.
Matul l-istorja kien hemm dehriet sopranaturali u sinjali li jmorru fil-qalba tal-ġrajjiet umani u li, bi stagħġib ta’ dawk li jemmnu u li ma jemmnux xorta waħda, għandhom is-sehem tagħhom fit-tiswir ta’ l-istorja. Dawn il-manifestazzjonijiet ma jistgħu qatt jikkontradixxu d-depożitu tal-fidi, u għalhekk għandu jkollhom il-mira tagħhom fil-qalba tax-xandir ta’ Kristu: l-imħabba tal-Missier li tmexxi l-irġiel u n-nisa għall-konverżjoni u ssawwab il-grazzji meħtieġa biex nintelqu f’idejh b’devozzjoni ta’ wlied. Dan ukoll huwa l-messaġġ ta’ Fatima li, bis-sejħa urġenti tiegħu għall-konverżjoni u penitenza, jiġbidna għal qalba tal-Vanġelu.
Bla dubju, mid-dehriet moderni Fatima hija l-iktar profetika. L-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet” – li qiegħdin jiġu publikati hawnhekk wara xulxin biex ikollna dokumentazzjoni sħiħa – jirreferu speċjalment għad-dehra tal-biża’ tal-infern, id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, it-Tieni Gwerra Dinjija, u flaħħarnett it-tħabbira tal-ħsara immensa li r-Russja għad tagħmel lill-umanità billi tħalli l-fidi nisranija u tħaddan it-totalitarjaniżmu Komunista.
Fl-1917 ħadd ma seta’ jobsar dan kollu: it-tlett pastorinhos ta’ Fatima jaraw, jisimgħu u jiftakru, u Luċija, x-xhud li baqgħet ħajja, tniżżel kollox fuq karta meta kienet ikkmandata tagħmel hekk mill-Isqof ta’ Leiria u bil-permess tal-Madonna.
Għar-rakkont ta’ l-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet”, li diġà ġew ippublikati u għalhekk magħrufin, għażilna t-test miktub minn Swor Luċija fit-Tielet Memoir tal-31 ta’ Awwissu 1941; xi annotamenti ġew miżjuda fir-Raba’ Memoir tat-8 ta’ Diċembru 1941.
It-tielet parti tas-“sigriet” inkiteb “bl-ordni tal-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta’ Leiria u ta’ l-Omm l-Iktar Qaddisa” fit-3 ta’ Jannar 1944.
Hemm manuskritt wieħed biss, li qiegħed jiġi riprodott fotostatikament hawnhekk. L-envelop issiġillat l-ewwel kien f’idejn l-Isqof ta’ Leiria. Biex jiżgura protezzjoni aħjar għas-‘sigriet” l-envelop tqiegħed fl-Arkivji Sigrieti tas-Sant Uffizzju fl-4 ta’ April 1957. L-Isqof ta’ Leiria għarraf lil Luċija b’dan.
Skond ir-rendikont tal-Arkivji, l-Kummissarju tas-Sant Uffizzju, Patri Pierre Paul Philippe, OP, bi ftehim mal-Kardinal Alfredo Ottaviani, ġab l-envelop bit-tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima” lill-Papa Ġwanni XXIII fis-17 ta’ Awissu 1959. “Wara ftit tnikkir”, il-Qdusija Tiegħu qal: “Nistennew. Se nitlob. Ninfurmakom x’niddeċiedi.” [1]
Fil-fatt il-Papa Ġwanni XXIII iddeċieda li jagħti lura l-envelop issiġillat lis-Sant Uffizzju u ma jikxifx it-tielet parti tas-“sigriet”.
Pawlu VI qara x’fih mas-Sostitut, l-Arċisqof Angelo Dell’Acqua fis-27 ta’ Marzu 1965, u reġġa’ lura l-envelop lill-Arkivji tas-Sant Uffizzju, jiddeċiedi li ma jippublikax it-test.
Ġwanni Pawlu II, minn naħa tiegħu, talab l-envelop bit-tielet parti tas-“sigriet” wara l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju 1981. Fit-18 ta’ Lulju 1981 l-Kardinal Franjo Šeper, Prefett tal-Kongregazzjoni, ta żewġ envelopijiet lil Arċisqof Eduardo Martínez Somalo, Sostitut tas-Segretarjat tal-Istat: envelop wieħed abjad, fih it-test oriġinali ta’ Swor Luċija bil-Portugiż; l-ieħor oranġjo, bit-traduzzjoni fit-Taljan tas-“sigriet”. Fil-11 ta’ Awissu ta’ wara, l-Arċisqof Martínez reġġa’ lura ż-żewġ envelopijiet lill-Arkivji tas-sant Uffizzju. [2]
Kif jaf kulħadd, il-Papa Ġwanni Pawlu II mill-ewwel ħaseb biex jikkonsagra d-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u hu nnifsu kkompona talba għal dak li sejjaħ “Att ta’ Fiduċja”, li kellu jkun iċċelebrat fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore fis-7 ta’ Ġunju 1981, fis-Solennità tal-Pentekoste, l-jum magħżul biex ifakkar l-1600 anniversarju tal-ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli u l-1550 anniversarju tal-Konċilju ta’ Efesu. Billi l-Papa ma setax ikun hemm, ixxandar l-Indirizz irrekordjat tiegħu. Li ġej hi l-parti li tirreferi speċifikament għal Att ta’ Fiduċja:
“Omm tal-individwi u popli kollha, inti taf it-tbatijiet u t-tamiet tagħna. Fil-qalb tiegħek ta’ omm inti tħoss il-ġlidiet kollha bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, li joħonqu d-dinja: ilqa’ t-talba li aħna nagħmlu fl-Ispirtu s-Santu ditrettament lejn qalbek, ħaddan bl-imħabba ta’ l-Omm u l-Qaddejja tal-Mulej lil dawk li l-iktar jistennew din it-tħaddina, u wkoll dawk li l-att ta’ fiduċja tagħhom qed tistenna b’mod partikulari. Ħu taħt il-ħarsien tiegħek il-familja umana kollha, li aħna nafdaw lilek b’imħabba mill-qalb, Ja Omm. Ħalli jżernaq għal kulħadd iż-żmien ta’ paċi u ħelsien, iż-żmien tas-sewwa, tal-ġustizzzja u tat-tama”.[3]
Sabiex inwieġbu aktar bis-sħiħ għat-talbiet tal-“Madonna”, il-Papa xtaq jagħmel iktar espliċitu matul is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa l-Att ta’ Fiduċja tas-7 ta’ Mejju 1981, li kien imtenni ġewwa Fatima fit-13 ta’ Mejju 1982. Fil-25 ta’ Mejju 1984 fi Pjazza San Pietru, filwaqt li jfakkar il-fiat mlissen minn Marija fit-Tħabbira, il-Papa, f’għaqda spiritwali ma’ l-isqfijiet tad-dinja, li kienu “mgħajjta” minn qabel, fada lil irġiel u n-nisa kollha u l-popli kollha lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, f’termini li jfakkru l-kliem mil-qalb li ntqalu fl-1981:
“Ja Omm tal-irġiel u n-nisa kollha, u tal-popli kollha, int li taf it-tbatijiet u t-tamiet kollha tagħhom, int li għandek l-għarfien ta’ omm tat-taqbidiet kollha bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, li jifilġu d-dinja moderna, ilqa’ l-karba li aħna, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu, qed ngħamlu direttament lil Qalbek. Ħaddan bl-imħabba tal-Omm u l-Qaddejja tal-Mulej, din id-dinja umana tagħna, li aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek, għaliex aħna mimlija tħassib minħabba d-destin tad-dinja u tal-eternita tal-individwi u l-popli.
B’mod speċjali aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek dawk l-individwi u n-nazzjonijiet li b’mod partikulari jeħtieġu li jkunu fdati u kkonsagrati b’dal-mod.
‘Aħna nirrikorru għall-ħarsien tiegħek, Qaddisa Omm Alla!’ La tistmerrx it-talb tagħna fi ħtiġijietna”.
Il-Papa mbagħad kompla b’aktar saħħa u b’riferenzi aktar speċifiċi, qisu qed jikkummenta fuq il-Messaġġ ta’ Fatima fit-twettieq imnikket tiegħu:
“Ħares, waqt li ninsabu quddiemek, Omm Kristu, quddiem il-Qalb Bla Tebgħa tiegħek, aħna nixtiequ, flimkien mal-Knisja kollha, ningħaqdu mal-konsagrazzjoni li, għal imħabba tagħna, Ibnek għamel minnu nnifsu lill-Missier: “Minħabba fihom”, qal, “nikkonsagra lili nnifsi sabiex huma wkoll ikunu kkonsagrati fis-sewwa” (Ġw 17:19). Nixtiequ ningħaqdu mal-Feddej tagħna f’din il-konsagrazzjoni tiegħu għad-dinja u għan-nisel uman, li, fil Qalb Divina tiegħu, għandu l-qawwa li jikseb il-maħfra u jgħaqla tpattija ....
Il-qawwa ta’ din il-konsagrazzjoni ddum għaż-żminijiet kollha u tħaddan l-individwi, l-popli u n-nazzjonijiet kollha. Hi tegħleb kull ħażen li l-ispirtu tad-dlam għandu l-ħila jqajjem, u fil-fatt qajjem fi żminijietna, fil-qalb tal-bniedem u fl-istorja tiegħu.
Aħna nħossu l-ħtieġa kbira tal-konsagrazzjoni tal-umanità u d-dinja – d-dinja modera tagħna – f’għaqda ma’ Kristu nnifsu! Għax il-ħidma fejjieda ta’ Kristu għandu jkollha sehem minnha d-dinja permezz tal-Knisja.
Din is-Sena tal-Fidwa turi dan: il-ġublew speċjali tal-Knisja kollha.
Iktar mill-ħlejjaq kollha, tkun imbierka, int, il-Qaddejja tal-Mulej, li bl-iktar mod sħiħ obdejt is-sejħa divina!
Sliem għalik, li int għal kollox magħquda mal-konsagrazzjoni feddejja ta’ Ibnek!
Omm il-Knisja! Dawwal il-Poplu ta’ Alla matul it-triqat tal-fidi, tat-tama, u tal-imħabba!
Dawwal speċjalment il-popli li minna qed tistenna l-konsagrazzjoni u l-fiduċja.
Għinna ngħixu fis-sewwa tal-konsagrazzjoni ta’ Kristu għall-familja kollha tal-bnedmin tad-dinja moderna.
Billi nafdaw lilek, Ja Omm, id-dinja, l-individwi u l-popli kollha, aħna nafdawlek ukoll din l-istess konsagrazzjoni tad-dinja, nqegħduha fil-Qalb tiegħek ta’ omm.
Qalb Bla Tebgħa! Għinna nirbħu t-theddid tal-ħażen, li malajr irabbi l-għeruq fil-qlub tan-nies tal-lum, u li l-effetti bla qies tagħhom diġà qegħdin jagħfsu l-isfel fuq id-dinja moderna tagħna u qishom jagħlqu t-toroq lejn il-ġejjieni!
Mill-ġuħ u l-gwerra, eħlisna.
Mill-gwerra nuklejari, mill-qerda tagħna nfusna li ma titqiesx, minn kull għamla ta’ gwerra, eħlisna.
Mid-dnubiet kontra l-ħajja tal-bniedem mill-bidunett tagħha, eħlisna.
Mill-mibgħeda u mit-tkasbir tad-drittijiet ta’ l-ulied ta’ Alla, eħlisna.
Minn kull għamla ta’ nġustizzja fil-ħajja tas-soċjetà, kemm nazzjonali u kif ukoll internazzjonali, eħlisna.
Mill-ħeffa li ngħaffġu fuq il-kmandamenti ta’ Alla, eħlisna.
Mill-attentati li noħonqu fil-qlub tal-bnedmin l-istess verita ta’ Alla, eħlisna.
Mit-telf ta’ għarfien tat-tajjeb u l-ħażin, eħlisna.
Mid-dnubiet kontra l-Ispirtu s-Santu, eħlisna, eħlisna.
Ilqa’, Ja Omm Kristu, dil-karba mgħobbija bit-tbatijiet ta’ l-individwi umani kollha mgħobbijin bit-tbatijiet tas-soċjetajiet kollha.
Għinna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex negħlbu kull dnub: id-dnub individwali u d-‘dnub tad-dinja’, id-dnub fis-suriet kollha tiegħu.
Ħa tintwera, għal darb oħra, fl-istorja tad-dinja l-qawwa fejjieda bla tarf tal-Fidwa: il-qawwa tal-Imħabba ħanina! Ħa twaqqaf il-ħażen! Ħa tbiddel il-kuxjenzi! Ħalli l-Qalb Bla Tebgħa tiegħek tikxef għal kulħadd id-dawl tat-Tama!”[4]
Swor Luċija ikkonfermat personalment li dan l-att ta’ konsagrazzjoni solenni u universali jaqbel ma’ dak li xtaqet il-Madonna (“Sim, està feita, tal como Nossa Senhora a pediu, desde o dia 25 de Março de 1984”: “Iva saret eżatt kif talbet il-Madonna, fil-25 ta’ Marzu 1984”: Ittra tat-8 ta’ Novembru 1989). Għalhekk kull diskussjoni jew talba oħra hija bla bażi.
Fid-dokumentazzjoni miġjuba hawn kienu miżjudin erba’ siltiet oħra mal-manuskritti ta’ Luċija:
1) l-ittra tal-Papa tad-19 ta’ April 2000 lil Swor Luċija;
2) rakkont tat-taħdita tas-27 ta’ April 2000 ma’ Swor Luċija;
3) l-istqarrija li l-Papa qabbad li tinqara mill-Kardinal Angelo Sodano, Segretarju tal-Istat, fit-13 ta’ Mejju 2000;
4) il-kummentarju tejoloġiku mill-Kardinal Joseph Ratzinger, Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
Swor Luċija kienet diġà tat ħjiel għat-tfsir tat-tielet parti tas-“sigriet” f’ittra lill-Papa, datata 12 ta’ Mejju 1982:
“It-tielet parti tas-sigriet jirreferi għal kliem il-Madonna: “jekk le [r Russja] tferrex l-iżbalji tagħha kullimkien fid-dinja, jqajmu gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja. T-tajbin imutu martri: il-Papa għad ibati ħafna; diversi nazzjonijiet jiġu mxejjna’ (13-VII-1917).
It-tielet parti tas-sigriet hi rivelazzjoni simbolika, tirreferi għal dil-parti tal-Messaġġ, ikkundizzjonat minn jekk naċċettawx jew le dak li l-Messaġġ innifsu jitlob minna: “Jekk it-talbiet tiegħi jiġu milqugħin, r-Russja tikkonverti, u jkun hemm il-paċi; jekk le, hi tferrex l-iżbalji tagħha kullimkien fid-dinja, eċċ,’.
La ma tajniex każ dis-sejħa tal-Messaġġ, qed naraw li kien imwettaq, ir-Russja invadiet id-dinja bl-iżbalji tagħha. U jekk għadna ma rajniex it-twettieq għalkollox ta’ l-aħħar parti ta’ dil-profezija, aħna resqin lejha bil-mod il-mod b’passi kbar. Jekk ma niċħdux it-triq tad-dnub, tal-mibgħeda, tal-vendetta, tal-inġustizzja, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-persuna umana, tal-immoralita u tal-vjolenza, eċċ.
Ejjew ma ngħidux li Alla hu li qed jikkastigana b’dal-mod; bil-maqlub huma n-nies infushom li qed iħejju l-kastig tagħhom infushom. Fi tjubitu Alla jwissina u jsejjħilna għat-triq it-tajba, filwaqt li jirrispetta l-ħelsien li kien tana hu; għalhekk in-nies huma responsabbli’.[5]
Id-deċiżjoni tal-Qdusija Tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II li jxandar it-tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima jġib fi tmiemu żmien ta’ storja mmarkat bil-kilba traġika għall-poter u għall-ħażen, madankollu mimli bl-imħabba ħanina ta’ Alla u l-ħarsien attent tal-Omm ta’ Ġesù u tal-Knisja.
Il-ħidma ta’ Alla, il-Mulej ta’ l-istorja, u l-ko-responsabiltà tal-bniedem fid-drama tal-ħelsien krejattiv tiegħu, huma ż-żewġ pilastri li fuqhom hi mibnija l-istorja umana.
Il-Madonna, li dehret ġewwa Fatima, tfakkar dawn il-valuri minsijin. Hi tfakkarna li l-ġejjieni tal-bniedem hu f’Alla, u li aħna sħab attivi u responsabbli fil-ħolqien ta’ dak il-ġejjieni.
Tarcisio Bertone, SDB
Arċisqof Emeritu ta’ Vercelli
Segretarju tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi.
[1] Mid-djarju ta’ Ġwanni XXIII fis-17 ta’ awissu 1959: “Udjenzi: Patri Philippe, Kummissarju tas-Sant Uffizzju, ġabli l-ittra bit-tielet parti tas-sigriet ta’ Fatima. Bi ħsiebni naqraha mal-Konfessur tiegħi.”
[2] Il-kumment tal-Papa fl-Udjenza Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 1981 fuq “x’ġara f’Mejju: Tiġrib Divin Kbir” għandu jkun imfakkar: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, IV, 2 (Vatican City, 1981, 409-412.
[3] Messaġġ bir-radju matul iċ-Ċeremonja ta’ Qima, /Radd il-Ħajr u Fiduċja lill-Verġni Marija Theotokos fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, 1 (Vatican City, 1981), 1246.
[4] F’Jum il-Ġublew tal-Familji, il-Papa fada’ individwi u nazzjonijiet lill Madonna: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, VII, 1 (Vatican City, 1984), 775-777.