Mill-laqgħa bejn l-Arċisqof Tarcisio Bertone S.D.B. u Swor Maria Luċija ta’ Ġesù u tal-Qalb Bla Tebgħa. Monasteru ta’ Coimbra, Portugall, 17 ta’ Novembru 2001.
Meta ġiet mistoqsija “X’effett ħalliet fuq ħajtek id-dehra tat-13 ta’ Lulju qabel ma rrakuntajtha u għaddejtha lill-Knisja?” Sr Luċija wieġbet:
“Ħassejtni fiż-żgur, taħt il-ħarsien tal-Madonna, li kienet se tħares bir-reqqa lill-Knisja u lill-Papa”. Hija mbagħad żiedet dettal li ma kienx imxandar qabel dwar dik id-dehra profetika famuża: “Matul id-dehra, l-Madonna, li kienet tarmi d-dawl, kienet iżżomm Qalb f’idha l-leminija u l-kuruna tar-Rużarju f’tax-xellug”.
“X’tifsira għandha l-qalb f’idejn il-Madonna?”
Hija sinjal ta’ l-imħabba li tipproteġi u ssalva. Hija l-Omm li tara l-uliedha jbatu u tbati magħhom, ukoll dawk li ma jħobbuhiex, għax hi trid issalva lil kulħadd u ma titlef lil ħadd minn dawk li l-Mulej tagħna fdalha f’idejha. Il-Qalb tagħha hija kenn tassew. Id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgġa ta’ Marija hija mezz ta’ salvazzjoni għal żminijiet diffiċli fil-Knisja u fid-dinja. Ir-riflessjoni tal-Kardinal Ratzinger fil-konklużjoni tal-kummentarju tiegħu fuq it-tielet parti tas-sigriet hija addatata ħafna” “ ‘Il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi għad tirbaħ’ X’ifisser dan? Il-Qalb miftuħa għal Alla, msoffija bil-kontemplazzjoni t’Alla, hija iktar qawwija mill-kanuni u l-armi ta’ kull xorta. Il-fiat ta’ Marija, il-kelma ta’ qalbha, biddlet il-ġrajja tad-dinja għax hi ġabet is-Salvatur fid-dinja - għax, bis-saħħa ta’ l-Iva tagħha, Alla setgħa jsir bniedem fid-dinja tagħna u jibqa’ hekk għal dejjem. Il-Ħażin għandu s-setgħa f’din id-dinja, kif naraw u nesperjenzaw kontinwament; huwa għandu s-setgħa għax il-libertà tagħna kontinwament tħalli lilha nfisha tiġi mkaxkra l-bogħod minn Alla. Iżda billi Alla nnifsu ħa għalih qalb umana u b’hekk mexxa il-libertà tal-bniedem lejn dak li hu tajjeb, il-libertà li jgħażel il-ħażin ma għadx għandha l-aħħar kelma. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, il-kelma li toħroġ rebbieħa hija din: ‘Fid-dinja tbatu jkolkom, iżda għamlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja’ (Ġw 16:33). Il-messaġġ ta’ Fatima jistedinna nafdaw f’din il-wegħda”.