Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jul-Sept 2009
F’għeluq is-sena ċentinarja mit-twelid ta’ Franġisku Marto, fid-19 u l-20 ta’ Ġunju 2009, sar Kungress ġo Fatima ntitolat “Franġisku Marto: tikber billi tagħti” biex juri veduti differenti dwar ħajjet Franġisku, billi janalizza l-kuntest storiku, soċjali, politiku u ekkleżjastiku ta’ żmien id-Dehriet. Fil-Kungress, deher ċar kemm dawn l-elementi jgħinu biex tiftiehem aħjar il-ħajja ta’ Franġisku.
Intwera kemm il-personalità tiegħu kienet immarkat bid-dinamiżmu tal-għotja. Bħal mistiċi kollha, hu kien milqut bl-esperjenza t’Alla, mistgħaġeb u msaħħar bil-kotra tad-doni tiegħu. Saħqu fuq id-dimensjoni kontemplattiva, kif il-personaltà ta’ Franġisku kienet mmarkata b’ġibda għas-solitudni u l-kwiet, u ta’ ftit kliem. Dan, b’mod speċjali, ġibed fuqu s-sbuħija divina, u ġagħlitu sikwit jitbiegħed mill-oħrajn biex jikkontempla lil Alla. B’hekk, hu kiber fil-ħajja interjuri. Għalih, l-għarfien profond taċ-ċentralità ta’ Alla, hu sinjal tal-għarfien tal-ġerarkija tal-veritajiet tal-fidi.
Intwera li fit-tfal hemm ġibda spontanea u għal kollox naturali u l-fuq mis-sensi li jmorru lil hemm mid-dinja li taqa’ taħt is-sensi. Madankollu, din il-ġibda ma twassalx mill-ewwel lejn Alla, bħalikieku l-proċess kien awtomatiku. Kien innotat li l-ambjent huwa deċisiv biex jew jiftaħ jew jagħlaq it-triq għal dan il-proċess. It-triq fil-preżenza tal-Mulej naturalment teħtieġ ambjent li jaqbel mat-trasmissjoni tal-fidi, waħda li tgħin biex twassal lit-tifel għall-misteru.
Ġie konkluż li l-ispiritwalità tat-tfulija tgħin biex jitqies il-valur ta’ xi rivelazzjoni partikulari, li turi kif Alla jippreferi qlub umli, li jħaffu l-ispontanjetà fl-għixien tal-fidi, u turi li d-doni divini huma komunikati lill-Knisja b’mod pubbliku u universali. B’hekk igiddbu l-mentalità anjostika ta hafna adulti li jitħajru jaħbu u jgħamlu tagħhom il-grazzja ta’ Alla.
Ġie konkluż li Franġisku u Ġaċinta Marto huma eżempji mill-aqwa li t-tfal huma msejħin għall-qdusija. Bil-beatifikazzjoni tagħhom, il-Knisja kkonfermat l-g]ixien ta’ din il-qdusija. It-tfal jistgħu jilħqu l-qdusija u din hi l-aqwa turija ta’ ħajja adulta.
Taħdita ma’ Swor Angela de Fatima Coelho
Tifel speċjali
Il-messaġġ ta’ Fatima, li hu msejjes fuq it-talbiet magħmulin mill-Madonna, kien ipprattikat mit-tlett itfal, Franġisku, Ġaċinta u Luċija, flimkien, iżda wkoll individwalment minn kull wieħed mit-tfal bil-kontibut proprju tal-mod ta’ ħajja tiegħu jew tagħha.
Niftakar f’passaġġ mit-Testment il-Qadima li jista’ jiddeskrivi lit-tlett itfal. Meta Elija tela’ l-Muntanja Horeb biex jiltaqa’ m’Alla, l-ewwel kien hemm tfaqqigħ tar-ragħad u riħ qawwi li jfakkarna f’Luċija, li rat, tkellmet, u ingħatat il-missjoni li xxandar il-messaġġ; imbagħad kien hemm in-nar, li jfakkarna f’Ġaċinta li kellha f’qalbha dik l-imħabba tħeġġeġ għall-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u għall-Papa; fl-aħħar kien hemm iż-żiffa ħelwa u kalma tostor lil Alla nnifsu. Dan ifakkarna fi Franġisku, tifel kontemplattiv li jiltaqa’ ma’ Alla fis-silenzju. Ir-ruħ tiegħu silenzjuża tagħraf misteri daqstant sublimi bħall-Qalb Ewkaristika ta’ Ġesù.
Ħafna Nsara u qaddisin kontemplattivi żviluppaw dan id-don ħafna iktar tard biss f’ħajjithom: bħala adulti biss skoprew id-“deżert” tagħhom. Dan ukoll, hu speċjali dwar Franġisku: hu sab il-missjoni tiegħu kmieni ħafna fil-ħajja, hu tifel li jitwarrabd fid-“deżert” tas-Serra de Aire, fejn jiżviluppa d-dimensjoni kontemplattiva tiegħu”.
Ċerti karatteristiċi li jgħażluh minn Luċija u Ġaċinta
Qabel id-dehriet, Luċija kienet tgħid li l-unika ħaġa komuni bejnha u Frangisku hi li kienu kuġini, u bejnha u Ġaċinta hi s-suriet fiżiċi tagħhom, għax kellhom karattru differenti ħafna minn xilxin. Franġisku kien iktar kwiet u ntrovert, tifel żgħir iħobb il-paċi, ma kienx iħabbel rasu meta jitlef fil-logħob, filwaqt li Ġaċinta mill-ewwel kienet tagħmel il-geddum. Il-bidla li seħħet fi Franġisku wara d-dehriet kienet taqbel man-natura tiegħu: kien iħobb joqgħod waħdu, iżda s-solitudni kienet bil-għan li jkun waħdu ma’ Alla.
Kien sensittiv ħafna wkoll. Minnhom it-tlieta, hu kien l-iktar sensittiv lejn in-natura, jħobb ħafna l-annimali u kien iħobb idoqq il-flawt tiegħu. Kien kuraġġuż ukoll: waqt li kienu fil-ħabs, kien hu li farraġ lill-oħtu li kienet qed tibki billi għmlilha l-kuraġġ u sabbarha.
Xempju li jħajjar lit-tfal tal-lum
It-tfal iż-żgħar jistgħu jħarsu lejh bħala mudel biex jimitawh. Bħat-tfal ta’ żmienu, kien iħobb jilgħab, jiġġerra, jitkellem u jqatta’ l-ħin mal-ħbieb; kien iħobb il-ġenituri u l-familja tiegħu. It-tfal tal-lum, meta jilgħabu bil-play-stations u l-computers, jistgħu jaraw lilhom infushom fi Farnġisku, li ma kienx xi tifel stramb. Huwa għadda minn esperjenza mhix tas-soltu li għenitu jiżviluppa il-virtujiet u l-karatteristiċi speċjali li, madankollu, jibqgħu jkunu fundamentali għat-tfal kollha.
Ngħidu aħna, l-ubbidjenza: minbarra li kien jobdi mill-ġenituri tiegħu, Farnġisku mill-ewwel obda lil Madonna wkoll. Hi talbitu jirreċita ħafna Rużarji biex imur il-ġenna. Franġisku ma staqsiex għaliex, ma gergirx, ma għamilx il-buli, huwa sempliċement talab. Hi din l-ubbidjenza li żviluppat il-karattru uman tiegħu. It-tfal tal-lum malajr igergru għax għandhom imorru l-Quddies, għax jistudjaw, biex joħorġu mid-dinja żgħira tagħhom u t-taħbit tagħha.
Aspett ieħor tal-karattru tiegħu huwa s-sens ta’ safa tiegħu. Li tkun safi huwa li tara l-affarijiet bil-għajnejn ta’ Alla. It-tema għas-santwarju ta’ Fatima għal din is-sena huwa l-qawl ta’ Ġesu: “Dawk li huma safja f’qalbhom jaraw lil Alla”. Ma dan il-ħsieb inħobb inżid: “u jaraw bħalma jara Alla”. It-tfal għandhom ħafna x’jitgħallmu minn Franġisku, ngħidu aħna, fl-internet, li hu tant meraviljuż iżda li fih ħafna perikli, fejn il-ħarsa tat-tifel tista’ tkun imħassra u jġagħlhom iħarsu lejn l-affarijeit minn angolu żbaljat.
Karatteristika bażika oħra ta’ Franħisku hija l-umiltà tiegħu. Matul id-dehriet, Luċija setgħet tara, tisma’, u titkellem, Ġaċinta setgħet tara u tisma, iżda Franġisku seta’ jara biss. Hu qatt ma gerger, qatt ma ħassu mwarrab, qatt ma qal: “Jaħasra għalija, jien nara biss nista”; hu kien jaf jaċċetta l-limitazzjonijiet tiegħu. Fi żmienna, fejn tispikka l-kompetizzjoni, kull tifel irid ikun aħjar minn sieħbu. F’soċjetà li trid li kull wieħed ikun iktar intelliġenti, iktar sabiħ, iktar għani, iktar qawwi, u l-bqija, m’hemmx post għal biża’ u dgħjufija. Farnġisku bil ħarsa umli tiegħu għandu ħafna x’jagħllem lit-tfal tal-lum.
Xempju li jħajjar lill-adulti tal-lum
Franġisku kien tifel, iżda t-tfulija tiegħu kienet matura waqt li għex l-esperjenza spiritwali tiegħu tal-messaġġ ta’ Fatima. Filwaqt li baqa’ tifel li japprezza l-kumpanija tal-kuġina tiegħu u ta’ oħtu, li jieħu gost bl-imħabba ta’ missieru u ommu, huwa għex il-ġrajjiet u l-isfidi li ltaqa’ magħhom b’maturità tal-għaġeb, u permezz tagħhom għaġġen il-personalità tiegħu stess.
L-adulti jistgħu tassew jitgħallmu minn Franġisku, billi jibdew jitħarrġu fil-prudenza u s-sensitività li hu wera.
Hu kien imdorri jwissi lil Luċija biex mill-iskola, ma terġax lura lejn id-dar ma’ ċerti ħbieb, iżda tmur “u tqatta’ ftit ħin ma’ Ġesu moħbi u wara tiġi d-dar waħedha”. Fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, il-ġenituri wkoll jistgħu jitgħallmu mill-prudenza murija minn Franġisku.
Karatteristika oħra ta’ Franġisku li tista’ tgħin lill-adulti hija l-ħila tiegħu li jagħmel dixxerniment. Per eżempju, meta kien jara lil Luċija mifxula u ma tafx x’taqbad tgħid lin-nies, il-parir ta’ Franġisku sikwit kien inisslilha ideat f’moħħa.
Iċ-ċkejken Franġisku kellu wkoll sens qawwi ta’ responsabiltà u fedeltà għall-wegħdiet li jkun għamel. B’mod speċjali, huwa kien fdat bil-missjoni li jitlob, tassew li jitlob ħafna Rużarji, fi qbil mad-dimensjoni kontemplattiva tiegħu. Huwa qatt ma ħalla xi ħaġa milli ndaħal biex jagħmel. F’dan id-dawl is-soċjetà tagħna, sew fil-ħajja professjonli jew tan-negozju, jew fir-relazzjonijiet fil-familja, Franġisku jsejħilna biex ikollna sens ta’ responsabiltà u mpenn.
Franġisku kien il-kontemplattiv tal-grupp, iżda hu wkoll xempju
għal dawk li huma l-iktar ‘attivi’ fil-Knisja u fid-dinja.
Skond Sacrosanctum Concilium, il-Knisja hi kemm missjunarja kif ukoll kontemplattiva, u kull wiehed minna għandu jkollu dawn iż-żewġ dimensjonijiet. Fil-fatt, id-dimensjoni kontemplattiva għandha x’taqsam mat-tmien ta’ ħajjitna, li hu l-għaqda ma’ Alla. Billi għex, b’mod speċjali ħafna, d-dimensjoni kontemplattiva tiegħu Franġisku jurina li d-dimensjoni spiritwali tal-ħajja hi għal kulħadd l-istess. Kif jgħid it-teologu Karl Rahner: L-Insara tas-seklu 21 jew ikunu mistiċi jew ma jkunux Insara, l-epoka li jmiss jew tkun mistika jew ma tkun xejn. Kemm l-appell ta’ Franġisku għadu daqstant attwali illum. Il-vokazzjoni umana tagħna tagħti l-frott fl-għaqda ma’ Ġesù li jħallina ntogħmu, issa u hawnhekk, kif se nkunu meta nagħmlu l-frott kollu u jdaħħalna għal dejjem fil-glorja tal-Missier.
Kif Franġisku għex il-Messaġġ ta’ Fatima
Franġisku li kellu mħabba kbira għas-sbuħija darba qal: “Kont inħobb nara lill-Anġlu, iżda kont inħobb ħafna iktar nara lill-Madonna. L-iktar li kont inħobb nara lill-Madonna f’dak id-dawl ħiereġ minn għandha li daħal fil-qlub tagħna”. Fi kliem ieħor, hu li kien daqstant sensittiv għas-sbuħija, seta’ jagħmel differencza bejn is-sbuħija ta’ l-Anġlu u s-sbuħija ferm ikbar tal-Madonna, iżda dażgur tal-Mulej tagħna nnifsu jerġa’ hija isbaħ.
Imbagħad hemm l-ispiritwalità ta’ tpattija ta’ Franġisku. Meta għaraf li l-Madonna kienet daqstant imnikkta minħabba d-dnubiet tal-bnedmin, kien imqanqal ħafna u fittex biss li jfarraġha. Kien jgħaddi sigħat fil-preżenza ta’ Ġesù moħbi”. Huwa ddedika lilu nnifsu għal kollox lill-adorazzjoni Ewkaristika. Aħna qatt ma nistgħu nkunu nafu l-grad ta’ intensità tal-intimità tiegħu ma’ Alla.
Barra minn hekk, ma rridux ninsew l-imħabba tiegħu għar-Rużarju. Il-Madonna qalet lil Franġisku biex jitlob ħafna Rużarji, u hu innifsu qal: “O Madonna għażiża tiegħi! Ngħid Rużarji kemm trid!”. Kif kiteb Ġwanni Pawlu II: “Ir-Rużarju jwassalna maġenb Marija u jagħtiha s-setgħa biex tħarriġna u tgħaġġinna sakemm Kristu jissawwar fina (ara. Rosarium Virginis Mariae, 15)”. Dan hu li ġara lil Franġisku. Bl-idejn ta’ Marija huwa kien jitgħaġġen dejjem iktar biex isir jixbaħ lil Ġesu, sakemm kiseb ħila tassew tal-għaġeb għall-kontemplazzjoni.
L-esperjenza u x-xhieda ta’ Franġisku
jħajjru lil kulħadd jgħix il-ħajja Nisranija ....
Kull ma kien mitlub mir-Ragħjja ż-żgħar jifforma parti minn dak li dejjem kien il-ħajja tal-Knisja. Il-Messaġġ ta’ Fatima, ma fihx mistiċismu astrat ilellex. Bil-maqlub, huwa jqanqal għaliex jesprimi konkretament id-dinamiżmu tat-tradizzjoni tal-Knisja u jressaqna mal-esperjenza u l-fidi ta’ ġenerazzjonijiet bla għad ta’ Nsara.
L-esperjenza tar-Ragħajja z-żgħar turina li, fi żmien qasir ta’ sentejn jew tlieta, tifel ukoll jista’ jgħix profondament u intensament il-misteru tal-Ewkaristija. Fi Franġisku aħna naraw ukoll b’mod speċjali l-imħabba tiegħu għall-midinbin. Hu kien iħoss ħafna għalihom, u kien lest li jagħmel kull sagrifiċċju għalihom. B’dan il-mod, bihom kollha f’qalbu fil-preżena ta’ Ġesu moħbi, huwa jgħaqqad b’mod tal-għaġeb il-kmandanment tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, fil-verità l-iktar profonda tal-vanġelu tal-Mulej tagħna.
Dan kollu kien ipprattikat mit-tfajjel li kien ibbeatifikat mill-Knisja, bla dubju ta’ xejn sabiex jgħid lilna lkoll li biżżejjed tgħix kif għex hu sabiex tilħaq il-qdusija. Jekk dan seta’ jagħmlu tifel, mela jien ukoll nista’ nagħmel l-istess.
Franġisku huwa “talent” li Alla fadah lid-dinja!