Ftit qabel ma marret l-isptar, Ġaċinta qalet lil Luċija: “Ma ndumx ma mmur il-ġenna. Ini se tibqa’ hawn biex tgħarraf li Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Meta tiġi biex tgħid dan, tmurx tistaħba. Għid lil kulħadd li Alla jagħtina l-grazzji permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, li n-nies għandhom jitolbuhomlha; u li l-Qalb ta’ Ġesù jrid li l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija tkun meqjuma maġenbu. Għidilhom wkoll biex jitolbu lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għall-Paċi ladarba Alla fdaha f’idejha. Li kieku nista’ nqiegħed fil-qlub ta’ kulħadd, in-nar li qiegħed jaqbad ġo qalbi, u li jġiegħelni nħobb qadshekk ħafna lil-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija!”
Darba waħda għaddejna l-ħin ta’ wara nofs in-nhar ħdejn il-bir tal-ġenituri tiegħi (Luċija).
Ġaċinta qagħdet bilqiegħda fuq il-ġebel ta’ fuq il-bir. Franġisku u jien tlajna fuq ix-xaqliba wieqfa biex infittxu l-għasel qalb l-għollieq fis-siġar folti li kien hemm fil-qrib. Wara ftit, Ġaċinta għajtitli:
“M’intix tarah lill-Papa?”
“Le”.
“Ma nafx kif, iżda rajt lill-Papa f’dar kbira ħafna, għarkuptejh ma’ mejda, b’wiċċu bejn idejh, u kien jibki. Barra mid-dar, kien hemm ħafna nies. Xi wħud minnhom kienu jitfgħu l-ġebel, oħrajn jisħtuh u jużaw kliem ħażin. Imsejken Papa, għandna nitolbu ħafna għalih.” (Din id-dehra tixbaħ ħafna dak li ġara fit-tiġdid tal-konsagrazzjoni tad-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, magħmula minn Piju XII fil-Bażilka ta’ San Pietru fit-8 ta’ Diċembru 1942, filwaqt li “barra”, jiġifieri, f’partijiet varji ta’ l-Ewropa kien ippersegwitat bl-aħrax.)
Diġà għedtlek kif, darba, żewġ qassisin irrikmandawlna biex nitolbu għall-Papa, u spjegawlna min kien il-Papa. Wara, Ġaċinta staqsietni:
“Hu dak li jien rajt jibki; dak li l-Madonna qaltilna dwaru fis-sigriet?”
“Iva, dak hu,” weġibt jien.
“Is-Sinjura żgur wrietu wkoll lil dawk il-qassisin. Qed tara, ma kellix żball. Għandu bżonn li nitolbu ħafna għalih.”
Darba oħra, morna fl-għar jgħidulu Lapa do Cabeço. Malli wasalna, inxtħetna minn tulna fl-art, ngħidu t-talb li għallimna l-Anġlu. Wara ftit, Ġaċinta qamet bil-wieqfa u għajtitli:
“M’intix qed tara dawk it-toroq kollha u t-trejqiet u għelieqi mimlijin bin-nies, li qed jibku bil-ġuħ u m’għandhom xejn x’jieklu? U l-Papa fi knisja jitlob quddiem il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija? U tant nies jitolbu miegħu?”
Xi jiem wara, staqsietni: “Nista’ ngħid li rajt il-Papa u dawk in-nies kollha?”
“Le. M’intix tara li dak hu biċċa mis-sigriet? Jekk tagħmel hekk, isiru jafu mill-ewwel.”
“Kollox sew! Mela ma ngħid xejn.”
Darba, mort id-dar ta’ Ġaċinta biex ngħaddi ftit tal-ħin magħha. Sibtha bilqiegħda fuq sodditha, imħassba ħafna.
“Ġaċinta, fuq x’hiex qed taħseb?”
“Fuq il-gwerra li ġejja. Tant nies se jmutu, u kważi kollha sejrin l-infern! Ħafna djar se jinqerdu, u ħafna qassisin se jinqatlu. Ħares, jien sejra l-ġenna, u int, meta tara d-dawl li s-Sinjura qaltilna li se jkun hawn f’ xi lejl qabel il-gwerra, inti iġri hemm fuq ukoll.”
“Ma tarax li ħadd ma jista’ jaqbad u jmur jiġri lejn il-genna!”
“Hekk hu, ma tistax! Iżda tibżgħax! Fil-ġenna se nkun nitlob ħafna għalik, għall-Papa, għall-Portugal, sabiex il-gwerra ma tiġix hawn, u għall-qassisin kollha.”
L-Eċċellenza tiegħek jaf li, ftit snin ilu, Alla wera sinjal, li l-astronomi għażlu li jsejħulu aurora borealis (Luċija qed tirreferi għall-aurora borealis “stramb” matul il-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Jannar 1938, kien is-sinjal mogħti minn Alla biex iħabbar li l-gwerra kienet fil-qrib). M’hinix żgura, iżda naħseb li jekk jinvestigaw din il-ħaġa, huma kienu jsibu li, l-forma kif dehret, ma setgħetx kienet aurora borealis. Hu x’inhu, Alla uża din biex jien nifhem li l-ġustizzja tiegħu kienet waslet biex tolqot lin-nzzjonijiet ħatja. Għal din ir-raġuni, jien bdejt nitlob bla waqfien għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet, u l-konsagrazzjoni tar-Russja. Il-ħsieb tiegħi kien li nikseb ħniena u maħfra, mhux biss għad-dinja kollha, iżda partikularment għall-Ewropa.
Meta Alla fil-ħniena tiegħu bla tarf, ġagħalni nħoss li l-waqt terribbli kien qed joqrob.
Minn “Fatima in Lucia’s own words” (pp.105-107)
Xi affarijiet rivelati fis-sigriet kellhom effett qawwi fuqha. Id-dehra tal-infern imlietha bit-twerwir tant li, kull penitenza u mortifikazzjoni kienet qisha xejn f’għajnejha, jekk biss setgħet ma tħallix l-erwieħ imorru hemm.
Kif inhi din li Ġaċinta hekk żgħira setgħet tinħakem minn spirtu ta’ mortifikazzjoni u penitenza bħal dan u fehmitu daqshekk tajjeb?
Jien naħseb li r-raġuni hija din: l-ewwelnett, Alla ried isawwab fuqha grazzja speċjali, permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija; u t-tieni, għaliex kienet rat l-infern, u kienet rat il-ħerba tal-erwieħ li jaqgħu hemm.
Xi nies, anke dawk l-iktar devoti, ma jridux ikellmu lit-tfal dwar l-infern, li ma jmorrux ibeżżgħuhom. Iżda Alla ma ħasibhiex darbtejn li juri l-infern lil tlett itfal, waħda minnhom kellha sitt snin biss, għalkemm kien jaf tajjeb li se jitwerwru tant, ikolli nażżarda ngħid, jidbielu għalkollox bil-biża’.
Ġaċinta sikwit kienet toqgħod bilqiegħda fl-art jew fuq xi blata taħseb u tgħid bi stagħġib: “O, l-Infern! L-infern! Kemm jissobbija għall-erwieħ li jmorru l-infern! U n-nies hemm isfel, jinħarqu ħajjin, qishom injam fin-nar! Imbagħad, titriegħed, kienet tinżel għarkuptejha b’idejha magħqudin u tirreċita t-talba li l-Madonna kienet għallmitna.
“O Ġesù tiegħi! Aħfrilna, eħlisna min-nar tal-infern. Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-Ġenna, speċjalment dawk li l-aktar jenħtieġu”.
L-aħħar kelmiet ta’ dit-talba jirreferu għall-erwieħ fl-ikbar periklu ta’ dannazzjoni, jew dawk li huma l-iktar qrib tagħha. Ġaċinta kienet tibqa’ għarkuptejha għal ħinijiet twal, tgħid l-istess talba u terġa’ tgħidha għal ħafna drabi. Minn żmien għal ieħor, bħal min iqum minn raqda, hija kienet tgħajjat lil ħuha jew lili (Luċija):
“Franġisku! Franġisku! Qiegħed titlob miegħi? Għandna nitolbu ħafna ħafna, biex neħilsu l-erwieħ mill-infern. Ħafna ħafna jmorru hemm! Ħafna ħafna! Drabi oħra kienet tistaqsi: “Għaliex il-Madonna ma turix l-infern lill-midinbin? Li kieku rawh, huma ma jagħmlux id-dnub, biex ma jmorrux hemm! Imissek tgħid lill-Madonna biex turi l-infern lin-nies kollha li jkun hemm (waqt id-dehra). Tara kif jikkonvertu.”
Wara, mhix kuntenta staqsietni (Luċija): “Għaliex m’għedtx lill-Madonna biex turi l-infern lil dawk in-nies?”
“Insejt” weġibt jien.
“Lanqas jien ma ftakart!” qalet, b’dehra ta’ niket kbir.
Xi minndaqqiet, hi kienet tistaqsi wkoll: “Liema huma d-dnubiet li n-nies jagħmlu li minħabbba fihom imorru l-infern?”
“Ma nafx!” Forsi d-dnub li ma jmorrux Quddies il-Ħadd, li jisirqu, li jgħidu kliem ħażin, li jisħtu u li jaħilfu.”
“Allura għall-kelma waħda n-nies jistgħu jmorru l-infern?”
“Ħeqq, hija dnub!”
“Mhux iebes għalihom li joqgħodu siekta, u li jmorru l-quddies! Jissobbija ħafna għall-midinbin! Mhux li kont nista’ nurihom l-infern!”
F’daqqa waħda kienet taqbadni u tgħid:
“Jien sejra l-ġenna, iżda int se tibqa’ hawn. Jekk tħallik il-Madonna, għid lil kulħadd kif inhu l-infern, sabiex ma jagħmlux iżjed dnubiet u ma jmorrux l-infern.”
Drabi oħra, wara li taħseb ftit, kienet tgħid: “Tant nies neżlin l-infern! Tant nies l-infern!”
Biex nikkalmaha, kont ngħid: “Tibżgħax! Inti sejra l-ġenna.”
“Iva, jien sejra”, kienet tgħid kalma, “iżda jien irrid li dawk in-nies kollha jmorru hemm ukoll!”
Meta, fi spirtu ta’ mortifikazzjoni, ma kenitx tkun trid tiekol, jien kont ngħidilha:
“Isma’, Ġaċinta! Issa ejja kul.”
“Le! Qed noffri dan is-sagrifiċċju għall-midinbin li jieklu żżejjed.”
Meta kienet marida, u xorta waħda marret il-Quddies fost il-ġimgħa, jien ħeġġiġtha:
“Ġaċinta, tiġix! Int ma tistax, ma tiflaħx. Barra minn hekk, illum mhux il-Ħadd!”
“Dak m’għandux x’jaqsam! Jien sejra għall-midinbin li ma jmorrux nhar ta’ Ħadd.”
Jekk kienet tinzerta tisma’ xi waħda minn dawk l-espressjonijiet li xi nies jiddandnu waqt li jgħiduhom, kienet tgħatti wiċċha b’idejha u tgħid:
“O, Alla tiegħi, ma jintebħux dawk in-nies li jistgħu jmorru l-infern għax jgħidu dawk l-affarijiet? Ġesù tiegħi, aħfrilhom u ikkonvertihom. Żgur li ma jafux li qedin joffendu ‘l Alla b’dan kollu! X’ħasra, Ġesù tiegħi! Jien nitlob għalihom.” Fil-pront, hija rrepetiet t-talba li għallmitna l-Madonna: “O, Ġesù tiegħi, aħfrilna …
Minn “Fatima in Lucia’s own words” (pp.23-24)
Darba waħda, wieħed minn dawn it-tfal[1] akkuża li wieħed ieħor kien tkellem ħażin. Ommi ċanfritu ħafna, u qaltlu li wieħed ma għandux jgħid kliem ħżiena bħal dawn, għaliex huma dnub u ma jgħoġbux lit-Tfajjel Ġesù; u li dawk li jagħmlu dnubiet bħal dawk u ma jqerruhomx, imorru l-infern. Iċ-ċkejkna Ġaċinta ma nsietx din it-tagħlima. L-ewwel darba li reġgħu ġew, hi qalet:
“Ommok tħallik tmur illum?”
“Le.”
“Mela jiena sejra ma’ Franġisku fil-bitħa tagħna.”
“U għaliex ma tibqgħux hawn?”
“Ommi ma tridniex noqgħodu hawn meta dawk it-tfal l-oħra jkunu hawn. Hi qaltilna biex immorru nilgħabu fil-bitħa tagħna. Hi ma tridnix nitgħallem dawn l-affarijiet ħżiena, li huma dnubiet, u li ma jogħġbux lit-Tfajjel Ġesù.”
Imbagħad fesfsitli f’widnejja:
“Jekk tħallik ommok, tiġi d-dar tiegħi?”
“Iva.”
“Mela mur itlobha.”
U qabdet id ħuha u telqet id-dar.
La qed insemmi l-logħob li tħobb Ġaċinta, waħda minnhom kienet “konfiski”. Kif l-Eċċellenza tiegħek aktarx taf, it-tellief ikollu jagħmel kull ma jgħidlu r-rebbieħ. Ġaċinta kienet tħobb tibgħat lit-tellief jiġri wara l-friefet, biex jaqbad wieħed u jġibulha. Drabi oħra, hi kienet titlob xi fjura li tgħażel hi. Jum wieħed, konna qedin nilgħabu “konfiski” d-dar tiegħi, u irbaħt jien, għalhekk din id-darba jien kont li għidtilha x’għandha tagħmel. Ħija kien bilqiegħda mal-mejda, jikteb, jien għedtilha biex tgħannqu u tbusu, iżda hi ipprotestat:
“Dik, le! Għidli biex nagħmel xi ħaġa oħra. Għax ma tgħidlix biex immur inbus lil Mulej tagħna hemmhekk?”
Kien hemm kurċifiss imdendel mal-ħajt.
“Kollox sew,” weġibt jien, “Itla’ fuq is-siġġu, niżżel il-kurċifiss minn hemm, inżel għarkuptejk u għannqu tlett darbiet u tih tlett bewsiet: waħda għal Franġisku, waħda għalija, u l-oħra għalik innifsek.”
“Lil Mulej tagħna, iva, intih kemm trid,” u hi ġriet biex iġġib il-kurċifiss. Hi bisitu u għannqitu b’tant devozzjoni li ma nsejtha qatt. Imbagħad, waqt li ħarset sewwa lejn ix-xbieha tal-Mulej tagħna staqsiet:
“Għaliex il-Mulej tagħna hu msammar hekk mas-salib?”
“Għax miet għalina.”
“Għidli kif ġrat,”qaltli.
Minn “Fatima in Lucia’s own words” (p.39)
Jum wieħed, Dun Cruz minn Lisbona ġie, huwa wkoll, biex jistaqsina. Meta spiċċa, talabna biex nuruh il-post fejn kienet dehritilna l-Madonna. Aħna u sejrin, aħna mxejna fuq kull naħa tar-Reverenza tiegħu, li kien riekeb ħmar tant qasir li saqajh kienu kważi jmissu ma’ l-art. Waqt li konna mexjin huwa għallimna litanija ta’ ġakulatorji, li tnejn minnhoim Ġaċinta għamlithom tagħha u ma kienet tehda qatt ittennihom: “Ġesù tiegħi, inħobbok! Qalb ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi!”
Jum wieħed waqt il-marda tagħha, hija qaltli: “ Jiena tant inħobb ngħid lil Ġesù li nħobbu! Ħafna drabi, meta ngħidhielu, qisni nħoss ħuġġieġa ġo qalbi, iżda ma taħraqnix.”
Darba oħra hija qalet: “Tant inħobb lill-Mulej tagħna u lill-Madonna, li qatt ma ngħejja ngħidlhom li nħobbhom.”
Minn “Fatima in Lucia’s own words”(p.39)
Kien hemm mara toqgħod ħdejna li kienet tinsultana kull darba li niltaqgħu magħha. Darba ltqajna magħha, filwaqt li kienet ħierġa mill-ħanut tax-xorb, tista’ tgħid l-għar wieħd għax-xorb. Ma kenitx kuntenta li tinsultana biss, iżda għamlet iktar minn hekk. Meta waqfet, Ġaċinta qaltli: “Aħna għandna nitolbu għaliha lill-Madonna u noffru sagrifiċċji għall-konverżjoni ta’ din il-mara. Hi tgħid tant affarijiet ħżiena (dnubiet) li jekk ma tmurx tqerr, hi se tmur l-infern.”
Ftit jiem wara, konna għaddejjin niġru minn quddiem il-bieb ta’ din il-mara meta f’daqqa waħda Ġainta waqfet zoptu, u daret lura, hi staqsiet:
“Isimgħu! Hu għada li se naraw lill-Madonna?”
“Iva, hekk hu”.
“Mela ħalli ma nilgħabux iżjed. Aħna nistgħu nagħmlu dan is-sagrifiċċju għall-konverżjoni tal-midinbin”.
Mingħajr ma ħasbet li xi ħadd seta’ kien qed jaraha, hi għolliet idejha u għajnejha lejn is-sema, u għamlet l-offerta tagħha. Il-mara, sadatannt kient qed tittawwal mill-persjana fid-dar. Hija qalet lill-ommi, wara, li dak li għamlet Ġaċinta, tant kellu effett fuqha, li ma kellha bżonn l-ebda prova oħra biex iġġagħalha temmen li d-dehriet kienu veri: minn dak inhar, hi mhux talli ma nsultatniex iktar, iżda kienet dejjem titlobna biex nitolbu lill-Madonna, biex dnubietha jinħafrulha.
Ukoll, mara fqira li kellha mada kerha iltaqgħet magħna jum wieħed. Tibki, niżlet għarkuptejha quddiem Ġaċinta u talbitha biex titlob lill-Madonna biex tfejjaqha. Ġaċinta ddejqet tara mara għarkuptejha quddiemha, u qbditha b’idejn jirtgħodu biex terfagħha. Iżda meta rat li ma felħitx tagħmel dan, hija, wkoll, niżlet għarkuptejha u qalet tlett Ave Marijiet mal-mara. Hija imbagħad talbitha tqum, u żguratha li l-Madonna kient se tfejjaqha. Wara dan, baqgħet titlob kuljum għal dik il-mara, sakemm hija reġgħet lura ftit taż-żmien wara biex tirringrazzja lill-Madonna għall-fejqan tagħha.
F’okkażżjoni oħra, kien hemm suldat li qabad jibki bħal tarbija. Kien ġie ordnat biex jitlaq għal front tal-gwerra, għalkemm il-mara tiegħu kienet marida fis-sodda u kellu tlett itfal żgħar. Hu talab li jew il-mara tiegħu tfieq jew li l-ordni jkun imneħħi. Ġaċinta stednitu biex jgħid ir-Rużarju magħha, imbagħad qaltlu:
“Tibkix. Il-Madonna hija tajba ħafna! Hija żgur taqlagħlek il-grazzji li qed titlob.”
Minn dak inhar il-quddiem, hija qatt ma nsiet lil dak is-suldat. Fl-aħħar tar-Rużarju, hija dejjem qalet Ave Marija waħda għalih. Ftit xhur wara, huwa tfaċċa flimkien ma’ martu u t-tlett itfal żgħar, biex jirringrazzja lill-Madonna għaż-żewġ grazzji li kien qalgħa. Billi kien qabdu d-deni lejlet li kellu jitlaq, huwa ġie eżentat mis-servizz militari, u għall-martu, hu qal li kienet imfejjqa mirakulużament mill-Madonna.
[1] tfal tal-ġirien li ommi kienet iżżommhomlhom fil-bitħa tagħna sakemm imorru jaħdmu fl-għelieqi