Il-fuq ħafna fiż-żurżieqa fil-Cova da Iria, jien kont qed nilgħab ma’ Ġaċinta u Franġisku billi nibnu ħajt żgħir tal-ġebel madwar qata’ ta’ gorsi. F’daqqa waħda rajna dak li deher li kienet leħħa ta’ berqa.
“Aħjar immorru d-dar”, jien għedt lil kuġini tiegħi. “Dak beraq; għandu mnejn ġejja xi tempesta.”
“iva, tassew!” huma wieġbu.
Aħna bdejna niżlin iż-żurżieqa, ngħaġġlu n-nagħaġ lejn it-triq.
Konna bejn wieħed u ieħor nofs triq fiż-żurżieqa, u kważi livell mas-siġra kbira tal-ballut li kienet hemm, meta erġgħajna rajna leħħa ta’ berqa oħra. Konna mxejna ftit passi biss iktar meta, hemmhekk quddiemna fuq siġra żgħira tal-ballut, aħna rajna Mara liebsa lbies kollu abjad. Kienet tiddi iktar mix-xemx, u kienet tarmi dawl iktar ċar u qawwi minn tazza tal-kristall mimlija l-ilma jleqq, meta ir-raġġi tax-xemx taħraq jiddi minn ġo fiha.
Aħna waqafna, mistgħaġbin, quddiem id-dehra. Aħna konna tant qrib, ftit piedi biss il-bogħod minnha, aħna konna ngħumu fid-dawl li kien idawwarha, jew aħjar, kien jiddi minnha.
Imbagħad il-Madonna kellmitna:
“Tibżgħux. M’jien se ngħamlilkom l-ebda ħsara.”
“Minn fejn int?”
“Jien mis-sema”.
“Xi trid minni?”
“Jien ġejt biex nitolbok tiġi għal sitt xhur wara xulxin, fit-13 il-jum fl-istess ħin. Iktar il-quddiem, ngħidlek min jien u x’irrid. Wara, nerġa’ niġi għas-seba’ darba. [Din “is-seba’ darba” tirreferi għas-16 ta’ Ġunju 1921, lejliet it-tluq ta’ Luċija lejn Vilar de Oporto. Din id-dehra li tissemma kellha messaġġ speċjali għal Luċija, li ma ħassitx il-bżonn li tirrakkuntaha hawnhekk.]
“Jien se mmur il-ġenna wkoll?’
“Iva inti se tmur.”
“U Ġaċinta?”
“Hija se tmur ukoll.”
“U Franġisku.”
“Huwa jmur hemm ukoll, iżda huwa għandu jitlob ħafna Rużarju.”
Imbagħad jien ftakart nistaqsi dwar żewġt ibniet li ma kienx ilhom li mietu. Huma kienu ħbieb tiegħi u kienu soltu jiġu d-dar tiegħi biex jitgħallmu jinsġu ma’ oħti l-kbira.
“Maria Das Neves qiegħda l-ġenna?”
“Iva, hemm hi.” (Naħseb li kellha xi 16 il-sena).
“U Amelia?”
“Hija se tibqa’ fil-purgatorju sa l-aħħar tad-dinja.” (Jidhirli li kellha bejn 18 u 20 sena)
“Lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u li ġġarbu t-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba bil-ħerqa għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, irridu.”
“Mela intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja t’Alla tkun il-faraġ tagħkom”, il-Madonna fetħet idejha għall-ewwel darba, u għaddietilna dawl tant qawwi li, kif għadda minn idejha, r-raġġi tiegħu daħlu ġo qalbna u l-iktar imkejjen profondi ta’ ruħna, li ġagħalna naraw lilna nfusna f’Alla, li kien dak id-dawl, iktar ċar milli naraw lilna nfusna fl-aqwa mirja. Imbagħad immexxijin minn tqanqil ġewwieni li kien ukoll mgħoddi lilna, aħna nżilna għarkuptejna, ntennu f’qalbna:
L-Iktar Imqaddsa Trinità, jien nadurak! Alla Tiegħi, Alla Tiegħi, nħobbok fis-Sagrament l-Iktar Qaddis!”
Wara ftit waqtiet, il-Madonna reġgħet tkellmet:
“Itolbu r-Rużarju kuljum, sabiex tiksbu l-paċi għad-dinja, u l-waqfien tal-gwerra.”
Imbagħad hi bdiet tiela’ bil-kalma, tiela’ l-fuq lejn il-lvant, sakemm ma baqgħetx tidher, fl-ispazju bla tarf. Id-dawl ta’ madwarha deher qisu jiftaħ triq quddiemha fis-sema, u għal din ir-raġuni aħna ġieli għedna li rajna s-sema jinfetaħ.
Naħseb li diġa kont fissirt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta, jew f’ittra, li l-biża’ li ħassejna ma kienx tassew biża’ mill-Madonna, iżda anzi biża’ mit-tempesta li aħna ħsibna li kienet ġejja, u kien minn din li fittixna li naħarbu. Id-dehriet tal-Madonna la nisslu biża’ u lanqas twerwir, iżda anzi stagħġib. Meta mistoqsija jekk ħassejtx biża’, u jiena għedt li kont bżajt, jien irreferejt għall-biża’ meta rajna l-leħħa ta’ berqa u ħsibt li kienet ġejja xi tempesta. Kien minn dan li aħna fittxejna li naħarbu, għax aħna konna mdorrijin naraw il-leħħ tal-beraq biss meta jriegħed. Barra minn hekk, il-leħħ tal-beraq ma kienx tassew beraq, iżda ir-raġġi riflessi ta’ dawl li kien qed joqrob. Kien għax rajna d-dawl, li xi drabi għedna li rajna l-Madonna ġejja, iżda, proprjament, aħna għarafna l-Madonna biss fid-dawl meta hi kienet diġà fuq is-siġra tal-ballut. Il-fatt li aħna ma konniex nafu kif infissru dan, u li xtaqna neħilsu mill-mistoqsijiet, ġagħluna xi drabi ngħidu li rajniha ġejja, u drabi oħra li ma rajnihiex. Meta għedna li rajniha ġejja konna qed nirreferu għad-dawl li kien riesaq li wara kollox kienet hi nnifisha. U meta għedna li ma rajnihiex ġejja, konna qed nirreferu għal fatt li aħna tassew rajna l-Madonna biss meta hi kienet fuq is-siġra tal-ballut.
Malli Ġaċinta, Franġisku u jien lestejna nitolbu r-Rużarju, ma’ numru ieħor ta’ nies li kienu hemm, aħ
na rajna għal darba oħra l-leħħa tirrifletti d-dawl li kien riesaq (li aħna sejjaħnielu beraq). Dlonk, il-Madonna kienet hemm fuq is-siġra tal-ballut, l-istess eżatt bħal f’Mejju.
“Xi trid minni?” staqsejt jien.
“Nixtieqek tiġi hawn fit-13 tax-xahar id-dieħel, li tilob ir-Rużarju kuljum, u li titgħallem taqra. Iktar il-quddiem, se ngħidlek xi rrid.”
Jien tlabt għall-fejqan ta’ persuna marida.
“Jekk jikkonverti, jfieq matul is-sena.”
“Nixtieq nitolbok biex teħodna l-ġenna.”
“Iva; Jien se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda inti għandek tibqa’ hawn xi żmien itwal. Ġesù jixtieq li jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb bla Tebgħa tiegħi.”
“Jien hawn se nibqa’ waħdi?” Jien srtaqsejt imnikkta.
“Le, binti. Qed tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt ma jien se nitilqek. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li se twasslek għand Alla.”
Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għat-tieni darba, hija għaddietilna r-raġġi ta’ dak l-istess dawl bla qies. Aħna rajna lilna nfusna f’dan id-dawl, bħallikieku, mgħaddsin f’Alla. Ġaċinta u Franġisku dehru li kienu f’dik il-parti tad-dawl li tela’ lejn is-sema, u jien f’dak li kien imxerred fuq id-dinja. Quddiem il-pala ta’ l-id il-leminija tal-Madonna kien hemm qalb imdawwra bix-xewk li kienu jinfduha. Aħna fhimna li din kienet il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, imweġġgħa ħafna bid-dnubiet tal-umanità, u tfittex tpattija. (Tpinġija minn Sr. Maria da Conceiçao OCD li turi d-dehra tar-13 ta’ Ġunju 1917)
Inti taf issa, Eċċellenza, għalxiex konna nirreferu meta, għedna li l-Madonna kienet irrivelatilna sigriet f’Ġunju. Dak iż-żmien, il-Madonna ma kenitx qaltilna biex inżommuh sigriet, iżda aħna ħassejna li għandna nagħmlu hekk minn Alla.
Ftit waqtiet wara li wasalna f’Cova da Iria, ħdejn il-balluta, fejn kien hemm għadd kbir ta’ nies jitolbu r-Rużarju, aħna rajna l-leħħa ta’ dawl għal darba oħra, u waqt wara l-Madonna dehret fuq il-balluta.
“Xi trid minni?” staqsejt jien.
“Irridek tiġi fit-13 tax-xahar id-dieħel, li tkompli titlob ir-Rużarju kuljum f’ġieħ il-Madonna tar-Rużarju, biex tikseb il-paċi għad-dinja u l-waqfien tal-gwerra, għax hi biss tista’ tgħinek.”
“Nixtieq nistaqsik tgħidilna min int, u li tagħmel miraklu biex kulħadd jemmen li inti tidhrilna.”
“Komplu ejjew hawn kull xahar. F’Ottubru, jien ngħidilkom min jien u x’irrid, u nwettaq miraklu li jarah kulħadd u jemmen.”
Jien imbagħad għamilt xi talbiet, iżda issa ma nistax niftakar x’kienu. Dak li niftakar hu li l-Madonna qalet li kien meħtieġ li nies bħal dawk jitolbu r-Rużarju sabiex jaqilgħu dawk il-grazzji matul is-sena. U hi ssuktat:
“Issagrifika lilek innifsek għall-midinbin, u għid ħafna drabi, speċjalment kull darba li tagħmel xi sagrifiċċju: O Ġesù, (dan) għall-imħabba tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmula kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għal darb oħra, kif kienet għamlet matul ix-xahrejn ta’ qabel. Ir-raġġi tad-dawl dehru jinfdu l-art, u aħna rajna qisu baħar ta’ nar. Mitfugħin f’dan in-nar kien hemm xjaten u erwieħ f’sura ta’ bnedmin, bħal ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom suwed jew kulur il-bronż maħruq, għaddejjin fil-wiċċ fil-ħuġġieġa, issa mgħollijin fl-arja bil-fjammi li kienu ħerġin minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan, issa jaqgħu lura fuq kull naħa bħal sufarelli fi ħġejjeġ kbar ħafna, mingħajr piż jew ekwilibriju, fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazzjoni, li werwruna u ġagħaluna nirtgħodu bil-biża. (Bilfors li kienet din id-dehra li ġegħlitni ngħajjat, kif in-nies qalu li semgħuni). Ix-xjaten setgħu jiġu magħrufin bix-xebħ li jimbuttak u tal-biża tagħhom ma’ annimali tal-biża’ u mhux magħrufin, suwed u trasparenti qishom faħam jaqbad. Imwerwrin u bħalikieku biex nitolbu l-għajnuna aħna ħarisna lejn il-Madonna, li qaltilna, b’tant ħlewwa u tant imnikkta:
“Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erewieħ tal-midinbin imsejkna. Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi. Jekk isir dak li ngħidilkom jien, ikunu salvati ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi. Il-gwerra se tieqaf; iżda jekk in-nies ma jiqfux joffendu ‘l Alla, waħda għar se tinqala’ matul il-pontifikat ta’ Piju XII. Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal mgħoti lilkom minn Alla li jkun se jikkastiga d-dinja għad-delitti tagħha, permezz ta’ gwerra, u persekuzzjoinijiet tal-Knisja u tal-Papa.
“Biex inħariskom minn dan, jien se niġi u nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u t-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Jekk it-talbiet tiegħi jiġu milqugħin ir-Russja għad tikkonverti, u jkun hemm il-paċi, jekk le, hija għad tifrex l-iżbalji tagħha mad-dinja, iġġiegħel li jsiru gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja. It-tajbin imutu martri, il-Papa għad ibati ħafna, ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn. Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi għad toħroġ rebbieħa. Il-Papa għad jikkonsagra r-Russja lili, u hi għad tikkonverti u jkun mgħoti lid-dinja żmien ta’ paċi. Fil-Portugall, id-domma tal-Fidi tibqa’ dejjem imħarsa; eċċ … Dan tgħiduh lil ħadd. Lil Franġisku, iva, tistgħu tgħidulu.
“Meta titolbu r-Rużarju, għidu wara kull misteru: O Ġesù tiegħi, aħfrilna, eħlisna min-nar tal-infern. Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.”
Wara dan, kien hemm waqt ta’ skiet, imbagħad jien staqsejt:
“Trid xi ħaġa oħra minni?”
“Le, ma rrid xejn iktar minnek illum.”
Imbagħad, bħal qabel il-Madonna bdiet tiela’ lejn il-lvant, sakemm fl-aħħar ma baqgħetx tidher.
Kif diġà għidt dak li ġara f’dan il-jum, jien m’hinix se ndum fuqha hawnhekk, iżda se ngħaddi għad-Dehra li, fl-opinjoni tiegħi, ġrat fil-15 fil-għaxija. [Luċija hija żbaljata li taħseb li d-Dehra seħħet fl-istess jum li fih ġew lura mill-ħabs f’Villa Nova de Ourem. Dan mhux korrett. Id-Dehra seħħet il-Ħadd ta’ wara, 19 ta’ Awissu.] Billi dak iż-żmien kont għadni ma nafx nikkalkula il-jiem tax-xahar, jista’ jkun li għandi żball. Iżda jien għadni bl-idea li dan ġara fl-istess jum meta wasalna lura minn Villa Nova de Ourem.
Kont akkompanjata minn Franġisku u ħuh Ġanni. Konna nirgħu in-nagħaġ f’post jgħidulu Valinhos, meta ħassejna xi ħaġa sopranaturali riesqa u tagħlaqna. Billi ħsibna li l-Madonna kienet se tidhrilna, u ħassejna sogħba jekk Ġaċinta setgħet titlef milli taraha, aħna tlabna lil ħuha Ġanni biex imur jgħidilha tiġi. Billi hu ma riedx imur, jien offrejtlu żewġ muniti żgħar, u telaq jiġri.Sadattant, Franġisku u jien rajna l-leħħa tad-dawl, li aħna sejjaħnielu beraq. Ġaċinta waslet, u waqt wara, rajna l-Madonna fuq is-siġra tal-ballut.
“Xi trid minni?”
“Irridek li tibqa’ tmur fil-Cova da Iria fit-13, u li tkompli titlob ir-Rużarju kuljum. Fl-aħħar xahar, jien se nwettaq miraklu sabiex kulħadd ikun jista’ jemmen.”
“Xi trid li jsir bil-flus li n-nies iħallu fil-Cova da Iria?”
“Ġiegħel li jsiru żewġ kataletti …. Wieħed għandu jinġarr minnek, Ġaċinta u żewġt ibniet oħra lebsin l-abjad; l-ieħor għandu jinġarr minn Franġisku u tlett itfal subien oħra. Il-flus mill-kataletti huma għall-“festa” tal-Madonna tar-Rużarju, u dak li jibqa’ għad jgħin għall-bini ta’ kappella li għandha tinbena hawnhekk.”
“Nixtieqek tfejjaq xi persuni morda.”
“Iva se nfejjaqhom matul is-sena.”
Imbaghad b’bixra mnikkta ħafna, il-Madonna qalet:
“Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern, għax m’hemm ħadd biex jissagrifikaw ruħhom u jitolbu għalihom.”
U hi bdiet tiela’ lejn il-lvant.
Kif qorob il-ħin, jien tlaqt ma’ Ġaċinta u Franġisku, iżda minħabba l-folol madwarna aħna stajna nersqu l-quddiem bi tbatija. It-toroq kienu mimlijin bin-nies, u kulħadd ried jarana u jkellimna. Ma kien hemm l-ebda rispett uman. Nies bla ebda pretensjoni, u wkoll nisa u rġiel ta’ klassi għolja, tħabtu biex joforqu l-folla li kienet timbotta madwarna. Bilkemm laħqu waslu ħdejna, li mitfugħin għarkuptejhom quddiemna, bdew jittalbulna biex inqiegħdu t-talbiet tagħhom quddiem il-Madonna. Oħrajn li ma setgħux jaslu qrib tagħna bdew jgħajjtu mill-bogħod.
“Għall-imħabba t’Alla, itolbu lill-Madonna biex tfejjaq lil ibni li hu zopp!” wkoll ieħor għajjat: “u li tfejjaq lil tiegħi li hu għama! … Li ttini lura saħħti billi għandi t-tuberkolosi!” u l-bqija.
IL-miżerji kollha tal-umanità kienu miġbura hemmhekk. Xi wħud ixxabbtu fil-quċċata tas-siġar u ħitan biex jarawna għaddejjin, u għajjtulna. Lil xi wħud ngħidulhom iva, nwieżnu lil xi oħrajn biex ngħinuhom iqumu mill-art kollha trab, irnexxielna nimxu ‘l quddiem, bis-saħħa ta’ xi rġiel li għaddew quddiemna u fetħulna trejqa qalb il-folla.
Issa, meta naqra fit-Testment il-Ġdid dwar dawk ix-xeni li jsaħħruk tal-Mulej tagħna għaddej fil-Palestina, naħseb f’dawk li l-Mulej tagħna ħallieni nkun xhud għalihom, meta kont għadni biss tifla, fuq it-toroq u sqaqien fqar minn Aljustrel sa Fatima u sa Cova da Iria! Niżżi ħajr lil Alla, billi noffrilu l-fidi tan-nies tajba Portugiżi u jien naħseb: “Jekk dawn in-nies tant umiljaw ruħhom quddiem tlett itfal fqar, għax biss huma ndenjament kienu mgħotija l-grazzja li jitkellmu ma’ Omm Alla, x’ma kienux jagħmlu li kieku raw lil Mulej tagħna fil-persuna quddiemhom?”
Sewwa, xejn minn dan ma kien meħtieġ hawnhekk! Kien ġiri tal-pinna tiegħi, tmexxini l-bogħod fejn ma kellix f’moħħi li mmur.
Iżda, tagħtix każ! Din hi biss digressjoni oħra bla siwi. M’inhix se naqtagħha, biex ma ngħarraqx il-pitazz.
Fl-aħħar, aħna wasalna f’Cova da Iria, u malli wasalna ħdejn il-balluta bdejna ngħidu r-Rużarju man-nies. Ftit wara, aħna rajna l-leħħa tad-dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.
“Ibqgħu għidu r-Rużarju sabiex tiksbu t-tmiem tal-gwerra. F’Ottubru l-Mulej tagħna se jiġi, kif ukoll il-Madonna tad-Duluri u l-Madonna tal-Karmelu. Jidher San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu biex ibierek id-dinja. Lil Alla jgħoġbuh is-sagrifiċċji tagħkom. Huwa ma jridkomx torqdu bil-ħabel imdawwar magħkom, iżda li tilbsuh biss matul il-jum.”
“Qaluli nitolbok ħafna ħwejjeġ, il-fejqan ta’ xi nies morda, ta’ trux mutu … .”
“Iva, jien se nfejjaq xi wħud, iżda mhux oħrajn. F’Ottubru jien se nwettaq miraklu biex kulħadd ikun jista’ jemmen.”
Imbagħad il-Madonna bdiet tiela’ bħas-soltu, u ma baqgħetx tidher.
Aħna tlaqna mid-dar kmieni, nistennew li nkunu miżmumin matul it-triq. Ġemgħat ta’ nies imlew it-toroq. Ix-xita kienet nieżla bi qliel. Ommi, qalbha mtertqa bl-inċertezza dwar dak li kien se jiġri, u mbeżża’ li dan se jkun l-aħħar jum ta’ ħajti, riedet tiġi miegħi.
Fit-triq, xi xeni tax-xahar ta’ qabel, anzi iktar kotrana u li jqanqluk, kienu mtennija. Lanqas it-toroq imtajjna ma setgħu jżommu lil dawn in-nies milli jinżlu għarkuptejhom bl-iktar attitudni ta’ umiltà u ta’ talb ħerqan. Aħna wasalna ħdejn il-balluta fil-Cova da Iria. Kif konna hemm, immexxijin minn tqanqil ġewwieni, jien tlabt lin-nies biex jgħalqu l-umbrellel tagħhom u jgħidu r-Rużarju. Ftit wara, rajna l-leħħa ta’ dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.
“Xi trid minni?”
“Irrid ngħidlek li għandha tinbena kappella f’ġieħi. Jiena s-Sinjura tar-Rużarju. Ibqgħu dejjem għidu r-Rużarju kuljum. Il-gwerra se tieqaf, u s-suldati dalwaqt jerġgħu lura lejn djarhom.
“Għandi ħafna ħwejjeġ x’nitolbok: il-fejqan ta’ xi nies morda, il-konverżjoni ta’ midinbin, u ħwejjeġ oħra …”
“Xi wħud, iva, iżda oħrajn le. Huma għandhom isewwu ħajjithom u jitolbu l-maħfra ta’ dnubiethom.”
B’ħarsitha mnikkta ħafna, l-Madonna qalet:
“La toffendux iktar lill-Mulej Alla tagħna, għax Hu diġa offiż ħafna.”
Imbagħad, tiftaħ idejha, hija għamlithom jirriflettu fuq ix-xemx, u waqt li telgħet, ir-rifless tad-dawl tagħha nnfisha issokta jkun proġettat fuq ix-xemx infisha.
Hawn, Eċċellenza, hija r-raġuni għaliex jien għajjatt lin-nies biex iħarsu lejn ix-xemx. L-għan tiegħi ma kienx li niġbdilhom l-attenzjoni għax-xemx, għax jien lanqas kont naf li qegħdin hemm; jien kont immexxija nagħmel hekk taħt il-ħarsien ta’ tqanqil ġewwieni.
Wara li l-Madonna kienet għebet fil-bogħod bla qies tas-sema, aħna rajna lil San Ġużepp bit-Tfajjel Ġesù u lill-Madonna liebsa l-abjad b’mantel blu, ħdejn ix-xemx. San Ġużepp u t-Tfajjel Ġesù dehru jbierku lid-dinja għax huma għamlu s-Sinjal tas-Salib, b’idejhom. Meta, wara ftit, id-dehra ma baqgħetx tidher, rajt lil Mulej tagħna u lill-Madonna: dehrli li kienet il-Madonna tad-Duluri. Il-Mulej tagħna deher ibierek id-dinja bl-istess mod kif kien għamel San Ġużepp. Din id-dehra għebet ukoll, u jien rajt lill-Madonna għal darb oħra, din id-darba tixbah lill-Madonna tal-Karmelu.
Il- faċċata ta’ quddiem ta’ O Século tal-15 ta’ Ottubru 1917,
ixxandar l-aħbar tal-“Miraklu tax-xemx” mal-pajjiż
It-tlett ragħajja fil-post tad-dehriet.
It-tlett itfal quddiem l-arkata
li ttellgħet fuq il-post tad-dehriet
(Ottubru 1917)
l-ewwel Kappella tad-Dehriet, mibnija fl-1918