Mill-Omelija tal-Kardinal Saraiva Martins (Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin (13 ta’ Mejju 2003)
L-Evanġelju (Ġw.19,26-27) jistedinna nimmeditaw fuq il-misteru tal-maternità tal-Verġni Omm Alla u Ommna, li lilha Ġesù msallab qal: “Mara, hawn hu ibnek” u mbagħad idur lejn id-dixxiplu l-maħbub li jirrapreżenta lilna lkoll, żied: “Iben, hemm hi ommok”.
Minn dak il-ħin taħt is-salib, “id-dixxiplu ħadha d-dar tiegħu” (Ġw.19,27), fi kliem ieħor hu laqgħha bħala tiegħu f’isimna lkoll. Marija, il-“mara” per eċċellenza, Eva l-ġdida, hija l-Omm tar-Ras, li hi ġabet fil-ġuf verġinali tagħha, saret ukoll, minn dak il-ħin tat-tislib, bir-rieda u bis-saħħa tat-testment spiritwali u l-merti tal-Feddej, l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu, l-Omm tal-Knisja, u l-Omm l-iktar li tħobb tal-mifdijin kollha.
Din il-maternità spiritwali ġdida u mistika ta’ Marija hija r-rifless u l-estensjoni tal-maternità divina li għollietha l-fuq mill-ħlejjaq kollha.
Marija qatt ma titlaqna. Hija tissokta, għalina, l-missjoni tagħha li tidħol għalina quddiem Alla u, bl-eżempju tagħha, bi kliemha, bit-turija ta’ tjubitha, titlobna bħalma għamlet f’Kana, “Għamlu kull ma jgħidilkom hu (Ġesù Kristu, ibni)” (Ġw.2,5).
Id-dehriet u l-Appelli tal-Madonna ġewwa Fatima (86 sena ilu) huma eku, sinjal, u estensjoni tat-tħassib matern ta’ Dik li, fix-xewqa tagħha għall-fidwa sħiħa ta’ l-ulied fdati mill-Imsallab lill-qalb materna tagħha, iħeġġuna biex nisimgħu u nimxu wara Ġesu.
Is-sejħiet magħmula mill-Verġni, lil u permezz tar-Ragħajja Żgħar, għall-fidi, għat-talb, għall-penitenza, biex nisimgħu u nimxu wara, li nħobbu u li nagħmlu tpattija lil Alla l-Mulej tagħna, huma espressjonijiet ta’ l-istess tħassib matern li hi wriet matul ħajjitha fuq l-art, f’Nazaret, f’Kana, fuq il-Kalvarju u fil-Kamra ta’ Fuq f’jum il-Pentekoste, meta Marija kienet hemm flimkien mall-Knisja fil-fidi u fit-talb. Il-Messaġġ ta' Fatima fih sejħiet li bilkemm jistgħu jkunu iktar addattati għal żminijietna. Jien se niġbdilkom l-attenzjoni għal erbgħa minnhom:
Ø is-sejħa għall-fidi li hi mgħixa u li tingħata xhieda għaliha;
Ø is-sejħa għall-konverżjoni;
Ø is-sejħa għall-paċi, u
Ø is-sejħa għat-tama.
L-ewwel waħda hija sejħa mtennija għall-fidi li tiddi, qawwija u tittieħed tat-tlett ragħajja: fidi mgħixa fil-fond iżda murija bl-iktar mod sempliċi. Is-soċjetà tal-lum hi mimlija b’movimenti kulturali bla għadd u kurrenti ta’ ħsieb li qed jipperikulaw l-istess sisien tal-ħajja nisranija. Is-sekularizzazzjoni bla rażan li qed dejjem jikber jikkonvinċi lil ħafna biex jaħsbu u jġibu ruħhom daqs li kieku Alla ma jeżistix, jew li jikkuntentaw rwieħhom b’reliġjożità vaga, li mhix kapaċi tissara mal-problema tas-sewwa u l-ħtieġa ta’ konsistenza.
Dan kollu jwassal għaż-żieda fit-tidnis dejjem iżjed tas-sens ta’ traxxendenza tal-eżistenza tal-bniedem, relativiżmu etiku mferrex, u jintilef bil-mod il-mod is-sens ta’ dnub, li diġà kien ikkundannat minn Piju XII: “id-dnub ta’ dan is-seklu huwa t-telfien tas-sens tad-dnub”.
Qalb l-imgħammdin li jistqarru li huma nsara wkoll wieħed jara apatija kbira, nuqqas ta’ koerenza u armonija bejn il-fidi u l-ħajja tagħhom minn jum għal ieħor, nuqqas ta’ fedeltà għal valuri u prinċipji li għandhom jiggwidaw u jmexxu ħajjithom. B’riferenza għal din l-inkonsistenza, dan il-vojt bejn il-fidi u l-prattika, il-Konċilju Vatikan II sejjaħlu “wieħed mill-iktar żbalji serji ta’ żmienna huwa l-firda bejn il-fidi li ħafna jistqarru u l-prattika tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum”. Huwa dan il-kuntest ta’ sekularizzazzjoni u ndifferenza reliġjuża li għaliha tappartjeni s-sejħa tal-Omm ta’ Alla biex ngħixu b’mod sħiħ u b’fervur imġedded l-għotja mprezzabbli tal-fidi miksuba fil-mgħamudija, sabiex hija tippenetra u tiddomina l-eżistenza sħiħa tagħna u tmexxi l-għażliet fundamentali kollha ta’ ħajjitna, b’hekk tagħmilna xhieda ta’ min jafdahom tal-imħabba t’Alla fost il-bnedmin. Kif ġibdilna l-attenzjoni Pawlu VI: “il-bnedmin ta’ żmienna iktar jimpressjonaw irwieħhom bix-xhieda milli bl-imgħallmin, u jekk jisimgħu lil dawn huwa għax huma jagħti xhieda wkoll”. ‘L-għemil jgħajjat iktar mill-kliem’, ngħidu aħna. L-irġiel u n-nisa tal-lum ma jafdawx il-kliem. Huma jfittxu l-għemil. U huwa għal dir-raġuni li huma jħarsu b’interess, b’attenzjoni u wkoll b’ammirazzjoni lejn dawk li jagħtu xhieda konvinċenti.
Il-lingwa tax-xhieda hija iktar konvinċenti u tiftiehem mill-irġiel u n-nisa tal-lum. Iżda xhieda bħal din tinħtieġ fedeltà assoluta għall-valuri umani profondi li jinsabu ngastati fl-istruttura soċjali kulturali tas-soċjeta Portugiża. Hija titlob rispett għal persuna umana, li għandha valur fiha nfisha u mhux minħabba dak li għandha; rispett għad-dinjità traxxendenti tiegħu u tagħha u għad-drittijiet fundamentali; iċ-ċaħda ta’ dak ir-relativiżmu etiku li “jisraq lis-soċjetà ċivili mill-punti żguri ta’ riferenza kollha, u ċċaħadha għalkollox mill-aċċettazzjoni tal-verità”; hija sejħa għad-difiża tal-familja bħala soċjetà naturali li għandha l-għeruq tagħha fiż-żwieġ; l-aċċettazzjoni, u r-rispett tal-ħajja umana mill-mument tat-tnissil sa dak tat-tmiem naturali tagħha. In-nisrani jaf sewwa li, fid-dawl tal-fidi il-“le” tal-Knisja għall-abort (…) huwa ‘iva’ għall-ħajja, ‘iva’ għat-tjubija oriġinali tal-ħolqien (…), ‘iva’ għall-familja, iċ-ċellula ewlenija tat-tama li fiha Alla jkollu għaxqa, jistedinha biex issir ‘knisja domestika’.
L-insara għandhom isibu s-saħħa li jeħtieġu biex jagħtu xhieda kuraġġuża għall-Vanġelu u l-valuri tiegħu b’ħajja interjuri profonda, imħabba intensa għal Kristu li għalih għandhom jiftħu qalbhom beraħ, fil-grazzja tas-sagramenti, speċjalment f’dak tar-Rikonċiljazzjoni u tal-Ewkaristija u, fl-aħħarnett, fit-talba li tant hi rikmandata bil-ħerqa ġewwa Fatima mill-Anġlu u mill-Madonna li, fir-raba’ dehra, ħeġġet lit-tfal biex: “Itolbu, itolbu ħafna”.
Din is-sejħa għall-fidi li tinsab fil-Messaġġ ta’ Fatima tgħodd ħafna għal żmienna, meta l-globalizzazzjoni u għaqda dejjem tiżdied bejn il-pajjiżi, bħalma qed jiġri bħalissa fl-Ewropa, qed iġibuna f’kuntatt ma’, u jġegħluna ngħixu ma’ stili u valuri ta’ ħajja mhux dejjem jaqblu ma’ dawk tal-Vanġelu. Illum, iktar minn qatt qabel huwa meħtieġ pedament sod u xhieda tassew għall-fidi. Għalhekk jixraq li ntenni, hawn u issa, s-sejħa urġenti magħmula ftit tal-jiem ilu mill-Papa f’Madrid: “Ewropa, erġa’ sib lilek innifsek; kun dak li int …. Saħħaħ l-għeruq tiegħek”. L-għeruq li qed jitkellem minnhom huma dawk profondament insara.
It-tieni sejħa tal-Madonna hija s-sejħa għall-konverżjoni, għall-penitenza. Matul l-ewwel dehra, Hija staqsiet lit-tlett ragħajja jekk ridux joffru lilhom infushom lil Alla u biex jistabru bit-tbatijiet li Alla jibagħtilhom “bi tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin”.
Li tikkonverti lejn Alla huwa li ddur lejh, tersaq qrib il-Qdusija tiegħu u, bħall-iben il-ħali, terġa’ tintefa’ fi ħdan il-Missier; huwa li terġa’ tikseb l-hena mitluf, il-ferħ li tkun mifdi, xi ħaġa li ħafna nies ta’ żmienna ma jafux x’inhu. Li tikkonverti huwa li tkun bħal Samwel u żżomm attitudni ta’ smigħ b’imħabba għal Alla: “Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’” u Alla jkellimna mhux biss permezz tal-Bibbja u permezz tal-Knisja, iżda wkoll permezz tal-ġrajjiet, permezz tal-ħafna episodji varji, kemm kbar kif ukoll żgħar, li jagħġġnu ħajjitna. Jiddependi minna biex nagħarfu, jew le, il-vuċi tal-Mulej f’dan kollu. Dan hu kif Alla dejjem ħadem, miż-żmien tat-Testment il-Qadim. Huwa jirrevela lilu nnifsu u jmexxi l-Poplu tiegħu permezz tal-ġrajjiet li Hu nnifsu bagħtilna għal dan il-għan.
Iżda aħna ma nistgħux nisimgħu l-leħen ta’ Alla jekk mhux, Fih, u fid-dawl tal-Vanġelu. Aħna nisimgħu wkoll il-leħen ta’ ħutna rġiel u nisa, il-karba ta-fqar u l-emarġinati, t-tnehid tal-maħqurin, il-biki ta’ dawk li huma morda u b’qalbhom maqtugħa, hekk li dawn kollha jidwu fi qlubna u jqanqlu tweġibiet xierqa f’dak li nagħmlu. Ifisser li tħoss lilek innifsek f’solidarjetà tassew ma’ dawn in-nies kollha u li taqsam fit-tħassib materjali u spiritwali tagħhom.
Ħadd, per eżempju, ma jista’ jibqa’ ndifferenti għad-drama tal-ġuħ u tal-faqar estrem li qegħdin fih miljuni ta’ rġiel u nisa fi żmien meta l-umanità għandha l-abilità, iktar minn qatt qabel, li tiżgura t-tqassim tassew ġust tar-riżorsi. Mhux aċċettabbli li, kif jgħidulna osservaturi kompetenti tal-ekonomija dinjija, 80% tal-popolazzjoni tal-pjaneta jgħixu biss b’20% tar-riżorsi tagħha u li biljun u mitejn miljun irġiel, nisa u tfal huma mġagħlin “jgħixu” b’inqas minn Euro kuljum.
Mhux inqas importanti u mhux inqas relevanti fi żmienna hija s-sejħa tal-Madonna għall-paċi. Hija ħeġġet lir-Ragħajja ż-Żgħar biex jitolbu “sabiex niksbu l-paċi għad-dinja u t-tmiem tal-gwerra”, u Hija wegħdithom li jekk nagħtu każ tat-talbiet tagħha, ikun hemm il-paċi. ……
Fl-aħħarnett, hawnhekk ġewwa Fatima, l-Omm ta’ Alla sejħet għat-tama…. li d-dinja li fiha ngħixu ssir ġurnata waħda “verament u tassew mibdula f’dinja li fiha l-aqwa aspirazzjonijiet tal-qalb tal-bniedem jistgħu jkunu sodisfatti” (Messaġġ għall-Jum Dinji għall-Paċi 2002, n.1) …. li huwa l-Vanġelu tal-Magnificat, il-Vanġelu ta’ Marija, l-Vanġelu tas-sinjura l-Bajda ta’ Fatima, spes nostra, it-tama tagħna u t-tama tad-dinja.