Il-Messaġġ ta’ Fatima huwa skola spiritwali għas-salvazzjoni u tpattija għal dnubietna u għad-dnubiet ta’ oħrajn. Fl-essenza tiegħu huwa kien ippreżentat mill-Anġlu tal-Paċi, u żviluppat fil-profondità kollha tiegħu mill-Madonna u pprattikat b’mod erojku mit-tlett rgħajja żgħar. Tnejn minn dawn it-tfal, Franġisku u Ġaċinta kienu ddikjarati Beati, fit-13 ta’ Mejju 2000.
Illum dan it-tagħlim sublimi huwa mgħix minn ħafna erwieħ li jfittxu li jilħqu l-istess għan - jiġifieri l-Ġenna. L-elementi tal-Messaġġ huma : -
Ø Konsagrazzjoni u tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija
Ø Talb kontinwu - reċita kuljum tar-Rużarju.
Ø Sagrifiċċju - partikularment il-qadi sewwa tad-dmirijiet ta’ kuljum.
It-talb mgħallem mill-Anġlu u mill-Madonna ġewwa Fatima, kif ukoll il-Konsagrazzjoni, jgħinu lil kull ruħ tgħix u tidħol fl-ispirtu ta’ tpattija.
Il-kliem li l-Madonna qalet lit-tfal ma qalitulhomx għalihom biss, iżda għalina wkoll. Għalkemm għaddew ħafna snin minn meta intqalu l-ewwel darba, huma jkomplu jkunu għajn dejjiema ta’ tagħlim spiritwali sod.
Il-messaġġ ta’ Fatima huwa stedina biex noffru kontinwament lil Alla: -
Þ talb,
Þ sagrifiċċji, u
Þ qima lejn l-Ewkaristija.
jistieden lill-midinbin biex: -
- ma jibqgħux joffendu ’l Alla,
- ifittxu l-maħfra għall-dnubiethom, u
- jirranġaw ħajjithom, kif għamel l-iben il-ħali tal-Vanġelu;
jistieden lit-tajbin biex: -
- jitolbu ħafna, u
jagħmlu sagrifiċċji għall-midinbin sabiex huma ma jmorrux isoffru d-dannazzjoni eterna fl-infern.
Kulħadd huwa mitlub mill-Madonna biex: -
1. jgħid ir-Rużarju, kuljum,
2. jkollu devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tagħha,
3. Jitqarben bi Tpattija għall-Qalb Bla Tebgħa tagħha fl-Ewwel Sibt tax-Xahar.
Il-Kliem stess ta’ l-Omm Qaddisa tagħna jassigurawna l-paċi u l-ferħ għad-dinja kollha, jekk in-nies jagħmlu dak li talbet il-Madonna, meta dehret ġewwa Fatima fl-1917.