Ir-Rużarju ilu jintalab sa mis-seklu tlettax. Waqt li timmedita fuq il-ħajja ta’ Ġesù, tirreċita it-talb li jressqek lejH u lejn Ommu Marija.
_____________________________________________________________________________________________________
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.
Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u l-art;
u f’Ġesú Kristu, Ibnu wieħed Sidna;
li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu,
twieled minn Marija Verġni;
bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilat,
sallbuh, miet u difnuh;
niżel il-Limbu,
mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet;
tela’ fis-smewwiet,
qiegħed in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier, li jista’ kollox;
minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu;
l-Knisja Mqaddsa Kattolika,
x-Xirka tal-Qaddisin;
il-maħfra tad-dnubiet;
il-qawma ta’ l-imwiet;
il-ħajja ta’ dejjem.
Ammen
“Missierna” waħda (1)
“Sliema Għalik Marija” tlieta (3) (għal virtujiet tal-Fidi, t-Tama u l-Imħabba,
“Glorja” waħda (1)
1 - Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.
3 - Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija. Il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina, midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen
1 - Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu.Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa' għal dejjem ta' dejjem. Ammen.
________________________________________________________________
“Missierna” waħda (1)
“Sliema Għalik Marija” għaxra (10)
“Glorja” waħda (1)
O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna eħlisna min-nar ta’ l-infern, ħu l-ġenna l-erwieħ kollha, speċjalment lil dawk li l-aktar għandhom bżonn tal-ħniena Tiegħek.
________________________________________________________________
Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik. Lilek ingħajjtu, għaliex aħna tturufnati, ulied Eva; lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ. Ejja, mela, avukata tagħna, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena; u wrina, wara dan it-turufnament, lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek. O Ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. Ammen.
Itlob għalina qaddisa Omm Alla.
Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.
IL-MISTERI TAL-FERĦ:
(Jingħadu nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt
jistgħu jingħadu fil-Ħdud ta’ żmien l-Avvent u l-Milied)
1. It-Tħabbira
–Meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha tkun Omm Alla
2. Iż-Żjara
–Meta Sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta.
3. Il-Milied
–Meta Sidna Ġesù Kristu twieled fil-Għar ta’ Betlehem.
4. Il-Preżentazzjoni fit-tempju
–Meta Sidtna Marija ppreżentat lil Binha Ġesù fit-Tempju.
5. Ġesù misjub fit-tempju
–Meta Sidtna Marija tilfet lil Binha Ġesu u wara tlett ijiem sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi.
IL-MISTERI TAD-DAWL:
(Jingħadu nhar ta’ Ħamis)
1. Il-Magħmudija fil-Ġordan
–Meta Sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-xmara Ġordan.
2. Il-Festa tat-Tieġ ta’ Kana
–Meta Sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.
3. It-Tħabbira tas-Saltna t’Alla
–Meta Sidna Ġesù Kristu ħabbar is-Saltna t’Alla u sejjaħ għall-indiema.
4. It-Trasfigurazzjoni
–Meta Sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor.
5. It-Twaqqif tal-Ewkaristija
–Meta Sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-Misteru tal-Għid.
IL-MISTERI TAT-TBATIJA:
(Jingħadu nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Ġimgħa
jistgħu jingħadu fil-Ħdud tar-Randan)
1. L-Aunija fil-Ġnien
–Meta Sidna Ġesù Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort tal-Ġetsemani u għereq l-għaraq tad-demm.
2. Il-Flaġellazzjoni mal-Kolonna
–Meta Sidna Ġesù Kristu kien marbut mal-kolonna u fflaġellawh.
3. L-Inkurunazzjoni bix-Xewk
–Meta Sidna Ġesù Kristu kien inkurunat bix-xewk.
4. Il-Ġarr tas-Salib
–Meta Sidna Ġesù Kristu kien imgħobbi bis-salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju.
5. It-Tislib
–Meta Sidna Ġesù Kristu kien mislub fuq is-salib u wara tliet sigħat ta’ l-agunija miet.
IL-MISTERI TAL-GLORJA:
(Jingħadu nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd)
1. Il-Qawmien mill-Mewt
–Meta Sidna Ġesù Kristu qam minn bejn l-imwiet.
2. It-Tlugħ is-Sema
–Meta Sidna Ġesù Kristu tela’ s-sema.
3. L-Inżul tal-Ispirtu s-Santu
–Meta Sidna Ġesù Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.
4. L-Assunzjoni
–Meta Sidtna Marija ġiet imtella’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem.
5. L-Inkurunazzjoni tal-Madonna Sultana tas-Sema
–Meta Sidtna Marija ġiet inkurunata mit Trinità Qaddisa.
hawnhekk jistgħu jingħadu: “Missierna”, “Sliema Għalik Marija”, u “Glorja”.
Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ammen.