Mal-wasla tiegħu fis-Santwarju ta’ Fatima, fit-12 ta’ Mejju 2010 fil-għaxija, il-Papa Benedittu XVI kien milqugħ minn eluf ta’ pellegrini minn kull naħa tad-dinja. Ulied Fatima stennewh fil-Kappella ċ-ċkejkna tad-Dehriet. Il-Papa qiegħed warda tad-deheb f’riġlejn l-istatwa tal-Madonna; imbagħad talab lill-Madonna:
Benedittu XVI – Fatima, 12 ta’ Mejju 2010
Madonna, Omm l-irġiel u n-nisa kollha, jien ġejt quddiemek bħala iben li jżur lil Ommu, u qed nagħmel
hekk flimkien ma’ għadd kbir ta’ aħwa subien u bniet.
Bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, li lilu hi afdata l-missjoni li jippresiedi fis-servizz ta’ mħabba fil-Knisja ta’ Kristu u li jwettaq lil kulħadd fil-fidi u fit-tama, nixtieq noffri lill-Qalb Bla Tebgħa tiegħek il-ferħat u t-tamiet kif ukoll it-taħbit u t-tbatijiet ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-ulied subien u bniet tiegħek li huma miġburin fil- Cova da Iria jew qegħdin jitobu magħna mill-bogħod.
Omm l-iktar twajba, inti taf lil kull wieħed b’ismu, inti taf il-wiċċ u il-ġrajja personali ta’ kull wieħed, u inti tħobbhom ilkoll b’imħabba ta’ omm li tfawwar mill-istess qalb tal-Imħabba Divina.
Jiena nafdahom u nikkonsagrahom ilkoll lilek, Marija l-Iktar Qaddisa, Omm Alla u Ommna.
Il-Venerabbli Papa Ġwanni Pawlu II, li ġie jżurek tlett darbiet hawn ġewwa Fatima u radd ħajr lill-“id moħbija” li ħelsitu mill-mewt fl-attentat ta’ qtil fit-13 ta’ Mejju fi Pjazza San Pietru kważi tletin sena ilu, ried joffri lis-Santwarju il-balla li ferietu gravament u li ġiet imqiegħda fil-kuruna tas-Sultana tas-Sliem.
Hu ta’ faraġ kbir li nafu li inti inkurunata mhux biss bil-fidda u d-deheb tal-ferħat u t-tamiet tagħna, iżda wkoll bil-“balla” tal-beżgħat u t-tbatijiet tagħna.
Niżżik ħajr, Omm maħbuba, għat-talb u s-sagrifiċċji li r-Ragħajja-tfal ta’ Fatima offrew għall-Papa, imqanqlin mis-senimenti li inti nebbaħt fihom fid-dehriet.
Niżżi ħajr ukoll lil dawk kollha li, kull jum, jitolbu għas-Suċċessur ta’ Pietru u għall-intenzjonijiet tiegħu, sabiex il-Papa jżomm sħiħ fil-fidi, qawwi fit-tama u mħeġġeġ fl-imħabba.
Omm maħbuba tagħna lkoll, hawn fis-Santwarju tiegħek ta’ Fatima jien noffrilek il-Warda tad-Deheb li jien ġibt miegħi minn Ruma bħala att ta’ qima u gratitudni mingħand il-Papa għal għeġubijiet li s-Setgħani għamel permezz tiegħek fil-qlub ta’ tant nies li jiġu bħala pellegrini lejn din id-dar tiegħek ta’ omm.
Jiena żgur li r-ragħajja–tfal ta’ Fatima, l-Beati Franġisku u Ġaċinta u l-qaddejja ta’ Alla Luċija ta’ Ġesù, jinsabu magħqudin magħna f’din is-siegħa ta’ talb u ferħ kbir.