Minn “Bulletin of the Little Shepherds” January - March 2004”
Issa wara ħafna żmien, fil-bidu ta’ seklu ġdid, nistgħu nifhmu sewwa l-kobor, il-fond u s-siwi ta’ dan il-messaġġ tad-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima fl-1917.
Storiku ingliż G.J. Hobsbawn, iddefinixxa s-seklu 20 bħala s-“seklu qasir”. Huwa jibdih bl-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914 u jispiċċa fl-1989 bil-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin. U dan huwa l-perijodu ta’ żmien miġbur b’mod speċjali bil-messaġġ ta’ Fatima.
Id-dehriet jiksbu s-sinifikat tagħhom mill-mument storiku, soċjali, politiku u reliġjuż li għalih l-isfida tagħhom tkun indirizzata, u li huma jfittxu li jdawwlu bil-messaġġ tagħhom. Skond it-tagħlim ta’ San Ġwann tas-Salib, id-dehriet huma mgeżwrin madwar il-messaġġ. Madankollu huwa l-messaġġ ta’ l-imħabba li hu ta’ mportanza ewlenija. Dehriet huma meqjusa mill-Knisja bħala “rivelazzjonijiet privati” li bl-ebda mod ma jistgħu jkunu mqabbla mar-Rivelazzjoni li tinsab fl-Iskrittura Mqaddsa. L-għan tagħhom mhuwiex li jipprovdu l-pedament għall-fidi, iżda biex jaqduha. Huma ma jżidu xejn mar-Rivelazzjoni unika u waħdanija, iżda huma jistgħu jkunu sejħa umli. Huma jikkonsistu f’sinjali li jidhru li bihom Alla jikkomunika lilu nnifsu, skond il-kapaċità tal-persuna li tirċievi s-sinjal. Ir-rwol tagħhom jista’ jitqabbel ma’ l-ikoni li, skond it-tejoloġija tal-Lvant, huma oġġettifikazzjoni tassew, ispirati mill-Ispirtu s-Santu […] li kemm jiġġenera kif ukoll iwassal il-preżenza.” Huma jagħmlu parti minn ordni ta’ kariżmi, jiġifieri, huma rigal ta’ Alla lil xi membru tal-Ġisem ta’ Kristu għall-ġid tal-Ġisem kollu. Bħal kariżmi kollha ta’ karattru eċċezzjonali, huma m’għandhomx ikunu mfittxa, iżda milqugħin b’radd il-ħajr, b’dixxerniment u bi prudenza.
Skond Karl Rahner, rivelazzjoni privata ma tippreżentax xi ħaġa ġdida, jiġifieri, interpretazzjoni ġdida tar-realtajiet tal-fidi tagħna; iżda hija rivelazzjoni ta’ xi ħtieġa evanġelika f’sitwazzjoni storika partikulari fil-Knisja u fid-dinja, ħtieġa biex titwettaq malajr fi żmien qasir mitlub mis-sitwazzjoni storika, u bi qbil mal-prinċipji ġenerali tar-rivelazzjoni uffiċjali u l-fidi tal-knisja.
Għalhekk, rivelazzjoni privata hija implimentazzjoni li tgħaddi, applikazzjoni storika tar-rivelazjoni bażika fi żmien partikulari fl-istorja, sabiex iġġiegħel din ir-rivelazzjoni bażika tidħol fl-imħuħ u l-qlub, u fil-kultura ta’ żmienna, bħala grazzja, wegħda, eżistenza u ħaqq. B’riżultat ta’ dan, dawk li jisimgħu u jirċievu l-messaġġ jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ sejħa diretta minn Alla, issejħilhom għall-ubbidjenza tal-fidi.
Id-dehriet ta’ Fatima huma sinjal minn Alla għal ġenerazzjoni tagħna stess. U Marija tidher bħala l-Qaddejja tal-Mulej, fis-servizz tal-Knisja fid-dinja. Huma wkoll ifittxu li jħejju l-Knisja għal-ġejjieni, xi minn daqqiet f’termini apokalittiċi.
Inħoss li jenħtieġ ninkludi dan il-preambolu bħala d-daħla għaliex, fejn jidħlu d-dehriet, sikwit wieħed isib ċerta kurżita mhix f’postha tissogra li taqbad ma’ dettalji żgħar mingħajr ma tieħu l-essenza prinċipali tal-messaġġ.
Id-dehriet u r-rivelazzjoni li joħorġu minnhom m’għandhomx idellu s-sitwazzjoni storika drammatika li fiha l-komunità nisranija tinsab fiha. Għalhekk, biss daqskemm id-dehriet inħarsu lejhom f’relazzjoni ma’ l-istorja ta’ daż-żmien, u l-provokazzjonijiet kbar li joħorġu mill-umanità, nistgħu nikkonkludu li aħna sibna quddiemna messaġġ li kien mogħti biex iqajjem il-fidi li tkun saret bierda u ndifferenti.
Ir-riflessjoni tejoloġika fuq dan il-punt trid tinkludi analażi meqjusa tal-kuntest soċjo-kulturali li fih id-dehriet isiru, bħal, ngħidu aħna, iċ-ċirkustanzi partikulari fil-Knisja li hi tkun qiegħda fi żmien partikulari.
Jidher ċar li l-messaġġ ta’ Fatima jirreferi għall-era ġdida ta’ daż-żmien, b’riferenza partikulari għall-perijodu taż-żewġ gwerer kbar li mmarkaw il-ġrajja tas-seklu 20, bil-kuntest kollu madwar dawn il-gwerer, li tiegħu huma l-espressjoni.
L-ewwel u t-tieni Gwerer dinjija jiffurmaw, bħallikieku, priżma tal-ħażen f’dan is-seklu li jirrifletti l-uċuħ ewlenin tal-ħażen u l-effetti ħżiena tiegħu:
- ix-xejra ġdida u traġika tat-totalitarianiżmu politiku fil-forom tipiċi tan-Nażiżmu u Staliniżmu li din ħadet fis-seklu 20;
- l-użu ta’ gideb sistematiku biex tkun ivvintata “verità” u l-kitba mill-ġdid ta’ l-istorja;
- l-isforz determinat biex jiċħdu ’l Alla u jaqtgħuH għalkollox mill-ħajja pubblika u mill-kuxjenza tan-nies permezz tal-ateiżmu militanti u bil-lajċiżmu;
- il-qerda u l-mewt tal-persuna umana u disprezz totali tad-dinjità tal-persuna, kif intweriet bl-għaxriet ta’ miljuni ta’ vittmi, f’isem is-safa radikali tal-ideoloġija, rivoluzzjoni jew razza, li ġew mgħollija għall-livell ta’ allat ġodda:
- ix-xejra ġdida ta’ dak li biż-żmien sar magħruf bħala ‘gwerra sħiħa’ li, bi ksur ta’ kodiċi ta’ mġieba tradizzjonalment aċċettati, fetħet it-triq biex iġġib fix-xejn nies innoċenti u nies ċivili, bl-użu ta’ strumenti xjentifiċi u tekniċi l-aktar moderni. Dan jirrapreżenta setgħa arbitrarja b’mod estrem li ma tafx bl-ebda limiti.
- il-fenominu kollettiv ta’ mibgħeda u vjolenza li ħakmet in-nies u l-popli.
Fil-qari tas-sinjali taż-żminijiet f’dawl teoloġiku, l-gwerra dinjija u l-gwerra sħiħa iġibu quddiemna l-konċentrazzjoni tal-ħażen, simbolu tassew tal-globalizzazzjoni tad-dnub esperjenzjat għall-ewwel darba fl-ikraħ forma tiegħu, l-orrur u biża’ tiegħu fuq livell tal-pjaneta kollha. Huma jikxfu kemm il-forom tal-ħażen organizzat li sfortunatament is-seklu tagħna hu mimli bih, u l-aċċettazzjoni tal-ħażen bħala normali u li mhu xejn, li issa huwa ġustifikat u leġittimizzat bir-raġuni, kif ukoll huwa programmat u imwettaq b’mod xjentifiku u tekniku.
Meta nħarsu lura, wara li għadda daż-żmien, aħna llum nistgħu naraw iktar ċar il-metamorfosi, il-qtugħ u d-deġenerazzjoni ta’ żmienna u tar-riżultati tiegħu li jistgħu jwassalu għall-qerda.
Proprjament, ix-xejra ġdida taż-żmien modern ma jikkonsistix fil-fatt li n-nies qabdu u ddeċidew li jużaw ir-raġuni tagħhom bil-libertà u pubblikament, skond il-motto ta’ Kant. Dan il-motto għandu l-għeruq tiegħu fil-Kristjaneżmu, bil-konvinzjoni li n-nies kienu maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla, bil-ħila ta’ l-għarfien għammiel.
Dak li verament jimmarka l-qtugħ li jagħmel epoka huwa l-fatt li l-modernità ġiet quddiemna bħala proġett ambizzjuż ta’ salvazzjoni tal-bniedem mill-bniedem. Dan kellu espressjoni teoretika estrema fid-19 il-seklu bl-hekk imsejħa “Mgħallmin tas-Suspett” u l-messaġġ tagħhom, li l-aħħar werriet tagħhom kien il-Marksiżmu: Alla għandu jmut sabiex il-bnedmin jistgħu jgħixu. Id-19 il-seklu ħalla dil-ferita miftuħa fl-għarfien ġenerali, li baqgħet sejra sal-20 seklu: ċaħda ta’ Alla bħala l-għadu tal-bniedem li sabet l-espressjoni aħħarija tagħha fil-mewt tal-bniedem.
Biex ngħalqu fi ftit kliem, fil-kliem ta’ Ġwanni Pawlu II: “Dan il-messaħħ (jiġifieri, l-Messaġġ ta’ Fatima) hu ndirizzat b’mod partikulari lill-irġiel u n-nisa tas-seklu tagħna, mmarkat kif inhu bi gwerer, b’mibgħeda, bi vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet, u fuq kollox il-battalja kontra Alla sal-punt taċ-ċaħda tal-eżistenza tiegħu”.
Il-Messaġġ ta’ Fatima jirrifletti b’mod ċar u b’sogħba kbira ż-żmien imqalleb u drammatiku tal-istorja. Wara l-kundanna li hemm fl-Iskrittura nfisha, aktarx hija tifforma l-kundanna l-iktar qawwija u impressjonanti tad-dnub tad-dinja, ssejjaħ lill-Knisja u lid-dinja biex jagħmlu eżami bir-reqqa tal-kuxjenza. Dawk biss li għandhom sens tad-dinjità tal-bniedem quddiem Alla, u l-għan divin tiegħu, jistgħu jifhmu l-kobor tat-traġedja tad-dnub, u kif it-telfien tas-sens ta’ dnub, huwa fis-sens l-iktar profond, it-telfien ta’ kull ma hu tassew uman. “Bl-eliminazzjoni ta’ Alla mill-għarfien tal-bniedem, il-bniedem innifsu qiegħed fil-periklu. Fl-aħħar tas-seklu dak li hemm fin-nofs u fil-periklu mhuwiex biss l-eżistenza ta’ Alla, iżda wkoll id-dinjità tal-bniedem.”
Iffaċċjat b’din is-sitwazzjoni tal-umanità feruta, il-Messaġġ ta’ Fatima jitkellem bil-leħen tal-vittmi kollha, u jsir sejħa biex naqraw l-istorja b’għajnejn dawn il-vittmi, li nieqfu għal ftit quddiem il-misteru tal-bniedem wiċċ imb wiċċ mal-misteru ta’ Alla. Hija terġa’ tesprimi l-mistoqsija antika u li għada magħna tal-Ġenesi: “Adam, fejn int?” (Ġen 3,9) – jiġifieri, fejn hu l-bniedem? Fejn hu l-bniedem fid-dinja tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz jew dik tal-gulag tar-Russja Sovjetika? “Kif jista’ xi ħadd jemmen fil-bniedem, jew aħjar, kif jista’ xi ħadd jemmen fl-umanità – x’kelma prużuntuża biex nużawha f’dan ir-rigward – meta ġewwa Auschwitz wieħed ġie wiċċ imb wiċċ ma’ dawk l-affarijiet tal-biża’ li l-bniedem kapaċi jasal għalihom?” Dan iċ-ċiniżmu tal-oppressjoni fi żmienna mhuwiex l-espressjoni tal-krudeltà bla qalb tad-dinja moderna u l-kruha tan-nuqqas ta’ rispett tagħha u l-abbandun ta’ Alla? Min se jsalva l-bniedem mill-bniedem innifsu?