Mill-Omelija tal-Papa waqt il-Quddiesa tal-Bejatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto
“Fis-sema deher sinjal ieħor: ara, dragun kbir minn lewn in-nar” (Ap.12:3).
Dawn il-kliem … iġagħluna naħsbu fuq il-ġlieda kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin, juru kif, meta l-bniedem iwarrab lil Alla, huwa ma jistax isib l-hena, iżda jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu.
Kemm kien hemm vittmi matul dan l-aħħar seklu tat-tieni millennju! Niftakru l-orrur tal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-gwerer l-oħrajn fil-ħafna partijiet tad-dinja, l-kampijiet ta’ konċentrament u tal-qerda, il-gulagi, t-tindif etniku u l-persekuzzjonijiet, it-terroriżmu, il-ħtif ta’ persuni, d-drogi, l-attakki fuq il-ħajja qabel titwieled u fuq il-familja.
Il-messaġġ ta’ Fatima huwa sejħa għall-konverżjoni, jwissi lill-umanità biex ma jkollhiex x’taqsam mad-“dragun” li “denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art” (Ap.12:4). L-għan aħħari tal- bniedem huwa l-ġenna, d-dar tiegħu tassew, fejn il Missier tas-sema jistenna lil kull wieħed bl-imħabba ħanina tiegħu.
Alla ma jrid lil ħadd jintilef; għalhekk 2000 sena ilu huwa bagħat lill-Ibnu fid-dinja, “jfittex u jsalva l-mitluf” (Lq.19:10). U hu salvana bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Ħadd ma għandu jneżża lil dak is-Salib mill-qawwa tiegħu! Ġesù miet u rxoxta mill-imwiet biex ikun ‘il-kbir fost ħafna aħwa’ (Rum.8:29).
Fl-għożża tagħha ta’ omm, il-Verġni Mbierka ġiet hawn ġewwa Fatima biex titlob lill-irġiel u n-nisa “biex ma jkomplux joffendu lil Alla, l-Mulej tagħna, li diġà huwa offiż ħafna”. Huwa d-dispjaċir ta’ omm li jġagħlha titkellem; hemm fin-nofs id-destin ta’ wliedha. Għal din ir-raġuni hija titlob lir-ragħajja żgħar: ‘Itolbu, itolbu ħafna u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; ħafna erwieħ imorru l-infern għaliex ma għandhom lil ħadd li jitlob u jagħmel sagrifiċċji għalihom”.