Segretarju ta’ l-Istat
Fi tmiem il-Quddiesa mmexxija mill Papa f’Fatima, il-Kardinal Angelo Sodano, s-Segretarju tal-Istat, għamel din l-istqarrija bil-Portugiż, li hawn it-traduzzjoni tagħha:
Ħuti fil-Mulej!
Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni solenni, inħossni fid-dmir li, f’isem dawk kollha preżenti, nagħti x-xewqat it-tajba, lill-maħbub Papa tagħna Ġwanni Pawlu II, li dalwaqt jagħlaq 80 sena u biex nirringrazzjawh tal-ministeru pastorali vitali tieghu għall-Knisja Mqaddsa kollha ta’ Alla; aħna nressqu x-xewqat sinċiera tal-Knisja kollha.
F’din l-okkażżjoni solenni taż-żjara tiegħu f’Fatima, l-Qdusija Tiegħu qabbadni nagħtikom aħbar. Kif tafu, l-għan ta’ din iż-żjara f’Fatima kienet biex jibbeatifika liż-żewġ “Ragħajja Żgħar”. Madankollu hu jixtieq ukoll li l-pellegrinaġġ tiegħu jkun sinjal imġedded ta’ rikonoxximent lejn il-Madonna għal ħarsien tagħha matul dawn is-snin tal-papat tiegħu. Din il-protezzjoni tidher li hi marbuta ma’ l-hekk imsejjaħ tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima.
Dak it-test fih dehra profetika bħal dawk li jinsabu fl-Iskrittura Mqaddsa, li ma jiddiskrivux b’mod fotografiku d-dettalji ta’ ġrajjiet fil-ġejjieni, iżda jiġbru flimkien u jikkompressaw fi sfond wieħed fatti li jinfirxu fuq medda ta’ żmien mingħajr ma juru meta jseħħu u kemm se idumu. Għalhekk, it-test għandu jkun interpretat b’mod simboliku.
Id-dehra ta’ Fatima fuq kollox għandha x’taqsam mal-gwerra mgħamula mis-sistemi atejistiċi kontra l-Knisja u l-Insara, u tiddeskrivi t-tbatija bla qies li sofrew ix-xhieda tal-fidi fl-aħħar seklu tat-tieni millennju. Hi Triq tas-Salib bla tmiem immexxija mill-Papiet tas-seklu għoxrin.
Skond l-interpretazzjoni tar-“Ragħajja ż-Żgħar”, li ġiet ikkonfermata dan l-aħħar minn Swor Luċija, “l-Isqof liebes l-abjad” li jitlob għall-fidili kollha huwa l-Papa. Waqt li jimxi b’diffikultà kbira lejn is-Salib qalb l-iġsma mejta ta’ dawk li ġew maqtulin martri (Isqfijiet, qassisin, Reliġjużi rġiel u nisa u ħafna lajċi), huwa wkoll jaqa’ fl-art, donnu mejjet, taħt mewġa ta’ sparar.
Wara l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju 1981, kien jidher ċar li kienet “l-id ta’ omm li mexxiet id-direzzjoni tal-balla”, li għenet “lill-Papa fil-weġgħat tiegħu” biex jieqaf “fuq l-għatba tal-mewt” (Papa Ġwanni Pawlu II, Meditazjoni mill-Policlinico Gemelli lill-Isqfijiet Taljani, Insegnamenti, XVII, 1 [1994], 1061). Fl-okkażjoni taż-żjara f’Ruma mill-Isqof ta’ Leiria-Fatima ta’ dak iż-żmien, il-Papa ddeċieda li jagħtih il-balla li kienet baqgħet fil-jeep wara l-attentat ta’ qtil, sabiex tibqa’ tinżamm fis-santwarju. B’deċiżjoni tal-Isqof, iktar tard il-balla ġiet imwaħħla fil-kuruna tal-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima.
Is-sensiela ta’ ġrajjiet wara xulxin tal-1989 wasslu, kemm fl-Unjoni Sovjetika kif ukoll f’għadd ta’ pajjjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, għal waqa’ tal-gvernijiet Komunisiti li kienu jinkoraġġixxu l-atejiżmu. Għal dan ukoll il-Qdusija Tiegħu jirringrazzja mill-qalb lill-Verġni l-Iktar Qaddisa. Madankollu, f’partijiet oħra tad-dinja, traġikament għadhom għaddejjin attakki kontra l-Knisja u kontra l-Insara, bit-toqol tat-tbatija li dawn iġibu magħhom. Ukoll jekk il-ġrajjiet li għalihom jirreferi t-tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima issa jidher li huma biċċa mill-passat, is-sejħa tal-Madonna għall-konverżjoni u għall-penitenza, imnedijin fil-bidu tas-seklu għoxrin, tibqa’ f’waqta u urġenti llum ukoll. “Jidher li s-Sinjura tal-messaġġ taqra s-sinjali taż-żminijiet – is-sinjali ta’ żmienna – b’għarfien speċjali ... L-istedina insistenti ta’ Marija l-Iktar Qaddisa għall-penitenza m’hi xejn ħlief it-turija tat-tħassib matern tagħha għad-destin tal-familja umana, fi ħtieġa ta’ konverżjoni u maħfra” (Papa Ġwanni Pawlu II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Morda 1997, No. 1, Insegnamenti, XIX, 2 [1996], 561).
Sabiex il-fidili jkunu jistgħu jirċievu aħjar il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima, il-Papa qabbad lill-Kongregazjoni għad-Dutrina tal-Fidi biex ixxandar it-tielet parti tas-“sigriet”, wara li jkun imħejji kummentarju addatat.
Ħuti, ejjew nirringrazzjaw lill-Madonna ta’ Fatima għall-ħarsien tagħha. Ejjew nafdaw fl-interċessjoni materna tagħha lill-Knisja tat-Tielet Millennju.
Sub tuum praesidium confugimus, Sancta Dei Genetrix! Intercede pro Ecclesia. Intercede pro Papa nostro Joanne Paulo II. Amen.
Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa t’Alla! Idħol għall-Knisja. Idħol għall-Papa tagħna Ġwanni Pawlu II. Ammen.
Fatima, 13 ta’ Mejju 2000