Minn “Fatima Message and Consecration” (p46-47)
Biex ningħaqdu ma’ Ġesù Kristu li bata u miet għalina fuq is-salib għall-fidwa tad-dinja, t-tpattija għandha timmarka kull stadju ta’ ħajjet in-nisrani.
Ġewwa Fatima, l-azzjonijiet ta’ tpattija ma jidhrux li qed jirreferu biss għall-Madonna, iżda wkoll direttament għal Alla. Dan jidher mit-talb mgħallmin mill-Anġlu u mill-Verġni Marija.
Ta’ min jinnota li minbarra l-konverżjoni tal-midinbin, hemm motiv iktar profond li qiegħed wara l-idea tat-tpattija: l-istess Imħabba ta’ Alla.
Dan jidher ukoll minn kliem Franġisku. Darba Luċija staqsietu: “Xi tħobb l-iktar – tfarraġ lill-Madonna, jew li tikkonverti l-midinbin, sabiex ma jmorrux iktar erwieħ fl-Infern?”
“Nippreferi nfarraġ lill-Mulej Tagħna. Ma ndunajtx kemm kienet immnikta l-Madonna f’dak l-aħħar xahar, meta qalet li n-nies ma għandhomx inikktu iktar lill-Mulej Tagħna, għaliex Hu diġà offiż ħafna? Nixtieq infarraġ lill-Mulej Tagħna, u wara dan, nikkonverti l-midinbin, sabiex huma ma joffenduHx aktar.”
Illum hawn insistenza, u bir-raġun, fuq l-aspett tas-sagrifiċċju ta’ ħajjitna. L-ewwel u l-aqwa forma ta’ sagrifiċċju hu li nilqgħu fi spirtu nisrani t-tbatija li jġorr miegħu il-qadi xieraq ta’ dmirijietna. L-Anġlu kien ċar fuq dan:
Fuq kollox, ilqgħu u ġorru bis-sabar, it-tbatija li l-Mulej jibgħatilkom.
Luċija wara kitbet: “Din hi l-penitenza li Alla fit-tjubija tiegħu jitlob: is-sagrifiċċju li kull bniedem għandu jimponi fuqu nnifsu billi jgħix ħajja ta’ ġustizzja fl-osservanza tal-Liġi Tiegħu. Hu jixtieq li dit-triq issir mgħarrfa sew lill-erwieħ, għaliex ħafna, għax jaħsbu li l-kelma sagrifiċċju tfisser ċaħdiet kbar, u billi ma jkollhomx is-saħħa jew il-ġenerożità biex jagħmluh, jaqtgħu qalbhom u jerġgħu jaqgħu għall-ħajja ta’ bruda u dnub. Waqt li kont fil-kappella, bil-permess tal-Madre Superjura, matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, il-Mulej Tagħna f’nofs il-lejl qalli: “Il-qadi tad-dmirijiet u l-ħarsien tal-Liġi Tiegħi huwa s-sagrifiċċju meħtieġ minn kull bniedem; din hi l-penitenza li issa qed nitlob u rrid.”