Ja Mulej, tabilħaqq Int tgħarbilni.
Ja Mulej, Inti lili tagħrafni.
X'ħin inqum Inti tafu, w x'ħin noqgħod,
Inti tifhem mill-bogħod il-ħsieb tiegħi.
Fil-waqfien u fil-mixi tiflini,
midħla Int ta' liem' huma triqati.
Qas tkun leħqet 'l ilsieni il-kelma
li, Mulej, Int tkun 'ġa tafha kollha.
Dawramejt int taħfinni fi ħdanek,
u dik idek, Mulej, tqiegħed fuqi.
Fik il-għerf li jimlieni bil-għaġeb
għoli wisq biex qatt nasal li nilħqu.
Fejn immur ħa nitbiegħek minn ruħek?
Fejn nisġiċċa mill-bixra ta' wiċċek?
Jekk nintrefa' sas-sema, hemm inti,
jekk ninxteħet f'qiegħ l-art hemm insibek.
'Kk tażżernieq nagħraf nilbes il-ġwienaħ,
u mmur ngħammar ġo xifer il-baħar,
saħansitra hemmhekk tasal idek,
u lemintek bil-ħlewwa taħfinni.
Jekk inħalli lid-dalma tostorni,
u lid-dawl jislet lejla madwari,
qas id-dalma, għalik m'hi mudlama,
u il-lejl hu mixgħul, kollu dija.
Kienu jdejk li sawwruli l-ġewwieni,
u kont int li insiġtni f'ġufommi,
niżżik ħajr għax għamiltni bis-sengħa,
għax tal-għaġeb il-ħidma ta' idek.
Saħansitra lill-ruħi taf tajjeb.
Lanqas għadmi ma kien moħbi minnek
meta kont qed nissawwar fis-satra,
u nintiseġ fil-fond f'qiegħ id-dinja.
Osservajt il-għamil tiegħi kollu,
dak li rajt fis niżżiltu fil-ktejjeb
qabel żernaq il-għomor ta' jiemi,
kont qed tqisli ii-medda ta' ħajti.
Kemm hu tqil il-ħsieb tiegħek għalija,
infinit dak li jgħaddi minn moħħok,
huwa jisboq il-kotra tar-ramel,
u li ngħoddu tonqosni il-ħila.
Wettaq fis il-ħaqq tiegħek, o Alla,
biegħed minni 'l min jonsobli ħajti,
nies qarrieqa li jeħduha miegħek,
jien nistmell l-għamil tagħhom, ja Sidi.
Lil' għarbilni, Mulej, għaraf qalbi,
lil' iflini, kun af ħsibijieti,
ar' inix qed interraq fil-ħażen,
u mexxini f'mogħdija dejjiemma.