Bierek ruħ tiegħi
René Mario Micallef
Bierek ruħ tiegħi lill-Mulej, Mulej Alla tiegħi inti kbir bil-bosta.
Bis-sebħ u l-ġmiel int imlibbes, bid-dawl imkebbeb bħal b'mantell.
Int frixt is-smewwiet bħal għarix fuq l-ilmijiet, riekeb is-sħab tiġri mal-irjieħ,
aħbarek ívenvnu l-irwiefen, u iseftruk l-ilsna tan-nar!
Int waqqaft l-art fuq is-sisien, fiż-żgur hi tinsab u qatt m'hi ser titħarrek,
u ksejtha bl-ibħra bħal b'libsa, bl-ilma sa' qċaċet il-għoljiet.
Malli iċċanfarhom jaħarbu l-ilmijiet, xħin ikarwat leħnek jitkexkxu,
l-għoljiet jitilgħu, jinżlu fil-widien, u jieħdu posthom kif tgħid int.
Tiftaħ l-għejun għal ġol-widien, u jiġru qalb il-għoljiet biex jisqu 'l-bhejjem,
ħdejhom l-għasafar ibejtu minn qalb il-friegħi jinsġu l-kant.
Minn imħażen fl-għoli issaqqi il-għoljiet, jinbet il-frott li ixebba' l-art:
ħdura għall-bhejjem, ħobż u żejt u nbid, bihom jifirħu il-bnedmin.
Ix-xemx u l-qamar juru ż-żmien, xħin jidlam u jsir il-lejl jixirfu l-bhejjem,
fil-bosk iħufu sal-għabex; jibda mas-sebħ, xogħol il-bnedmin.
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, kollha bil-għerf int għamilthom.
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek, jitliegħeb fl-ibħra l-Levjatan.
Il-ħlejjaq kollha jistennew li int tipprovdilhom l-ikel tagħhom f'waqtu.
Inti tagħtihom u jiġbru, tiftaħ idejk, jixbgħu bil-ġid.
Jekk, mistur, tneħħilhom in-nifs, imutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Xħin tibgħat nifsek fis jinħalqu, u int iġġedded wiċċ il-art.
Sebħ il-Mulej, ħa jtul iż-żmien! Ħa jifraħ is-Sid bl-għemejjel kollha tiegħu!
B'ħarstu id-dinja titheżheż, b'messu idaħħnu il-għoljiet.
Ngħanni lill-Mulej matul ħajti kollha: irrid indoqqlu kemm indum ħaj.
Ħa' tifraħ qalbu bl-għanja tiegħi, għax l-hena tiegħi fil-Mulej.