Kif nibni Presepju Malti
Kif nibni Presepju Malti
23 ta’ Ottubru 2025
Dimostrazzjoni dwar il-Bini tal-Presepju b’Materjal Riċiklat
Dalgħodu, is-Sur Ġovann Cassar, President tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, Għawdex, żar lill-istudenti tal-Form 1 (Sena 7). Huwa indirizza lill-istudenti u wettaq dimostrazzjoni prattika dwar kif wieħed jista’ jibni presepju billi juża materjal riċiklat.
Matul l-attività, is-Sur Cassar enfasizza l-importanza li wieħed iżomm ħajja t-tradizzjoni tal-presepju fil-festi tal-Milied. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti biex, fost id-dekorazzjonijiet u t-tiżjin li jżejnu djarhom, jagħtu importanza speċjali lill-presepju bħala simbolu tal-veru tifsir tal-Milied.
L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, Għawdex, twaqqfet 40 sena ilu, fit-4 ta’ Ottubru, u matul is-snin kompliet tippromwovi din it-tradizzjoni artistika u reliġjuża permezz ta’ esebizzjonijiet, kompetizzjonijiet u inizjattivi edukattivi f’diversi skejjel u komunitajiet.
Il-laqgħa kienet waħda edukattiva u interessanti ħafna, fejn l-istudenti wrew interess kbir u staqsew diversi mistoqsijiet. Is-surmast tal-iskola, il-Kanonku Dun Charles Sutana, esprima l-apprezzament tiegħu lis-Sur Cassar u lill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju, Għawdex, għall-ħin u l-impenn tagħhom fil-promozzjoni ta’ din it-tradizzjoni Maltija sabiħa.