EŻERĊIZZJU GĦALL-KOMPASSJONI
TA’
MARIJA SANTISSMA ADDOLORATA
FIL-LEJL TA’ KULL NHAR TA’ ĠIMGĦA
(minn San Ġorġ Preca)
I. NARRAZZJONI:
Wara li l-Iben waħdieni tal-Verġni Mbierka Marija Santissma gie mqiegħed u magħluq fil-qabar, allura, din flimkien ma' l-appostlu Ġwanni, u ma' Marija Madalena u mat-twajba nisa l-oħra reggħet lura f'darha, u hawn għaddew il-lejl flimkien.
II. IMMAĠINATIVA:
Kamra fqira, l-armla omm vergni bilqiegħda fuq is-sodda. Ġwanni, Marija Madalena u n-nisa l-oħra li assistew għall-mewt kiefra ta' Ġesù Kristu bilqiegħda wkoll fl-istess kamra, jħarsu kultant lejn l-Omm Santissma fid-dawl ta’ musbieh, f'silenzju l-aktar profond.
III. SFILATA TA' ĦSIBIJIET: -
Fil-ħemda tad-dak il-lejl tassew ta' niket, l-Omm Santissma mingħajr ma tagħlaq għajn ma' għajn għall-impressjonijiet kbar tagħha fuq il-mewt traġika ta' Binha, f'dik il-velja tilmaħ għaddejja sfilata quddiem il-menti tagħha ħaġa ħaġa l-ħwejjeġ kollha, li ġraw taħt għajnejha mal-jum:
Folol ta' nies, għajat, dalma tax-xemx, salib, imsiemer,
lanza, suldati, sponza ħbula bieqja tal-ħall,
libsa maqsuma f'erba biċċiet, iċ-Ċenturjun, Ġużeppi minn Arimatea,
Nikodemu, qabar, lożor, skrizzjoni, t-transport għad-difna,
l-ġisem Divin ippjagat u bla sura fi ħdanha.
Oh! X'lejl!
Oh! X'lejl għal Marija Santissma!!
X'ripetizzjoni krudila!!
IV. KONKLUŻJONI:
Inti, o midneb, tista' ma tarax kemm huwa ikrah id-dnub u kemm għandek raġun tħobb lil din l-Omm, li permezz tagħha ġie mogħti lilna l-Feddej u s-Salvatur tal-bnedmin? Jista' jkun li ma titgħallimx quddiemha sabiex tapprezza t-tbatijiet li jissieħbu neċessarjament mal-ħajja ta' kull bniedem?
V. Talba:
O Verġni Mbierka, bil-qawwa setgħana tiegħek idħol għalina quddiem Alla biex il-Passjoni u l-Mewt ta' Kristu Ibnek u d-duluri tiegħek ma jkunux bla frott għalija. Ammen.
N.B. Marija Santissima tgħodd ruħha midjuna lejn min jagħmel dan l-eżerċizzju.
(San Gabriel ta’ l- Addolorata)