minn
San Bernard ta' Clairvaux
Mill-kontemplazzjoni ta’ dak li ntqal, aħna naraw ċar li Alla għandu jkun maħbub, u li Hu għandu dritt sagrosant għall-imħabba tagħna. Iżda l-infidil ma jagħrafx lil Iben ta’ Alla, u għalhekk hu ma jistax jagħraf la lill-Missier u lanqas lill-Ispirtu s-Santu, għaliex min ma jagħtix ġieh lill-Iben, anqas ma jagħti ġieh lill-Missier li bagħtu, lanqas lill-Ispirtu li hu bagħat (Ġw. 5, 23). Hu jagħraf lil Alla inqas minna, mhux għaġeb li hu jħobb lill Alla inqas. Għalinqas hu jifhem dan – li hu midjun ma’ min ħalqu għal kull ma hu. Iżda kif se tkun il-qagħda tiegħi? Għaliex jien naf li Alla tiegħi m’huwiex biss Dak il ġeneruż li tani l-ħajja tiegħi, Dak li jipprovdi ġenerożament għall-ħtiġijiet kollha tiegħi, Dak il-ħanin li jfarraġni fin-niket kollu tiegħi, il-Gwida għaqli tat-triq tiegħi: iżda li Hu ħafna iktar minn dak kollu. Hu jeħlisni b’ħelsien kotran: Hu Dak li jżommni sħiħ għal dejjem, is-sehem tal-wirt tiegħi, il-glorja tiegħi. Hemm ukoll miktub, ‘Il-fidwa għandu bil-kotra’ (S. 130, 7); u wkoll, ‘hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, u hekk kisbilna fidwa ghal dejjem’ (Lhud 9, 12). Dwar il-fidwa Tiegħu hemm miktub, ‘Hu ma jitlaqx it-twajbin; hu jħarishom għal dejjem’ (S. 37, 28), u dwar il-ġenerożità Tiegħu. ‘Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom’ (Lq. 6, 38); u banda oħra, ‘Għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, lanqas ma tnissel f’qalb il-bniedem dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh’ (1 Kor. 2, 9). Hu għad jigglorifikana, kif jixhed ukoll l-appostlu, meta jgħid, ‘Aħna bil-ħerqa nistennew jiġi lis-Salvatur tagħna Sidna Ġesu Kristu. Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż, Tiegħu’ (Fil. 3, 20f); u mill-ġdid, ‘Jien għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina (Rum. 8, 18); u għal darba oħra, ‘Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qies għal dejjem, lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux’ (2 Kor. 4, 17f).
‘Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?’ (S. 116, 12). Ir-raġuni u wkoll il-ġustizzja naturali jqanqluni biex ningħata kollni kemm jien biex inħobb Lilu li jien midjun miegħu għall kull ma għandi u kull ma jien. Iżda l-fidi turini li għandi nħobbu ferm iktar milli nħobb lili nnifsi, meta nibda nifhem li hu mhux biss tani ħajti, iżda saħansitra Lilu nnifsu. Madankollu, qabel ma wasal iż-żmien tar-rivelazzjoni sħiħa, qabel ma l-Kelma saret laħam, miet fuq is-Salib, qam mill-qabar, u reġa’ lura għand il-Missier; qabel ma Alla wriena kemm ħabbna b’din il-milja tal-grazzja, kien tlissen il-kmandament, ‘Ħobb, mela lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha’ (Dt. 6, 5), jiġifieri, b’dak kollu li int, bl-għarfien tiegħek kollu, u bil-setgħat tiegħek kollha. U ma kienx inġust li Alla jitlob dan mix-xogħol u l-għotjiet tiegħu stess. Għaliex m’għandux il-maħluq iħobb lil min Ħalqu, li tah il-qawwa li jħobb? Għaliex ma għandux iħobbU b’kull ma hu, ladarba huwa biss bl-għotja Tiegħu li hu jista’ jwettaq xi ħaġa tajba? Kienet il-grazzja ta’ Alla l-ħallieq li mix-xejn għollietna għad-dinjità ta’ bnedmin; u minn dan jidher id-dmir tagħna li nħobbuH, u d-dritt tat-talba Tiegħu għal dik l-imħabba. Iżda kemm jiżdied bla qies is-siwi meta nfakkru lilna nfusna li Hu jwettaq il-wegħda, ‘bnedmin u bhejjem int issalvahom, Mulej! Kemm hi għażiża t-tjieba tiegħek, o Alla!’ (S. 36, 6f). Għaliex aħna, li ‘bdilna l-glorja tagħna fi xbieha ta’ gendus jiekol il-ħaxix’ (S. 106, 20), bl-għemejjel ħżiena tagħna baxxejna lilna nfusna li nistgħu nixxebbħu ma’ bhejjem li jintemmu. Jiena midjun għal kull ma jien ma’ Dak li għamilni: iżda kif nista’ nħallas id-dejn tiegħi lil Dak li fdieni, u b’mod tant tal-għaġeb? Il-ħolqien ma kienx xogħol tant kbir daqs il-fidwa; għax hemm miktub dwar il-bniedem u dwar il-ħwejjeġ kollha maħluqa, ‘hu ikkmanda u huma nħolqu’ (S. 148, 5). Iżda biex jifdi dak il-ħolqien li beda jeżisti mal-kelma Tiegħu, kemm Hu tkellem, x’għeġubijiet Hu għamel, xi tbatijiet issaporta, x’mistħija Hu sofra! Għalhekk xi ħlas għandi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi? Fl-ewwel ħolqien hu tani lili nnifsi; iżda fil-ħolqien ġdid Tiegħu hu tani Lilu nnifsu, u b’dak ir-rigal tani lura l-personalità li jien kont tlift. L-ewwel maħluq u imbagħad imġedded, jien midjun Miegħu għal darbtejn għal kisba tiegħi nnifsi. Iżda x’għandi x’noffri Lilu għar-rigal tiegħU innifsu? Nista’ jien nkattar lili nnifsi għal elf darba u imbagħad nagħtiH kollox, u dan x’ikun meta tqabblu ma’ Alla?