L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu
skond San Mattew
L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu
skond San Mattew
L-antenati ta’ Ġesù Kristu [Mt. 1:1-17]
(Lq 3, 23-38)
1. 1 Ktieb in-nisel ta' Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham. 2 Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, 3 Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, 4 Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, 5Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaz nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, 6 Ġesse nissel lil David, is-sultan.
David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija, 7 Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, 8 Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, 9 Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, 10 Ħeżekija nissel lil Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, 11 Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f'Babel.
12 Wara l-eżilju f'Babel, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, 13Żorobabel nissel lil Abihud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, 14 Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Elihud, 15 Elihud nissel lil Elgħazar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, 16 Ġakobb nissel lil Ġużeppi, r-raġel ta' Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejjħulu l-Messija.
17 Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sa l-eżilju ta' Babel, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta' Babel sal-Messija, erbatax-il nisel.
It-twelid ta' Ġesù Kristu [Mt. 1:18-25]
(Lq 2, 1-7)
18 It-tnissil ta' Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma' Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta' l-Ispirtu s-Santu. 19 Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust, ma riedx ixandarha quddiem kulħadd; u għalhekk għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. 20 Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. 21 Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom."
22 Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
23 'Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El.’
li bi lsiena jfisser ‘Alla magħna’. 24 Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu. 25 Imma baqa' ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù.
Iż-żjara tal-maġi [Mt. 2:1-12]
2. 1 Meta twieled Ġesù f'Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: 2 "Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nadurawh." 3 Is-sultan Erodi sema' bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. 4 Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. 5 U huma qalulu: "F'Betlehem tal-Lhudija, għax hekk kien kiteb mill-profeta:
6 'U int, Betlehem, art ta' Ġuda,
le, m'intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta' Ġuda,
għax minnek joħroġ mexxej
li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael.'
7 Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha minn għandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; 8 bagħathom f’Betlehem u qalilhom: "Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu." 9 Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. 10 Kif raw il-kewkba mtlew b'ferħ tassew kbir. 11 Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma' ommu Marija, nxteħtu fl-art jadurawh; fetħu l-kaxxi tat-teżori tagħhom u bħala rigali offrewlu deheb, inċens u mirra. 12 Mbagħad, billi kienu mwissijin f'ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, qabdu triq oħra u reġgħu lura lejn arthom.
Il-ħarba lejn l-Eġittu [Mt. 2:13-15]
13 Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu." 14 Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu bil-lejl u warrab lejn l-Eġittu, 15 u baqa' hemmhekk sal-mewt ta' Erodi. B’hekk hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal,
‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
Il-qerda ta' l-innoċenti [Mt:2:16-18]
16 Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f'Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta' minn sentejn 'l isfel, skond iż-żmien li sar jaf minn għand il-maġi. 17 Mbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,
18 'F'Rama nstama' leħen,
biki u lfiq kbir:
Rakel tibki lil uliedha
u ma tridx min ifarraġha,
għax ma għadhomx iżjed.’
Lura lejn art Iżrael [Mt. 2:19-23]
19 Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f'ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu 20 u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u erġa' lura lejn l-art ta' Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel." 21 Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu, u mar fl-art ta' Iżrael. 22 Imma billi sema' li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, beża' jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, inġabar fl-inħawi tal-Galilija, 23 u mar joqgħod f'belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti,
‘Ikun jissejjaħ Nażri.’
Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista [Mt. 3:1-12]
(Mk 1, 1-8; Lq 3, 1-18; Ġw 1, 19-28)
3. 1 F'dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija 2 u jgħid: "Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet." 3 Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
‘Leħen ta’ wieħed igħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’
4 Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. 5 U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, 6 u jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
7 Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x’għandkom tagħmlu biex taħarbu mill-korla li ġejja? 8Agħmlu mela frott xieraq ta' l-indiema. 9 U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham. 10 Il-mannara ġa tressqet ma' għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. 11 Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. 12Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex."
Il-magħmudija ta' Ġesù [Mt. 3:13-17]
(Mk 1, 9-11; Lq 3, 21-22)
13 Mbagħad ġie Ġesù mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. 14 Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: "Jiena hu li jeħtieġli nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?" 15 Ġesù qallu: "Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq li nimxu biex inkunu għamilna u temmejna s-sewwa kollu." Mbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.
16 Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tela' mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta' Alla nieżel qisu ħamiema u jieqaf fuqu. 17 U mis-smewwiet instema' leħen igħid: "Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi."
It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert [Mt. 4:1-11]
(Mk 1, 12-13; Lq 4, 1-13)
4. 1 Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu. 2 U Ġesù baqa' sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. 3 U resaq it-tentatur u qallu: "Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż." 4 Iżda Ġesù wieġbu: "Hemm miktub,
‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss igħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’"
5 Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, 6 u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li
Lil l-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,
u li
‘Fuq idejhom jerfgħuk,
ħalli ma taħbitx riġlek ma xi ġebla.’"
7 Qallu Ġesù: "Hemm miktub ukoll,
‘Iġġarabx lill-Mulej, Alla tiegħek.’"
8 Għal darb'oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja kollha tagħhom, 9 u qallu: "Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani." 10 Mbagħad qallu Ġesù: "Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub,
‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura
U lilu biss taqdi.’"
11 Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U ara, ġew xi anġli jaqduh.
Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija [Mt. 4:12-17]
(Mk 1, 14-15; Lq 4, 14-15)
12 Meta Ġesù sema' li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. 13 Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta' Żebulun u Naftali, 14 biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
15 'Art ta' Żabulun, u art ta' Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan,
Galilija tal-ġnus!
16 Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.’
17 Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: "Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet."
Ġesù jsejjaħ erba' sajjieda [Mt. 4:18-22]
(Mk 1, 16-20; Lq 5, 1-11)
18 Huwa u jdur ma' xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. 19 U qalilhom: "Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin." 20 U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
21 Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta' Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma' missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom. 22 Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar [Mt. 4:23-25]
(Lq 6, 17-19)
23 U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar il-Bxara t-tajba tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta' mard u lil kull min kien nieqes minn saħħtu. 24Il-fama tiegħu xterdet mas-Sirja kollha, u bdew iġibulu lil kull min kellu xi hemm fuqu, dawk li kienu jbatu b'xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b'tal-qamar, il-mifluġin, u hu fejjaqhom. 25 U bdew imorru warajh folol kbar mill-Galilija, mid-Dekapoli, minn Ġerusalemm u mil-Lhudija, u mill-inħawi 'l hemm mill-Ġordan.
Il-bidu tad-diskors [Mt. 5:1-2]
5. 1 Kif ra l-folol, Ġesù tala' fuq il-muntanja, qagħad bil-qiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. 2 Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:
Il-bnedmin il-hienja [Mt:5:3-12]
(Lq 6, 20-23)
3 "Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
4 Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
5 Henjin ta' qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b'wirthom l-art.
6 Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
7 Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
8 Henjin dawk li huma safja f'qalbhom, għax huma jaraw 'l Alla.
9 Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.
10 Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
11 Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta' ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
12 Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom."
Il-melħ ta' l-art u d-dawl tad-dinja [Mt. 5:13-16]
(Mk 9, 50; Lq 14, 34-35)
13 "Intom il-melħ ta' l-art. Imma jekk il-melħ jaqta', biex jerġa' jieħu t-togħma? Ma jibqa' tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.
14 "Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba. 15Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar. 16 Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.
Il-Liġi ta’ Mosè u l-liġi l-ġdida [Mt. 5:17-20]
17 "Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa' l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. 18 Tassew, ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. 19 Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
20 "Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
Il-korla [Mt. 5:21-26]
(Lq 12, 57-59)
21 "Smajtu xi ntqal lin-nies ta' dari, 'La toqtolx.' Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. 22 Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, 'Ġifa', ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sanhedrin; u jekk jgħidlu, 'Iblah', ikun ħaqqu n-nar ta' l-infern. 23 Mela jekk tkun qiegħed ittalla' l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, 24 ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma' ħuk, u mbagħad ejja tella' l-offerta tiegħek. 25 Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f'idejn l-imħallef, u l-imħallef f'idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. 26 Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
L-adulterju [Mt. 5:27-30]
27 "Smajtu xi ntqal, 'La tagħmilx adulterju.' 28 Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f'qalbu. 29 Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqlagħha barra u armiha 'l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. 30 U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqtagħha barra u armiha 'l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Id-divorzju [Mt. 5:31-32]
(Mt 19, 9; Mk 10, 11-12; Lq 16, 18)
31 "Ntqal ukoll, 'Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.' 32 Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra mill-każ ta' rabta ħażina magħha, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.
Il-ġurament [Mt. 5:33-37]
33 "Smajtu wkoll x'intqal lin-nies ta' dari, 'Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.' 34 Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta' Alla, 35 u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b'Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. 36 U lanqas b'rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. 37 Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, 'Iva, iva', 'Le, le'; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.
Il-vendetta [Mt. 5:38-42]
(Lq 6, 29-30)
38 "Smajtu x'intqal, 'Għajn b'għajn u sinna b'sinna'. 39 Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta' ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; 40 u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. 41 U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. 42 Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef minn għandek.
L-imħabba lejn l-għedewwa [Mt. 5:43-48]
(Lq 6, 27-28. 32-36)
43 "Smajtu x'intqal, 'Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.' 44 Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, 45 biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla' x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m'huwiex. 46 Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? 47 U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? 48 Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet."
L-elemożina [Mt. 6:1-4]
6. 1 "Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas minn għand Missierkom li hu fis-smewwiet.
2 "Mela meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta' wiċċ b'ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. 3 Iżda int, meta tagħmel karità, idek ix-xellugija m'għandhiex tkun taf x'inhi tagħmel il-leminija, 4 biex hekk il-karità tiegħek issir fil-moħbi, u Missierek, li jara dak li hu moħbi, iroddlok hu.
It-talb [Mt. 6:5-15]
(Lq 11, 2-4)
5 "U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta' wiċċ b'ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bil-wieqfa fis-sinagogi u f'salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. 6 Iżda int, meta titlob, idħol fil-kamra tiegħek ta' ġewwa, agħlaq il-bieb warajk, u itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu. 7 Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. 8 Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x'teħtieġu, qabel ma titolbuh intom. 9 Mela itolbu hekk:
'Missierna, li inti fis-smewwiet,
jitqaddes ismek,
10 tiġi saltnatek,
ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.
11 Ħobżna ta' kuljum agħtina llum.
12 Aħfrilna dnubietna,
bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.
13 U la ddaħħalniex fit-tiġrib,
iżda eħlisna mid-deni.'
14 Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. 15 Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.
Is-sawm [Mt. 6:16-18]
16 "Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta' wiċċ b'ieħor, għax dawn ikerrhu wiċċhom biex quddiem in-nies jidhru li huma sajmin. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh. 17 Iżda int, meta tkun sajjem, idlek xagħrek u aħsel wiċċek, 18 biex mhux quddiem in-nies tidher li tkun sajjem, imma quddiem Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok hu.
Teżori fis-sema [Mt. 6:19-21]
(Lq 12, 33-34)
19 "Tgeddsux għalikom teżori f'din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. 20 Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. 21 Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.
Id-dawl tal-bniedem [Mt. 6:22-23]
(Lq 11, 34-36)
22 "Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. 23 Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!
Alla u l-flus [Mt. 6:24]
(Lq 16, 13)
24 "Ħadd ma jista' jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
L-inkwiet u t-tħassib [Mt. 6:25-34]
(Lq 12, 22-31)
25 "Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x'se tieklu jew x'tixorbu, anqas għal ġisimkom x'se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m'hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? 26 Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u la jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? 27 U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'xiber wieħed biss? 28 U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji ta' l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. 29 Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. 30 Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna! 31Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, "X'se nieklu?' jew 'X'se nixorbu?' jew 'X'se nilbsu?', 32 għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. 33 Mela fittxu l-ewwel is-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu, u dan kollu jingħatalkom ukoll. 34 Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta' għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata."
Tiġġudikawx [Mt. 7:1-6]
(Lq 6, 37-38. 41-42)
7. 1 "Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati; 2 għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom. 3 Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f'għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int? 4Jew kif tmur tgħid lil ħuk, 'Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,' meta inti stess f'għajnek għandek travu? 5 Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f'għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk! 6 Tagħtux lill-klieb dak li hu mqaddes, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-qżieqeż li ma jmorrux jgħaffġuhom b'saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.
Fittxu, ħabbtu, itolbu [Mt. 7:7-12]
(Lq 11, 9-13)
7 "Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. 8 Għax kull min jitlob, jaqla', min ifittex isib; u min iħabbat jiftħulu. 9 Min hu dak il-bniedem fostkom li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla? 10 Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp? 11 Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu? 12 Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom: għax din hi l-Liġi u l-Profeti.
Il-bieb id-dejjaq [Mt. 7:13-14]
(Lq 13, 24)
13 "Idħlu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa' l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jaqbdu lilha. 14 Imma kemm dejjaq huwa l-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!
Is-siġra tingħaraf mill-frott [Mt. 7:15-20]
(Lq 6, 43-44)
15 "Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta' nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa! 16 Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għolliq? 17 Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel. 18 Siġra tajba ma jistax ikollha frott ħażin, anqas siġra ħażina ma jkollha frott tajjeb. 19 Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. 20 Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.
Lilkom qatt ma kont nafkom [Mt. 7:21-23]
(Lq 6, 46; 13, 25-27)
21 "Mhux kull min jgħidli, 'Mulej, Mulej', jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet! 22 F'dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, 'Mulej, Mulej, m'hux f'ismek ħabbarna aħna? u m'hux f'ismek keċċejna x-xjaten u f'ismek għamilna ħafna mirakli?' 23 Imbagħad jien ngħidilhom, 'Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!'
Sisien tajba u sisien ħżiena [Mt. 7:24-27]
(Lq 6, 47-49)
24 "Għalhekk, kull min jisma' dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. 25 Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. 26Imma kull min jisma' dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. 27 Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!"
Is-setgħa ta' Ġesù [Mt. 7:28-29]
(Mk 1, 22)
28 Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu. 29 Għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.
Ġesù jfejjaq wieħed imġiddem [Mt. 8:1-4]
(Mk 1, 40-45; Lq 5, 12-16)
8. 1 Kif niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh. 2 U resaq fuqu wieħed imġiddem, inxteħet quddiemu u qallu, "Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni." 3 Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid; kun imfejjaq." U minnufih ġismu ndaf mill-ġdiem. 4 U qallu Ġesù: "Qis li ma tgħid lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt."
Ġesù jfejjaq il-qaddej ta' ċenturjun [Mt. 8:5-13]
(Lq 7, 1-10)
5 Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa 6 u jgħidlu: "Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq." 7 Qallu Ġesù: "Niġi jien infejjqu." 8 "Sinju?", qallu ċ-ċenturjun, "Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. 9 Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, 'Mur', u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja', u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, 'Agħmel dan', u jagħmlu." 10 Ġesù baqa' mistagħġeb meta sema' dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: "Tassew, ngħidilkom, f'ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. 11 Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma' Abraham u ma' Iżakk u ma' Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet, 12 waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien?" 13Imbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: "Mur, ħa jsirlek kif emmint!" U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.
Ġesù jfejjaq ħafna nies [Mt. 8:14-17]
(Mk 1, 29-34; Lq 4, 38-41)
14 Ġesù mar għand Pietru, u ra li omm il-mara ta' Pietru kienet mixħuta bid-deni. 15 Messilha idha, u d-deni ħallieha; mbagħad qamet u bdiet isservih. 16 Filgħaxija mbagħad ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bl-ordni tiegħu l-ispirti ħarġu, u fejjaq il-morda kollha. 17 Hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:
‘Hu refa’ fuqu l-mard tagħna,
u tgħabba bl-uġigħ tagħna.’
X'jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu [Mt. 8:18-22]
(Lq 9, 57-62)
18 Meta ra ruħu mdawwar b'ħafna nies, Ġesù ordna li jaqsmu għax-xatt l-ieħor. 19Imbagħad resaq fuqu wieħed mill-kittieba u qallu: "Mgħallem, tmur fejn tmur, jiena niġi warajk." 20 Imma Ġesù wieġbu: "Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, u l-għasafar tas-sema l-bejtiet; iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu." 21Ieħor, wieħed mid-dixxipli, qallu: "Mulej, ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri." 22Ġesù wieġbu: "Imxi warajja, u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom."
Ġesù jsikket it-tempesta [Mt. 8:23-27]
(Mk 4, 35-41; Lq 8, 22-25)
23 Ġesù tela' fuq id-dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh. 24 U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed. 25 Id-dixxipli resqu fuqu, qajjmuh u qalulu: "Salvana, Mulej! Se nintilfu!" 26 U qalilhom: "Dan il-biża' kollu għalfejn, ja nies ta' fidi ċkejkna?" Mbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. 27 Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: "Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?"
Ġesù jfejjaq żewġ imxajtna [Mt. 8:28-34]
(Mk 5, 1-20; Lq 8, 26-39)
28 Wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista' jgħaddi bihom minn dik it-triq. 29 U nfexxew jgħajtu u jgħidu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?" 30 Mela ftit 'il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta' qżieqeż tirgħa. 31 U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: "Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-qżieqeż." 32 "Morru," qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma. 33 Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta' kollox u ta' kull ma kien għadda minn għala l-imxajtna. 34 U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa' sejjer 'il barra minn pajjiżhom.
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ [Mt. 9:1-8]
(Mk 2, 1-12; Lq 5, 17-26)
9. 1 U tela' fid-dgħajsa, qasam il-baħar u baqa' sejjer fil-belt tiegħu. 2 U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq mitraħ. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura." 3 Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: "Dan qiegħed jidgħi!" 4 Ġesù għaraf x'kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: "Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f'qalbkom? 5 Għax x'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura,' jew tgħid 'Qum u imxi'? 6 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," - qal lill-mifluġ - "Qum, aqbad il-mitraħ u mur lejn darek." 7 Dak qam u telaq lejn daru. 8 In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.
Is-sejħa ta' Mattew [Mt. 9:9-13]
(Mk 2, 13-17; Lq 5, 27-32)
9 Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. "Ejja warajja," qallu. Dak qam u mar warajh. 10 U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta publikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu. 11 Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli tiegħu: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?" 12 Hu semagħhom, u qal: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda. 13Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju'; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."
Mistoqsija fuq is-sawm [Mt. 9:14-17]
(Mk 2, 18-22; Lq 5, 33-39)
14 Imbagħad resqu lejh id-dixxipli ta' Ġwanni u qalulu: "Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?" 15 Qalilhom Ġesù: "Huwa l-mistednin ta' l-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm il-għarus ikun għadu magħhom? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. 16 Ħadd ma jraqqa' libsa qadima b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber. 17 Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f'damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn."
Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt [Mt. 9: 18-26]
(Mk 5, 21-34; Lq 8, 40-56)
18 Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mexxej, inxteħet f'riġlejh u qallu: "Binti għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix." 19Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu. 20 Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, 21 għax bejnha u bejn ruħha qalet: "Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, nfiq." 22 Ġesù dar u lemaħha, u qalilha: "Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejjqitek." U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.
23 Meta daħal għand il-mexxej, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; 24 u qalilhom: "Warrbu, għax it-tifla m'hijiex mejta, imma rieqda." U qabdu jiddieħku bih. 25 Iżda hu keċċa n-nies 'il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. 26 U din l-aħbar xterdet ma' dak il-pajjiż kollu.
Ġesù jfejjaq żewġ għomja [Mt. 9:27-31]
27 Waqt li Ġesù kien għaddej minn hemm, marru warajh żewġ għomja jgħajjtu u jgħidu: "Bin David, ħenn għalina!" 28 Meta mbagħad daħal id-dar, l-għomja resqu lejh u Ġesù qalilhom: "Temmnu intom li jiena nista' nagħmlu dan?" Qalulu: "Iva, Mulej." 29 Imbagħad messilhom għajnejhom u qal: "Mela ħa jsirilkom skond il-fidi tagħkom." 30 U għajnejhom infetħulhom. Ġesù widdibhom bis-sħiħ u qalilhom: "Qisu li ħadd ma jsir jaf b'dan." 31 Iżda dawk ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma' dak il-pajjiż kollu.
Ġesù jfejjaq wieħed imbikkem [Mt. 9:32-34]
32 Kif dawk ħarġu, in-nies ġibulu quddiemu wieħed imbikkem maħkum mix-xitan. 33 Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: "Ħaġa bħal din qatt ma dehret f'Iżrael!" 34 Imma l-Fariżej qalu: "Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten."
Ġesù jħoss għan-nies [Mt. 9:35-37]
35 Ġesù dar l-ibliet u l-irħula kollha jgħallem fis-sinagogi, jxandar il-Bxara t-tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta' mard u 'l kull min kien nieqes minn saħħtu. 36 Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. 37Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: "Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. 38 Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu."
Ġesù jagħżel it-Tnax [Mt. 10:1-4]
(Mk 3, 13-19; Lq 6, 12-16)
10. 1 Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejjqu kull xorta ta' mard u 'l kull min kien nieqes minn saħħtu.
2 L-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, igħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta' Żebedew, u ħuh Ġwanni, 3 Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta' Alfew, u Taddew, 4 Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.
Il-missjoni tat-Tnax [Mt. 10:5-15]
(Mk 6, 7-13; Lq 9, 1-6)
5 Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b'dawn l-ordnijiet: "Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f'belt tas-Samaritani; 6 imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta' Iżrael. 7 Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. 8 Fejjqu l-morda, qajjmu l-mejtin, fejjqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten. B'xejn ħadtu, b'xejn agħtu. 9 Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; 10u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. 11 Fil-bejt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f'daru sa ma titilqu minn hemm. 12 Meta tidħlu f'dar, sellmu lin-nies tagħha, 13 u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa' lura għandkom is-sliem tagħkom. 14 Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu 'l barra minn dik id-dar jew belt u farfru t-trab ta' saqajkom. 15 Tassew, ngħidilkom, li jum il-ħaqq ikun eħfef għal Sodoma u Gomorra milli għal dik il-belt.
Id-dixxipli ta' Ġesù jkunu ppersegwitati [Mt. 10:16-25]
(Mk 13, 9-13; Lq 21, 12-27)
16 "Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem. 17 Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f'idejn il-qrati u jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom; 18 itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani. 19 Iżda meta jerħukom f'idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x'se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu. 20Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta' Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom. 21 L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. 22 U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. Imma min jibqa' jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva. 23 Jekk jippersegwitawkom f'belt, aħarbu f'oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta' Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem.
24 "Ma hemmx dixxiplu aqwa mill-imgħallem, anqas ilsir aqwa minn sidu. 25Biżżejjed għad-dixxiplu jekk joħroġ jixbah lill-imgħallem tiegħu u l-ilsir lil sidu. Jekk lil sid id-dar tawh il-laqam ta' Begħelżebul, kemm aktar lin-nies ta' daru!
Minn min għandkom tibżgħu [Mt. 10:26-31]
(Lq 12, 2-9)
26 "Għalhekk la tibżgħux minnhom. Għax xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. 27 Dak li jien ngħidilkom fid-dlam għiduh fid-dawl, u dak li ngħidilkom f'widnejkom xandruh minn fuq il-bjut. 28 U tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jista' jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern. 29 Żewġ għasafar tal-bejt m'hux b'ċenteżmu jinbiegħu? U b'danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqa' fl-art mingħajr ir-rieda ta' missierkom. 30 Intom imbagħad sa x-xagħar ta' raskom, kollu hu magħdud. 31 Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.
Id-dixxiplu jistqarr li hu ma' Ġesù [Mt. 10:32-33]
(Lq 12, 8-9)
32 "Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet. 33 Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien ukoll niċħad lilu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.
Mhux il-paċi, imma s-sejf [Mt. 10:34-39]
(Lq 12, 51-53; 14, 26-27)
34 "Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. 35 Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; 36 u l-bniedem ikollu n-nies ta' daru stess għedewwa tiegħu. 37 Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. 38 U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. 39 Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.
Il-ħlas tal-bniedem ġust [Mt. 10:40-42]
(Mk 9, 41)
40 "Min jilqa' lilkom ikun jilqa' lili, u min jilqa' lili jkun jilqa' lil dak li bagħatni. 41 Min jilqa' profeta għax hu profeta, ħlas ta' profeta jieħu; u min jilqa' bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta' wieħed ġust jieħu. 42 U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu."
Il-messaġġiera ta' Ġwanni l-Battista [Mt. 11:1-19]
(Lq 7, 18-35)
11. 1 Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jgħallem u jippriedka fl-ibliet tagħhom.
2 Ġwanni, li kien fil-ħabs sema' bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu 3 u qallu: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" 4 Ġesù wieġeb u qalilhom: "Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li tisimgħu u taraw: 5 l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, t-torox jisimgħu, l-mejtin iqumu, l-Bxara t-tajba titħabbar lill-foqra. 6 Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!" 7 Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? 8 Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. 9 Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. 10 Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi,
biex iħejji triqtek quddiemek.’
11 Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. 12Minn żmien Ġwanni l-Battista sallum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. 13 Għax il-Profeti kollha, kif ukoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, 14 u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi. 15 Min għandu widnejn ħa jisma’!
16 "Imma ma' min se nxebbhu dan in-nisel? Jixzbah lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazez jgħajtu lil sħabhom 17 u jgħidu:
'Daqqejnielkom il-flawt,
u ma żfintux,
għannejnielkom in-niket,
u ma bkejtux!'
18 Għax tassew, ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu, 'Għandu fih xitan.' 19 Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin.' Imma l-għerf ta' Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess."
Saħta fuq il-bliet li ma nidmux [Mt. 11:20-24]
(Lq 10, 13-15)
20 Ġesù mbagħad qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom: 21 "Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies ta' l-ixkejjer u l-irmied. 22 Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. 23 U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħ nett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f'Sodoma, kieku għadha wieqfa sallum. 24 Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta' Sodoma milli għalik."
Ejjew għandi, u jiena nserraħkom [Mt. 11:25-30]
(Lq 10, 21-22)
25 F'dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. 26 Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok.
27 "Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
28 "Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. 29 Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta' qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. 30 Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif."
Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt [Mt. 12:1-8]
(Mk 2, 23-28; Lq 6, 1-5)
12. 1 Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa d-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh. 2 Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: "Ara, d-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt." 3 U hu qalilhom: "Ma qrajtux x'għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu? 4 Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta' Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss? 5 Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta' Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu? 6 Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju. 7 Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju', ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija. 8 Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt."
Ir-raġel b'idu niexfa [Mt. 12:9-14]
(Mk 3, 1-6; Lq 6, 6-11)
9 Telaq minn hemm u baqa' sejjer fis-sinagoga tagħhom. 10 U hemmhekk kien hemm raġel li kellu idu niexfa. Huma, biex ikollhom fuqiex jixluh, staqsewh: "Jiswa li wieħed ifejjaq nhar ta' Sibt?" 11 Iżda hu qalilhom: "Min minnkom ikollu nagħġa u taqagħlu f'ħofra s-Sibt, ma jmurx jaqbad u jtellagħha? 12 Imma kemm jiswa bniedem aktar minn nagħġa? Mela jiswa nhar ta' Sibt tagħmel il-ġid." 13 Mbagħad qal lir-raġel: "Midd idek." Dak medd idu, u reġgħet ġietu qawwija u sħiħa bħall-oħra. 14U l-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra tiegħu, kif se jeqirduh.
Il-'Qaddej tal-Mulej' [Mt. 12:15-21]
15 Iżda Ġesù sar jaf b'dan, telaq minn hemm, u ħafna nies marru warajh. Hu fejjaq lil kulħadd, 16 u kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, 17 biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
18 'Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart,
il-Għażiż tiegħi li bih rtuħi tgħaxxqet!
Jiena nqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu,
U hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.
19 Ma jiksirha ma' ħadd, ma jgħollix leħnu,
u ħadd ma jisma’ leħnu fil-pjazez.
20 Qasba mġelġla ma jiksirhiex,
u musbieħ inemnem ma jitfihx,
sa ma jkun ġieb ir-rebħa tal-ġustizzja;
21 u f'ismu jittamaw il-ġnus.'
Ġesù u Begħelżebul [Mt. 12:22-32]
(Mk 3, 20-30; Lq 11, 14-23; 12, 10)
22 Mbagħad ġibulu quddiemu wieħed agħma u mbikkem maħkum mix-xitan, u hu fejjqu, hekk li l-imbikkem qabad jitkellem u jara. 23 In-nies kollha stagħġbu u bdew jgħidu: "Dan Bin David, tgħid?" 24 Imma l-Fariżej, meta semgħu hekk qalu: "Dan mhux ħlief bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-Prinċep tax-xjaten, li qiegħed ikeċċi x-xjaten." 25 Iżda hu għaraf ħsibijiethom u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u kull belt jew familja maqsuma fiha nfisha ma tistax iżżomm wieqfa. 26 Mela jekk ix-xitan ikeċċi x-xitan, iġib firda fih innifsu; għalhekk kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? 27 U jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta' min qegħdin ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. 28 Iżda jekk jien qiegħed inkeċċi x-xjaten bl-Ispirtu ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla. 29 Jew kif jista' wieħed jidħol fid-dar ta' bniedem b'saħħtu u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabtu? U hekk imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. 30 Min mhuwiex miegħi, huwa kontra tiegħi; u min ma jiġborx miegħi, ixerred. 31 Għalhekk ngħidilkom li d-dnubiet kollha u d-dagħa kollu jinħafrilhom lill-bnedmin, imma d-dagħwa kontra l-Ispirtu ma tinħafirx. 32 U jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu s-Santu ma jkollux maħfra, la f'din id-dinja u lanqas f'li ġejja."
Mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm [Mt. 12:33-37]
(Lq 6, 43-45)
33 "Intom tgħidu li siġra hi tajba jekk tagħmel frott tajjeb, u tgħidu li hi ħażina jekk tagħmel frott ħażin; għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf. 34 Ja nisel il-lifgħat, kif tistgħu titkellmu tajjeb meta intom ħżiena? Għax mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm. 35 Il-bniedem tajjeb joħroġ ħwejjeġ tajba mill-ħażna tat-tajjeb tiegħu; imma l-bniedem ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena mill-ħażna tal-ħażen tiegħu. 36 U ngħidilkom li l-bnedmin f'jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta' kull kelma fiergħa li jkunu qalu, 37 għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat."
Nisel ħażin irid sinjal [Mt. 12:38-42]
(Mk 8, 11-12; Lq 11, 29-32)
38 Mbagħad xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej qabdu u qalulu: "Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek!" 39 Iżda hu weġibhom: "Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona. 40 Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f'żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba ta' l-art. 41 F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw, hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona! 42 F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah, għax hi ġiet mit-truf ta' l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw, hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun!
L-ispirtu ħażin iħabbat lill-bniedem [Mt. 12:43-45]
(Lq 11, 24-26)
43 "Meta l-ispirtu ħażin joħroġ mill-bniedem, huwa jmur jiġġerra f'art niexfa jfittex il-mistrieħ, u ma jsibu mkien. 44 Imbagħad jgħid, 'Mela nerġa' lura lejn dari mnejn ħriġt.' U, xħin jiġi, jsibha battala u miknusa, kollox f'postu. 45 Imbagħad imur iġib miegħu seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta' qabel. Hekk għad jiġrilu dan in-nisel ħażin."
Omm Ġesù u ħutu [Mt. 12:46-50]
(MK 3, 31-35; Lq 8, 19-21)
46 Kif kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. 47 Xi ħadd qallu: "Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk." 48Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: "Min hi ommi? U min huma ħuti?" 49Mbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: "Dawn, araw, huma ommi u ħuti. 50Għax kull min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi."
Daħla [Mt. 13:1-3a]
(Mk 4, 1-2; Lq 8, 4)
13. 1 Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f'xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. 2 U nġabru madwaru folol hekk kbar ta' nies li kellu jitla' fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, 3 u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
Il-parabbola taż-żerriegħ [Mt. 13:3b-9]
(Mk 4, 3-9; Lq 8, 5-8)
U qalilhom: "Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra'. 4 Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. 5 Oħrajn waqgħu f'art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; 6iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. 7 Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. 8 Imma oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. 9 Min għandu widnejn, ħa jisma'!"
L-iskop tal-parabboli [Mt. 13:10-17]
(Mk 4, 10-12. 25; Lq 7, 9-10)
10 Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: "Għaliex tkellimhom bil-parabboli?" 11 Hu weġibhom: "Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. 12 Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. 13 Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. 14 U hekk isseħħ fihom il-profezija ta' Isaija li tgħid,
‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
15 Għax il-qalb ta' dan il-poplu twebbset:
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom,
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom.’
16 "Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. 17 Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ [Mt. 13:18-23]
(Mk 4, 13-20; Lq 8, 11-15)
18 "Mela isimgħuha intom il-parabbola ta' dak li ħareġ jiżra'. 19 Kull min jisma' l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera' f'qalbu: dan huwa dak li nżera' mal-mogħdija. 20 Dak li nżera' f'art kollha blat huwa dak li jisma' l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; 21 imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. 22 Dak li nżera' qalb ix-xewk huwa dak li jisma' l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta' l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. 23 Dak imbagħad li nżera' f'art tajba huwa dak li jisma' l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin."
Il-parabbola tas-sikrana [Mt. 13:24-30]
24 Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara' żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. 25 Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żera' s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. 26 Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. 27 Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu, 'Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?' 28 Iżda hu qalilhom, 'Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi.' 'Tridx immorru niġbruha?' qalulu l-qaddejja. 29 'Le,' qalilhom, 'għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. 30 Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: 'Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi.'"
Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda [Mt. 13:31-32]
(Mk 4,k 30-32; Lq 13, 18-19)
31 Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. 32 Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar ta' l-ajru jiġu jbejjtu fil-friegħi tagħha."
Il-parabbola tal-ħmira [Mt. 13:33]
(Lq 13, 20-21)
33 Qalilhom parabbola oħra: "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha."
L-użu tal-parabboli [Mt. 13:34-35]
(MK 4, 33-34)
34 Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, 35 biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:
‘Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ
moħbija sa mit-twaqqif tad-dinja.’
Ġesù jfisser il-parabbola tas-sikrana [Mt. 13:36]
36 Imbagħad ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: "Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa." 37 U weġibhom: "Dak li jiżra' ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. 38 L-għalqa hija d-dinja; ż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, 39 u l-għadu li żeragħha huwa x-xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. 40 Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. 41 Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kull ma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, 42 u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. 43 Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta' Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma'!
Il-parabbola tat-teżor moħbi [Mt. 13:44]
44 "Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f'għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Il-parabbola tal-ġawhra [Mt. 13:45-46]
45 "Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; 46meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Il-parabbola tax-xibka [Mt. 13:47-50]
47 "Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li taqbad minn kull ġens ta’ ħut. 48 Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. 49 Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, 50 u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Il-qadim u l-ġdid [Mt. 13:51-52]
51 "Kollu fhimtuh dan?" "Iva," qalulu. 52 U hu qalilhom: "Għalhekk kull kittieb, li jitgħallem fis-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil sid id-dar li joħroġ mill-ħażna tiegħu ħwejjeġ ġodda u ħwejjeġ qodma."
In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù [Mt. 13:53-58]
(Mk 6, 1-6; Lq 4, 16-30)
53 Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm. 54 U ġie pajjiżu u beda jgħallem fis-sinagoga tagħhom, u stagħġbu u bdew jgħidu: "Mnejn ġieb dan l-għerf u din il-qawwa tal-għaġeb? 55 Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? 56 U ħutu l-bniet mhumiex kollha magħna? Mnejn mela ġieh dan kollu?" 57 U tfixklu minħabba fih. Imma Ġesù qalilhom: "Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f'pajjiżu u daru stess." 58 U hemmhekk ma għamilx ħafna mirakli minħabba n-nuqqas ta' fidi tagħhom.
Il-martirju ta' Ġwanni l-Battista [Mt. 14:1-12]
(Mk 6, 14-29; Lq 9, 7-9)
14. 1 Kien dik il-ħabta li Erodi t-tetrarka sema' bil-fama ta' Ġesù, 2 u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: "Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f'hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!" 3 Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu. 4 Għax Ġwanni kien jgħidlu: "Inti lil dik ma tistax iżżommha." 5 Ried kieku joqtlu, imma kien jibża' min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta. 6 Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi; 7 għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kull ma titolbu. 8 U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: "Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt." 9 Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha. 10 U bagħat jaqta' ras Ġwanni fil-ħabs. 11 U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha. 12 Mbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.
Ġesù jitma' ħamest elef ruħ [Mt. 14:13-21]
(Mk 6, 30-34; Lq 9, 10-17; Ġw 6, 1-13)
13 Meta sema' l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f'post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. 14 Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta' nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom. 15 Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: "Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x'jieklu." 16 Imma Ġesù qalilhom: "Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x'jieklu." 17 U huma qalulu: "Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet." 18 "Ġibuhomli hawn," qalilhom. 19 Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refa' għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. 20 U kulħadd kiel u xaba', u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. 21 U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.
Ġesù jimxi fuq l-ilma [Mt. 14:22-33]
(Mk 6, 45-52; Ġw 6, 15-21)
22 U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. 23 Wara li bagħat lin-nies, tela' waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; 24 id-dgħajsa kienet diġà f'nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. 25 Fir-raba' sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. 26 Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. "Dan xi fantażma !" qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża'. 27 Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: "Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!" 28 Wieġeb Pietru u qallu: "Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma." 29 "Ejja," qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. 30 Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, beża', ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: "Salvani, Mulej!" 31 Malajr Ġesù medd idu u qabdu: "Bniedem ta' fidi żgħira," qallu, "għaliex iddubitajt?" 32 Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. 33 Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu quddiemu u qalulu: "Tassew, int Bin Alla!"
Ġesù jfejjaq il-morda f'Ġennesaret [Mt. 14:34-36]
(Mk 6, 53-56)
34 Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta' Ġennesaret. 35 In-nies ta' hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma' dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha 36 u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.
It-tradizzjonijiet ta' l-antenati [Mt. 15:1-9]
(Mk 7, 1-13)
15. 1 Imbagħad xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: 2 "Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijiethom? Għax ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu." 3 Ġesù wieġeb u qalilhom: "U intom l-għala tiksru l-kmandamenti ta' Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom? 4 Għax Alla qal, 'Weġġaħ lil missierek u 'l ommok,' u 'min iżeblaħ lil missieru jew 'l ommu, jieħu l-mewt.' 5 Imma intom tgħidu, 'Jekk wieħed jgħid lil missieru jew 'l ommu, 'il-ġid li għandi, li jista' jkun ta' għajnuna għalik, huwa offerta lil Alla,' 6 dak ma jkunx iżjed marbut li jweġġaħ lil missieru.' U hekk iġġibu fix-xejn il-liġi ta' Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom. 7 Uċuħ b'oħra, sewwa ħabbar Isaija fuqkom meta qal,
8 'Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,
Imma qalbhom hija ’l bogħod minni,
9 Fiergħa hija l-qima li jagħtuni;
jgħallmu dottrina
li mhix għajr preċetti tal-bnedmin.’ "
X'inhu li jtebba' lill-bniedem [Mt. 15:10-20]
(Mk 7, 14-23)
10 Imbagħad sejjaħ lin-nies lejh u qalilhom: "Isimgħuni u ifhmuni! 11 Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba' lill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba' lill-bniedem." 12 Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: "Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?" 13 Iżda hu weġibhom: "Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala' mill-għeruq. 14 Ħalluhom: dawk għomja mexxejja ta' l-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra." 15 Qabeż Pietru u qallu: "Fissirhielna din il-parabbola." 16 Qallu Ġesù: "Intom ukoll għadkom s'issa bla moħħ? 17 Ma tifhmux li kull ma jidħol fil-fomm jibqa' sejjer fl-istonku biex imbagħad jintrema fil-ħofra? 18 Imma dak li joħroġ mill-fomm joħroġ mill-qalb, u dan hu li jtebba' lill-bniedem. 19 Għax mill-qalb joħorġu ħsibijiet ħżiena, qtil, adulterji, żína, serq, xhieda qarrieqa, dagħa. 20 Dawn huma li jtebbgħu lill-bniedem. Imma li wieħed jiekol b'idejh mhumiex maħsula, dan ma jtebbax lill-bniedem."
Il-fidi tal-mara Kangħanija [Mt. 15:21-28]
(Mk 7, 24-30)
21 Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. 22 U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: "Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna?" 23 Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: "Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna." 24 Imma hu qalilhom: "Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-ngħaġ li ntilfu mid-dar ta' Iżrael." 25 Iżda hi resqet, nxteħtet quddiemu u qaltlu: "Għinni, Mulej?" 26 Hu weġibha: "Mhux sewwa tieħu l-ħobż ta' l-ulied u tixħtu lill-ġriewi." 27 "Hekk hu, Mulej," qaltlu ;"iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa' minn fuq il-mejda ta' sidienhom!" 28Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: "Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq." U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.
Ġesù jfejjaq lil ħafna [Mt. 15:29-31]
29 Ġesù baqa' għaddej minn hemm u mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala' fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm. 30 U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta' nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, mmankati, mbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f'riġlejh, u hu fejjaqhom, 31 hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-immankati qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta' Iżrael.
Ġesù jitma' erbat elef [Mt. 15:32-39]
(Mk 8, 1-10)
32 Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x'jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq." 33 Qalulu d-dixxipli: "F'deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?" 34 "Xi kemm għandkom ħobż?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir." 35Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, 36 ħa s-seba' ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies. 37 U kulħadd kiel u xaba'; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija. 38 U kienu erbat elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal. 39 Imbagħad bagħat in-nies, tela' fuq id-dgħajsa, u mar lejn l-inħawi ta' Magadan.
Il-Fariżej u s-Sadduċej jitolbu sinjal [Mt. 16:1-4]
(Mk 8, 11-13; Lq 12, 54-56)
16. 1 Resqu lejh il-Fariżej u s-Sadduċej u, biex iġarrbuh, talbuh jurihom sinjal mis-sema. 2 Hu weġibhom: "Meta jasal il-ħin ta' filgħaxija intom tgħidu, 'Temp tajjeb se jkollna, għax is-sema ħamrani.' 3 Iżda mas-sebħ tgħidu, 'Temp imqalleb illum, għax is-sema ħamrani u msaħħab.' Jiġifieri, wiċċ is-sema tafu tfissruh, imma għas-sinjali taż-żminijiet ma tinqalgħux. 4 Sinjal jitolbu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak ta' Ġona." U ħalliehom b'hekk u telaq.
Il-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej [Mt. 16:5-12]
(Mk 8, 14-21)
5 Huma u jaqsmu għax-xatt l-ieħor id-dixxipli raw li ma kinux ħadu ħobż magħhom. 6 Ġesù qalilhom: "Iftħu għajnejkom u ilqgħu ruħkom mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej !" 7 Huma bdew jaħsbu u jgħidu bejniethom: "Dan għax ma ġibniex ħobż." 8 Iżda Ġesù nduna u qalilhom: "Ja nies ta' fidi żgħira, x'intom tgħidu bejnietkom fuq li ma għandkomx ħobż? 9 Għadkom ma ntbaħtux? Ma tiftakrux fil-ħames ħobżiet għal ħamest elef ruħ u kemm qfief ġbartu? 10 Anqas fis-seba' ħobżiet għal erbat elef ruħ u kemm qfief ġbartu? 11 Imma kif ma ntbaħtux li jien mhux għall-ħobż għedtilkom? Mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej ilqgħu ruħkom !" 12Mbagħad fehmu li hu qalilhom biex jilqgħu ruħhom mhux mill-ħmira tal-ħobż, imma mit-tagħlim tal-Fariżej u s-Sadduċej.
Stqarrija tal-fidi minn Pietru u l-primat tiegħu [Mt. 16:13-20]
(Mk 8, 27-30 ; Lq 9, 18-21)
13 Meta wasal fl-inħawi ta' Ċesarija ta' Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?" 14 U huma weġbuh: "Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti." 15 Imma intom min tgħidu li jien?" staqsiehom. 16 U qabeż Xmun Pietru u qallu: "Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj." 17 U Ġesù wieġbu u qallu: "Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. 18 U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta' l-infern ma jegħlbuhiex. 19 Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet." 20 Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li huwa l-Messija.
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta' Ġesù [Mt. 16:21-28]
(Mk 8, 31-9,1 ; Lq 9, 22-27)
21 Minn dak inhar Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum. 22 Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: "Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik !" 23 Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: "Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m'intix tqis il-ħwejjeġ ta' Alla, imma qiegħed taħsibha ta' bniedem li int !" 24 Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja. 25 Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. 26 Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? 27 Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta' Missieru flimkien ma' l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel. 28 Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu."
It-Trasfigurazzjoni [Mt. 17:1-13]
(Mk 9, 2-13; Lq 9, 28-36)
17. 1 Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u 'l Ġakbu u 'l ħuh Ġwanni weħidhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, 2 u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. 3 U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. 4 Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: "Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella' hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." 5 Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu." 6 Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża'. 7 Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: "Qumu, la tibżgħux." 8 Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
9 Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: "Tgħidu lil ħadd b'din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet." 10 U d-dixxipli staqsewh: "Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?" 11 Hu weġibhom: "Elija jiġi, iva, u jerġa' jqiegħed kollox f'postu. 12 Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom." 13 Mbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.
Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan [Mt. 17:14-21]
(Mk 9, 14-29; Lq 9, 37-43a)
14 Meta reġgħu ġew ħdejn in-nies, resaq fuqu wieħed raġel niżel għarkubbtejh quddiemu 15 u qallu: "Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax marid b'tal-qamar u qiegħed ibati ħafna; għax sikwit jaqa' jew fin-nar jew fl-ilma. 16 Ġibtu lid-dixxipli tiegħek, iżda ma setgħux ifejjquh." 17 Wieġeb Ġesù u qal: "Ja nies ħżiena u bla fidi, kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn." 18Imbagħad Ġesù hedded bis-sħiħ lix-xitan, u dan ħareġ minnu, u minn dak il-ħin stess it-tifel fieq. 19 Wara mbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù għalihom weħidhom u qalulu: "L-għala aħna ma rnexxilniex inkeċċuh?" 20 U hu qalilhom: "Minħabba l-fidi żgħira tagħkom! Għax tassew, ngħidilkom, li kieku għandkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din il-muntanja, 'Warrab minn hawn u mur hemm', u hi kienet twarrab; u ma jkun hemm xejn għalikom li ma jistax isir." 21 [Imma dan il-ġens ma joħroġx ħlief bit-talb u s-sawm].
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta' Ġesù [Mt. 17:22-23]
(Mk 9, 30-32; Lq 9, 43b-45)
22 Meta darba kienu flimkien fil-Galilija, Ġesù qalilhom: "Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin 23 u joqtluh, u fit-tielet jum iqum." U huma sewwdu qalbhom ħafna.
Il-ħlas tat-taxxa għat-tempju [Mt. 17:24-27]
24 Reġgħu daħlu Kafarnahum, u resqu fuq Pietru dawk li jiġbru t-taxxa għat-tempju, u qalulu: "L-imgħallem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa?" 25 Wieġeb: "Iva!" Meta daħal id-dar, Ġesù, bla ma ħallieh jitkellem, staqsieh: "Int x'jidhirlek, Xmun? Is-slaten ta' l-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand is-sudditi jew mingħand il-barranin?" 26 "Mingħand il-barranin?" wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: "Mela s-sudditi meħlusa minnha. 27 Iżda, biex ma tkun ta' ebda skandlu għalihom, asal wasla sal-baħar, ixħet ix-xlief u, l-ewwel ħuta li ttella', aqbadha, iftħilha ħalqha, u għandek issib stater; ħudu minn hemm u mur agħtih lilhom għalija u għalik."
Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet [Mt. 18:1-5]
(Mk 9, 33-37; Lq 9, 46-48)
18. 1 F'dak il-waqt resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: "Mela min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet?" 2 Hu sejjaħ lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom 3 u qalilhom: "Tassew, ngħidilkom, li jekk intom ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. 4 U għalhekk l-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir. 5 U kull min jilqa' tfajjel bħal dan minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili.
L-iskandlu [Mt. 18:6-11]
(Mk 9, 42-48; Lq 17, 1-2)
6 "Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma' għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f'qiegħ ta' baħar. 7 Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieġ li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli. 8 Jekk idek jew sieqek hija għalik okkażjoni ta' dnub, aqtagħha barra u armiha 'l bogħod minnek; jaħbatlek aħjar li tidħol b'id waħda jew b'sieq waħda fil-ħajja, milli tkun mixħut b'idejk it-tnejn jew b'saqajk it-tnejn fin-nar ta' dejjem. 9 U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqlagħha barra u armiha 'l bogħod minnek; jaħbatlek aħjar li tidħol b'għajn waħda fil-ħajja, milli tinxteħet b'għajnejk it-tnejn fin-nar ta' l-infern.
10 "Araw li ma tonqsux mill-istima lejn xi wieħed minn dawn iż-żgħar; 11għax, ngħidilkom, l-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.
In-nagħġa l-mitlufa [Mt. 18:12-14]
(Lq 15, 3-7)
12 "Intom x'jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq il-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? 13 U jekk jirnexxilu jsibha, tassew, ngħidilkom, jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfulu. 14 Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar.
Meta ħuk jidneb [Mt. 18:15-20]
(Lq 17, 3)
15 "Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma' minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. 16 Jekk ma jismax, erġa' mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta' żewġ xhieda jew tlieta. 17 Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma', mur għid lill-ġemgħa. U jekk anqas mill-ġemgħa ma jkun irid jisma', żommu b'wieħed pagan u pubblikan.
18 Tassew, ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. 19 Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet jagħtihielhom. 20 Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien f'nofshom.
Il-parabbola tal-qaddej li ma jaħfirx [Mt. 18:21-35]
21 Imbagħad Pietru resaq lejh u qallu: "Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba' darbiet?" 22 "Ma ngħidlikx sa seba' darbiet," wieġbu Ġesù, "imma sa sebgħa u sebgħin darba. 23 Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma' wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. 24 Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. 25 Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, s-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b'hekk jitħallas id-dejn. 26 Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, 'Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.' 27 Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu. 28 Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa' ma' wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. 'Ħallas dejnek,' qallu. 29 Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, 'Stabar ftit bija u nħallsek.' 30 Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. 31 Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara. 32 Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, 'Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, 33 ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?' 34 U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f'idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti. 35 Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom."
Id-divorzju [Mt. 19:1-12]
(Mk 10, 1-12; Lq 16, 18)
19. 1 Kif temm dan id-diskors, Ġesù telaq mill-Galilija u mar il-Lhudija, fl-inħawi 'l hemm mill-Ġordan. 2 Folol kbar ta' nies marru warajh, u hu fejjaqhom hemmhekk. 3 U resqu fuqu xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: "Jista' wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?" 4 Iżda hu qalilhom: "Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, 5 u qal, 'Minħabba f'hekk raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed'? 6 Għalhekk m'humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem." 7 Qalulu: "Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?" 8 Qalilhom: "Kien minħabba l-ebusija ta' qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu. 9 U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu - barra l-każ ta' rabta ħażina magħha - u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju." 10Qalulu d-dixxipli: "Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ." 11 Iżda hu qalilhom: "Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. 12 Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista' jifhem, jifhem?"
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar [Mt. 19:13-15]
(Mk 10, 13-16; Lq 18, 15-17)
13 Imbagħad ressqulu quddiemu xi tfal żgħar biex iqiegħed idejh fuqhom u jitlob għalihom. Iżda d-dixxipli qabdu jgħajjtu magħhom. 14 U Ġesù qalilhom: "Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet." 15 Imbagħad qiegħed idejh fuqhom u telaq minn hemm.
Iż-żagħżugħ għani [Mt. 19:16-30]
(Mk 10, 17-31; Lq 18, 18-30)
16 Resaq wieħed fuqu u qallu: "Mgħallem, x'għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" 17 U Ġesù qallu: "Għax tistaqsini fuq it-tajjeb? Wieħed hu t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti." 18 "Liema?" staqsieh dak. U Ġesù wieġbu: "La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, 19 weġġaħ lil missierek u 'l ommok, u ħobb lil għajrek bħalek innifsek." 20 Qallu ż-żagħżugħ: "Jiena dan kollu ħaristu; x'jonqosni iżjed?" 21 Wieġbu Ġesù: "Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajj?". 22 Iż-żagħżugħ, kif sama' dan, telaq b'qalbu sewda, għax kien għani ħafna.
23 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Tassew, ngħidilkom, li l-għonja se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet! 24 Iva, nerġa' ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet!" 25Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: "Mela min jista' jsalva?" 26Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista' jkun." 27 Imbagħad qabeż Pietru u qallu: "Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x'se nieħdu?" 28 Ġesù qalilhom: "Tassew, ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta' Iżrael. 29 U kull min iħalli 'l daru jew 'il ħutu jew 'il missieru jew 'l ommu jew 'l uliedu jew ir-raba' tiegħu minħabba f'ismi, jerġa' jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b'sehmu l-ħajja ta' dejjem. 30 U ħafna li huma ta' l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta' l-aħħar jiġu l-ewwel.
Il-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli [Mt. 20:1-16]
20. 1 "Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. 2 Ftiehem ma' xi ħaddiema b'dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. 3 Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, 4 u qalilhom, 'Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom.’ 5 U marru. Raġa' ħareġ għal xi nofs in-nhar, u mbagħad għal xi tlieta, u għamel l-istess. 6 Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ wara nofs in-nhar reġa' ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, 'Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?' 7 Qalulu, 'Għax ħadd ma qabbadna.' Qalilhom, 'Morru intom ukoll l-għalqa.' 8 Għal filgħaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, 'Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b'dawk ta' l-ewwel.' 9 Ġew dawk li daħlu għax-xogħol għal xi l-ħamsa u ħadu dinar kull wieħed. 10 Ġew ta' l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. 11 Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid 12 u jgħidu, 'Dawn ta' l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!' 13 Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, 'Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b'dinar ftehimt miegħi? 14 Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta' l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. 15 Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?' 16 Hekk ta' l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta' l-ewwel jiġu l-aħħar."
It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta' Ġesù [Mt. 20:17-19]
(Mk 10, 32-34; Lq 18, 31-33)
17 Huwa u tiela' lejn Ġerusalemm, fit-triq Ġesù sejjaħ lit-Tnax weħidhom madwaru u qalilhom: 18 "Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt, 19 jerħuh f'idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh; u fit-tielet jum iqum."
It-talba ta' omm Ġakbu u Ġwanni [Mt. 20:20-28]
(Mk 10, 35-45)
20 Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma' wliedha, u xteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa. 21 "Xi trid?" staqsieha. U hi qaltlu: "Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek." 22 U Ġesù wieġeb: "Ma tafux x'intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?" "Għandna," qalulu. 23 "Il-kalċi tiegħi," qalilhom, "tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri." 24 L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġ aħwa. 25 Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: "Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu s-setgħa tagħhom. 26 Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, 27 u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. 28 Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra."
Ġesù jfejjaq żewġ għomja [Mt. 20:29-33]
(Mk 10, 46-52; Lq 18, 35-43)
29 Huma u ħerġin minn Ġeriko marret warajh kotra kbira ta' nies. 30 Kien hemm żewġ għomja bilqiegħda mal-ġenb tat-triq, u semgħu li kien għaddej Ġesù; u qabdu jgħajtu u jgħidu: "Mulej, Bin David, ikollok ħniena minna!" 31 In-nies bdew iċanfruhom u jsikktuhom, iżda huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: "Mulej, Bin David, ikollok ħniena minna!" 32 Ġesù waqaf u sejjħilhom: "Xi triduni nagħmlilkom?" qalilhom. 33 "Li jinfetħulna għajnejna, Mulej," qalulu. 34 Ġesù tħassarhom, messilhom għajnejhom, u minnufih bdew jaraw. U baqgħu miexja warajh.
Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm [Mt. 21:1-11]
(Mk 11, 1-11; Lq 19, 28-38; Ġw 12, 12-19)
21. 1 Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli 2 u qalilhom: "Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. 3 Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh, 'Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa' jibgħathom lura.' 4Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal,
5 'Għidu lil bint Sijon:
Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek,
ġwejjed, riekeb fuq ħmara
u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija.’
6 Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; 7 ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom. 8 Għadd kbir ta' nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. 9Il-folol li kienu miexja quddiem, kif ukoll dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-għola tas-smewwiet!” 10 Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet. "Dan min hu?" bdew jgħidu. 11 U l-folol weġbuhom: "Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija."
Il-qdusija tat-tempju [Mt. 21:12-17]
(Mk 11, 15-19; Lq 19, 45-48; Ġw 2, 13-22)
12 Ġesù daħal fit-tempju, qabad ikeċċi 'l barra l-bejjiegħa u x-xerrejja kollha li kien hemm fit-tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta' dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. 13 U qalilhom: "Hemm miktub li ‘d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb.’ Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!’
14 Resqu lejh xi għomja u zopop fit-tempju, u hu fejjaqhom. 15 Il-qassisin il-kbar u l-kittieba ma felħux jissaportu meta raw l-għeġubijiet li kienu qegħdin isiru u lit-tfal fit-Tempju jgħajtu u jgħidu, 'Hosanna lil Bin David!' 16 U qalulu: "Qiegħed tisma' x'inhuma jgħidu dawn?" "Iva," qalilhom Ġesù; "qatt ma qrajtu li ‘minn fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib int ħejjejt tifħir għalik’?” 17 U ħalliehom hekk; ħareġ barra mill-belt, mar Betanja, u għadda l-lejl hemmhekk.
Is-siġra tat-tin misħuta [Mt. 21:18-22]
(Mk 11, 12-14. 20-26)
18 Filgħodu, xħin kien sejjer lura lejn il-belt, ħadu l-ġuħ. 19 Ra siġra tat-tin mal-ġenb tat-triq, mar ħdejha, u ma sabilha xejn ħlief weraq. U qalilha: "Qatt iżjed ma joħroġ frott minnek għal li ġej!" U dak il-ħin stess is-siġra nixfet. 20 Stagħġbu d-dixxipli kif raw dan, u qalu: "Ara kif nixfet f'daqqa s-siġra!" 21 Weġibhom Ġesù: "Tassew, ngħidilkom, jekk ikollkom il-fidi u ma toqogħdux titħassbu, mhux biss dak li ġara lil din is-siġra tagħmlu, iżda wkoll jekk tgħidu lil din il-muntanja, 'Inqala' u inxteħet il-baħar,' hekk isir. 22 U kull ma titolbu taqilgħuh, jekk ikollkom il-fidi."
Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù [Mt. 21:23-27]
(Mk 11, 27-33; Lq 20, 1-8)
23 Daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: "Int b'liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?" 24 U Ġesù qalilhom: "Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. 25 Il-magħmudija ta' Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?" Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema,' jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintux?' 26 U jekk ngħidulu, 'Mill-bnedmin,' nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta." 27 Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: "Ma nafux." U hu qalilhom: "Mela anqas jiena ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan.
Il-parabbola taż-żewġ ulied [Mt. 21:28-32]
28 "Intom x'jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, 'Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.' 29 U dak qallu, 'Ma rridx.' Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. 30 Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. 'Arani sejjer, sinjur,' qallu dan, u ma mar xejn. 31 Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?" "L-ewwel wieħed," weġbuh. U qalilhom Ġesù: "Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta' Alla. 32 Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx, iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u, għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.
Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa [Mt. 21:33-46]
(Mk 12, 1-12; Lq 20, 9-19)
33 "Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta' għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f'art oħra. 34 Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. 35 Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawwtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. 36 Reġa' bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess. 37Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. 'Minn ibni jistħu,' qal. 38 Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu neħduh aħna.' 39 Qabduh, xeħtuh 'il barra mill-għalqa u qatluh. 40 Issa sid l-għalqa x'jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?" 41 Qalulu: "Jeqridhom bla ħniena, ta' ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu." 42Qalilhom Ġesù: "Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li
“Il-ġebla li warrbu l-benneja
saret il-ġebla tax-xewka:
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan;
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?
43 Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta' Alla tittieħed minn għandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha. 44 U min jaqa' fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa' tgħaffġu taħtha!"
45 Meta semgħu l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed jgħid għalihom. 46 Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.
Il-parabbola tal-festa tat-tieġ [Mt. 22:1-14]
(Lq 14, 15-24)
22. 1 Ġesù raġa' qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: 2 "Is-Saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta' ibnu. 3 U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu. 4U reġa' bagħat qaddejja oħra; qalilhom, 'Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġà maqtula, u kollox lest; ejjew għall-festa.' 5Iżda dawk ma tawx każ; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, 6 u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. 7 Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom. 8Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu, 'Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta' min jistedinhom għaliha. 9 Mela morru f'salib it-toroq u sejjħu għall-festa lil kull min issibu.' 10 Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. 11 Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; 12 u qallu, 'Ħabib, dan kif dħalt hawn m'intix liebes għall-festa?' Dak tbikkem. 13Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu, 'Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh 'il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!' 14Għax ħafna huma l-imsejjħin, imma ftit il-magħżulin!"
Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi [Mt. 22:15-22]
(Mk 12, 13-17; Lq 20, 20-26)
15 Imbagħad il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b'xi kelma. 16 U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma' xi Erodjani u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. 17 Għidilna ħaġa, mela: 'Int x'jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?" 18 Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta' moħħhom, u qalilhom: "Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b'oħra? 19Uruni l-munita tat-taxxa." Urewh dinar, 20 u Ġesù staqsiehom: "Ta' min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?" 21 Qalulu: "Ta' Ċesari!" Imbagħad qalilhom: "Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." 22 Meta semgħuh jgħid hekk baqgħu mistagħġba; mbagħad telquh u marru.
Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet [Mt. 22:23-33]
(Mk 12, 18-27; Lq 20, 27-40)
23 Dakinhar resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u staqsewh: 24 "Mgħallem, Mosè qal, 'Jekk wieħed imut u ma jħallix ulied, l-armla tiegħu jkollu jiżżewwiġha ħuh, biex dan inissel ulied għal ħuh.' 25 Kellna fostna sebat aħwa; l-kbir iżżewweġ, u miet bla tfal; għalhekk ħalla l-armla tiegħu għal ħuh. 26It-tieni wieħed ġralu l-istess, u t-tielet ukoll, u hekk sas-seba' wieħed. 27 Fl-aħħar, wara kulħadd, mietet il-mara. 28 Issa din, fil-qawmien ta' l-imwiet, mart min minnhom is-sebgħa tkun? Għax ilkoll kienu ħaduha." 29 Weġibhom Ġesù: "Kemm sejrin żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta' Alla! 30 Għax fil-qawmien ta' l-imwiet in-nies la jżewġu u lanqas jiżżewwġu, imma jkunu bħall-anġli ta' Alla fis-sema. 31Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, ma qrajtux x'kien qalilkom Alla, 32'Jiena Alla ta' Abraham, u Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb'? Hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!" 33 U n-nies, meta semgħu dan, baqgħu mistagħġba ħafna bit-tagħlim tiegħu.
Il-kmandament il-kbir [Mt. 22:34-40]
(Mk 12, 28-34; Lq 10, 25-28)
34 Il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, nġabru madwaru, 35 u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: 36 "Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir fil-Liġi?" 37 Qallu Ġesù: "Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, u b'moħħok kollu.' 38 Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. 39 U t-tieni jixbhu: 'Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.' 40 Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti."
Mistoqsija dwar bin David [Mt. 22:41-46]
(Mk 12, 35-37; Lq 20, 41-44)
41 Kif kellu l-Fariżej miġbura madwaru, Ġesù staqsiehom: 42 "Intom x'jidhrilkom dwar il-Messija? Bin min hu?" "Bin David," qalulu. 43 Qalilhom: 'Mela din kif inhi li David, mnebbaħ mill-Ispirtu, isejjaħlu Sidu u jgħid,
44 'Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nkun qegħidt l-egħdewwa tiegħek
taħt riġħlejk?
45 Jekk David isejjaħlu Sidu, kif inhu ibnu?" 46 U ħadd minnhom ma kellu l-ħila jwieġbu, u minn dakinhar 'il quddiem ħadd iżjed ma ssogra jagħmillu mistoqsija oħra.
Ġesù jikkundanna lill-kittieba u l-Fariżej [Mt. 23:1-36]
(Mk 12, 38-40; Lq 11, 37-52; 20, 45-47)
23. 1 Imbagħad Ġesù kellem lin-nies u lid- dixxipli tiegħu, u qalilhom: 2 "Fuq il-katedra ta' Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. 3 Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. 4 Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b'sebagħhom il-wieħed ma jridu jħarrkuhom. 5Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatterji u jtawwlu l-ġmiemen tagħhom. 6 Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi, 7 u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejjħulhom rabbi. 8 Imma intom tħallux min isejjħilkom rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. 9 U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. 10 Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. 11 Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; 12 min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla.
13 "Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Intom tagħalqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha, u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!
15 "Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawwru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!
16 "Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu, 'Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, jkollu jrodd. 17 Boloh u għomja! X'inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb? 18 Tgħidu wkoll, 'Jekk wieħed jaħlef fuq l-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef fuq l-offerta ta' fuq l-artal, ikollu jrodd.' 19 Ja għomja! X'inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta? 20 Mela min jaħlef fuq l-artal ikun jaħlef kemm fuq l-artal u kemm fuq li jkun hemm fuqu; 21 u min jaħlef fuq is-santwarju jkun jaħlef kemm fuq is-santwarju u kemm fuq min jgħammar fih; 22 u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm fuq it-tron ta' Alla u kemm fuq min qiegħed fuqu.
23 "Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, l-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra, 24 ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad tibilgħu ġemel!
25 Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba! 26Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!
27 Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Qiskom oqbra mbajjda: minn barra jidhru sbieħ, u minn ġewwa mimlija għadam tal-mejtin u kull xorta ta' ħmieġ! 28 Hekk intom: minn barra tidhru tassew ġusti quddiem il-bnedmin, waqt li minn ġewwa kollkom ipokrisija u ħażen!
29 Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b'oħra! Intom tibnu l-oqbra lill-profeti, iżżejjnu l-monumenti tal-ġusti, 30 u tgħidu, 'Kieku konna fi żmien missirijietna ma konniex nissieħbu magħhom u nxerrdu demm il-profeti,' 31 u b'hekk weħidkom tagħtu xhieda li intom ulied il-qattiela tal-profeti! 32 Mela issa tkomplu sa l-aħħar dak li bdew missirijietkom!
33 "Ja sriep u nisel il-lifgħat, kif se taħarbu mill-kundanna ta' l-infern? 34 Jien għalhekk nibagħtilkom profeti u għorrief u kittieba, li xi wħud minnhom toqtluhom u ssallbuhom, u oħrajn issawwtuhom fis-sinagogi tagħkom u tippersegwitawhom minn belt għal oħra, 35 ħalli b'hekk taqa' fuqkom il-ħtija tad-demm tal-ġusti kollha li xtered fuq l-art, ibda minn demm Abel il-ġust sa demm Żakkarija bin Barakija, li intom qtiltuh bejn is-Santwarju u l-artal. 36 Tassew, ngħidilkom, dawn il-ħtijiet għad jaqgħu kollha fuq dan in-nisel!
Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm [Mt. 23:37-39]
(Lq 13, 34-35)
37 "Ġerusalemm, Ġerusalemm, int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla, kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! 38 Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! 39 Għax, ngħidilkom, m'intomx se terġgħu tarawni minn issa sa ma tgħidu, 'Mbierek min ġej f'isem il-Mulej!' "
Ġesù jħabbar it-tiġrif tat-tempju [Mt. 24:1-2]
(Mk 13, 1-2; Lq 21, 5-6)
24. 1 Ġesù ħareġ mit-tempju. Huwa u sejjer, id-dixxipli tiegħu resqu lejh u wrewh il-bini tat-tempju. 2 Iżda hu qalilhom: "Qegħdin tarawh dan kollu? Tassew, ngħidilkom, hawnhekk ma tibqax ġebla fuq oħra li ma tiġġarrafx!"
Il-bidu tat-tbatijiet [Mt. 24:3-28]
(Mk 13, 3-13; Lq 21, 7-19)
3 Kif kien qiegħed fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, id-dixxipli resqu jistaqsuh rasu u rashom: "Għidilna, dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u ta' tmiem id-dinja?" 4 U Ġesù weġibhom: "Araw li ħadd ma jqarraq bikom. 5 Għax għad jiġu ħafna u jgħidu 'Jien hu l-Messija,' u jqarrqu b'ħafna nies. 6 Għad tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u xnigħat ta' gwerer. Iftħu għajnejkom u titħawwdu xejn, għax dan jeħtieġ li jiġri, imma għadu mhuwiex it-tmiem. 7 Għax għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, ikun hawn ġuħ kbir, u l-art titheżheż f'ħafna bnadi. 8 Dan kollu jkun il-bidu ta' tbatija kbira. 9 Imbagħad jagħtukom f'idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f'ismi. 10 U jkun hemm ħafna li jitfixklu, li jittradixxu lil xulxin u jinbagħdu bejniethom. 11 Iqumu bosta profeti foloz u jqarrqu b'ħafna nies. 12 Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f'bosta bnedmin. 13 Imma min jibqa' jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva. 14 Din il-Bxara t-tajba tas-Saltna tixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Imbagħad jiġi t-tmiem.
15 "Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba tat-Tempju li fuqhom tkellem il-profeta Danjel - ħa jifhem min jaqra! - 16 ħa jaħarbu mbagħad lejn l-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija; 17 u min ikun fuq il-bejt, ara li ma jinżilx jieħu xi ħaġa mid-dar, 18anqas min ikun fir-raba' ma għandu jerġa' lura biex jieħu l-mantar tiegħu. 19Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! 20 Itolbu li l-ħarba tagħkom ma tiġrix fix-xitwa jew f’xi nhar ta' Sibt. 21 Għax imbagħad ikun hawn diqa kbira li mill-bidu tad-dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn. 22 U kieku dawk il-jiem ma tqassrux, l-ebda bniedem ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem tqassru. 23 Mbagħad, jekk xi ħadd jgħidilkom, 'Ara, hawn hu l-Messija,' jew, 'Hemm,' la temmnuhx. 24 Għax għad iqumu ħafna messijiet foloz u profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali kbar u għeġubijiet biex iqarrqu, jekk jista' jkun, mqar bil-maħturin. 25 Ara, għedtulkom minn qabel. 26 Jekk mela jgħidulkom, 'Ara, qiegħed barra fid-deżert,' tmorrux; 'Ara, qiegħed ġewwa fid-dar,' temmnux. 27Għax bħalma l-berqa tleħħ mil-lvant u tixħet id-dija tagħha sal-punent, hekk tkun il-miġja ta' Bin il-bniedem. 28 Fejn hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru!
Il-miġja ta' Bin il-bniedem [Mt. 24:29-31]
(Mk 13, 24-27; Lq 21, 25-28)
29 "Minnufih, wara d-diqa ta' dawk il-jiem, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-sema jitheżhżu. 30 Imbagħad jidher fis-sema s-sinjal ta' Bin il-bniedem, il-popli kollha ta' l-art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-bniedem ġej fuq is-sħab tas-sema b'qawwa u glorja kbira. 31 U hu jibgħat l-anġli tiegħu, li b'leħen qawwi ta' tromba jiġbru l-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-sema.
Tagħlima mis-siġra tat-tin [Mt. 24:32-35]
(Mk 13, 28-31; Lq 21, 29-33)
32 "Tgħallmu din il-parabbola mis-siġra tat-tin. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. 33 Hekk ukoll meta taraw dan kollu, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. 34 Tassew, ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. 35 Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.
Ħadd ma jaf il-jum u s-siegħa [Mt. 24:36-44]
(Mk 13, 32-37; Lq 17, 26-30. 34-36)
36 "Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn meta se jaslu, l-anqas l-anġli tas-sema u l-anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier waħdu. 37 Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta' Bin il-bniedem. 38 Għax kif fiż-żmien ta' qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jżewġu u jiżżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, 39 u b'xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta' Bin il-bniedem. 40Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; 41 żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. 42 Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. 43 Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f'liema siegħa tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta' daru. 44 Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin [Mt. 24:45-51]
(Lq 21, 41-48)
45 "Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? 46 Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. 47 Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. 48 Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' 49 u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, 50 sid dak il-qaddej jasal f'jum li hu ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, 51 u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies ta' wiċċ b'ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Il-parabbola ta' l-għaxar xebbiet [Mt. 25:1-13]
25. 1 "Imbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma' għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. 2 Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, 3 għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, 4 waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. 5 L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu. 6 Imbagħad f'nofs ta' lejl instama' min jgħajjat, 'Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!' 7 Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. 8 Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, 'Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.' 9 Qabżu l-għaqlin u qalu, 'Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.' 10 Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. 11 Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, 'Mulej, Mulej, iftħilna!' 12 Iżda hu weġibhom u qal, 'Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.' 13 Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.
Il-parabbola tat-talenti [Mt. 25:14-30]
(Lq 19, 11-27)
14 "Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f'idejhom. 15 Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer. 16 Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala' ħamsa oħra. 17 Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala' tnejn oħra. 18 Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. 19 Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa' lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. 20 Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. 'Sinjur,' qallu, 'ħames talenti ħallejtli f'idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.' 21 Qallu s-sinjur, 'Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna; idħol fl-hena ta' sidek.' 22 Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, 'Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f'idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.' 23 Qallu s-sinjur, 'Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdalek ħafna; idħol fl-hena ta' sidek.' 24 Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, 'Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. 25 Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. 'Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.' 26 Qabeż is-sinjur u qallu, 'Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. 27 Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. 28 Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. 29 Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. 30 U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Il-ħaqq mill-popli [Mt. 24:31-46]
31 "Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. 32 U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: 33 in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug. 34 Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta' fuq il-lemin tiegħu, 'Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b'wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. 35 Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, 36 kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.' 37 imbagħad iweġbuh il-ġusti, 'Mulej', jgħidulu, 'meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? 38Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? 39 Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?' 40 U s-Sultan iweġibhom u jgħid, 'Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.'
41 Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta' fuq ix-xellug, 'Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta' dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli sħabu. 42 Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, 43 kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni! 44 Imbagħad huma wkoll iweġbuh, 'Mulej,' jgħidulu, 'meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?' 45 Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, 'Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma' wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.' 46 U dawn imorru fit-tbatija ta' dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta' dejjem.
Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù [Mt. 26:1-5]
(Mk 14, 1-2; Lq 22, 1-2; Ġw 11, 45-53)
26. 1 Meta temm dawn id-diskorsi kollha, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 2 "Tafu li jumejn oħra jkun il-Għid, u Bin il-bniedem se jingħata biex isallbuh." 3 Imbagħad il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu nġabru fil-palazz tal-qassis il-kbir, li kien jismu Kajfa, 4 u bdew jiftiehmu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta' moħħhom u jagħtuh il-mewt. 5Iżda qalu: "Mhux fil-festa, li ma tinqalax xi rewwixta fil-poplu."
Ġesù midluk f'Betanja [Mt. 26:6-13]
(Mk 14, 3-9; Ġw 12, 1-8)
6 Ġesù kien Betanja, għand Xmun l-Imġiddem. 7 U resqet lejh mara, b'vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ, jiswa ħafna, u ferrgħethulu fuq rasu xħin hu kien għadu fuq il-mejda. 8 Id-dixxipli, kif raw dan, bdew jitmasħnu u jgħidu: "Dan il-ħala kollu għalfejn? 9 Dan seta' jġib prezz tajjeb u jingħata karità lill-foqra." 10 Ġesù nduna u qalilhom: "Għaliex qegħdin iddejjquha lil din il-mara? Ħaġa tajba għamlet miegħi. 11Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, imma lili mhux se ssibuni dejjem magħkom. 12Jekk hija xerrdet din il-fwieħa fuq ġismi, dan għamlitu bi tħejjija għad-difna tiegħi. 13 Tassew, ngħidilkom, li kull fejn tixxandar din il-Bxara t-tajba fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b'tifkira tagħha."
It-tradiment ta' Ġuda [Mt. 26:14-16]
(Mk 14, 10-11; Lq 22, 3-6)
14 Imbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar 15 u qalilhom: "Xi tridu tagħtuni, u jiena nagħtikom lil Ġesù f'idejkom?" U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. 16 Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.
Ġesù jagħmel l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli [Mt. 26:17-25]
(Mk 14, 12-21; Lq 22, 7-14. 21-23; Ġw 13, 21-30)
17 Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: "Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta' l-Għid?" 18 U hu qalilhom: "Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, 'Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla ta' l-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.' " 19 Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta' l-Għid. 20 Għall-ħin ta' filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, 21 u waqt l-ikel qal: "Tassew, ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini." 22 Huma bdew isewwdu qalbhom ħafna, u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: "Jaqaw jien, Mulej?" 23 U Ġesù weġibhom: "Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. 24 Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!" 25 Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: "Jaqaw jien, Rabbi?" Wieġbu Ġesù: "Int stess qiegħed tgħidu."
Il-twaqqif ta' l-Ewkaristija [Mt. 26:26-29]
(Mk 14, 22-26; Lq 22, 15-20; 1 Kor 11, 23-25)
26 Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: "Ħudu, kulu, dan hu ġismi." 27 Imbagħad ħa l-kalċi f'idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: "Ixorbu lkoll minnu, 28 għax dan huwa demmi, d-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. 29 Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta' Missieri."
It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru [Mt. 26:30-35]
(Mk 14, 27-31; Lq 22, 31-34; Ġw 13, 36-38)
30 Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. 31 Imbagħad Ġesù qalilhom: "Ilkoll kemm intom se titħawwdu minħabba fija f'dan il-lejl; għax hemm miktub, ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-ngħaġ tal-merħla jirferrxu.’ 32 Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom." 33 Qabeż Pietru u qallu: "Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt." 34 Qallu Ġesù: "Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet." 35 Qallu Pietru: "Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek?" U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani [Mt. 26:36-46]
(Mk 14, 32-42; Lq 22, 39-46)
36 Imbagħad Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, wasal f'qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli: "Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob." 37 U ħa miegħu lil Pietru u ż-żewġ ulied ta' Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq. 38 Imbagħad qalilhom: "Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi." 39 Mexa kemmxejn 'il quddiem, nxteħet wiċċu fl-art jitlob, u qal: "Missier, jekk jista' jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int." 40 Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru: "Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? 41 Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef." 42 Għat-tieni darba reġa' mar jitlob, u qal: "Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek." 43 Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. 44Ħalliehom, u reġa' mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. 45 Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: "Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f'idejn il-midinbin. 46 Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib?"
Ġesù ittradut u arrestat [Mt. 26:47-56]
(Mk 14, 43-50; Lq 22, 47-53; Ġw 18, 3-12)
47 Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b'ġemgħa kbira ta' nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. 48Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom: "Lil dak li nbus, dak hu; aqbduh." 49 U minnufih resaq fuq Ġesù u qallu: "Is-sliem għalik, Rabbi!" U biesu. 50U Ġesù qallu: "Ħabib, għalhekk ġejt int?" Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. 51 Wieħed minn dawk li kienu ma' Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. 52 Imbagħad Ġesù qallu: "Erġa' daħħal sejfek f'postu, għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. 53 Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta' anġli? 54Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?" 55 Fl-istess waqt Ġesù qal lin-nies: "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-Tempju ngħallem, u ma żammejtunix." 56Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba tal-profeti. Mbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu.
Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju [Mt. 26:57-68]
(Mk 14, 53-65; Lq 22, 54-55; Ġw 18, 13-14. 19-24)
57 Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. 58 Pietru kien baqa' miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa. 59 Il-qassisin il-kbar u s-Sanhedrin kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, 60 iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn 61 u qalu: "Dan qal, 'Nista' nħott it-tempju ta' Alla u nerġa' nibnih fi tlitt ijiem.' " 62 Il-qassis il-kbir qam u qallu: "Xejn ma twieġeb? Xinhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?" 63 Imma Ġesù baqa' sieket. Imbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu: "Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla." 64 Qallu Ġesù: "Inti stess qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll li ’l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jistra’ kollox, u ġej fuq is-sħab tas-sema.” 65 Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal: "Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa! 66X'jidhrilkom?" Huma weġbuh u qalu: "Ħaqqu l-mewt!" 67 Imbagħad beżqulu f'wiċċu u tawh bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta 68 u qalulu: "Aqta' min tahielek, Messija, did-daqqa?"
Pietru jiċħad lil Ġesù [Mt. 26:69-75]
(Mk 14, 67-72; Lq 22, 56-62; Ġw 18, 15-18. 25-27)
69 Intant Pietru kien qiegħed hemm bilqiegħda, barra fil-bitħa. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu: "Int ukoll kont ma' Ġesù tal-Galilija." 70 Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal: "Anqas naf xi trid tgħid." 71 Hu u ħiereġ lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm: "Dan kien ma' Ġesù ta' Nazaret." 72 U raġa' ċaħad u ħalef: "Jien ma nafux lil dan il-bniedem!" 73 Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu: "Tassew, int ukoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta' kliemek tikxfek." 74 imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: "Le, ma nafux lil dan il-bniedem!" U minnufih is-serduk idden. 75 U Pietru ftakar fil-kliem ta' Ġesù meta qallu li 'Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.' U ħareġ 'il barra jibki biki ta' qsim il-qalb.
Ġesù quddiem Pilatu [Mt. 27:1-2]
(Mk 15, 1; Lq 23, 1-2; Ġw 18, 28-32)
27. 1 L-għada fil-għodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. 2 Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f'idejn Pilatu, il-gvernatur.
Il-mewt ta' Ġuda [Mt. 27:3-10]
(Atti 1, 18-19)
3 Imbagħad Ġuda, t-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem, u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa' jagħtihomlhom lura; 4 u qalilhom: "Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija!" Iżda huma qalulu: 'Aħna din xinhi affari tagħna? Dak arah int!" 5 Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq. 6 Imbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu: "Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma' l-offerti, għax huma prezz tad-demm." 7 Ftiehmu bejniethom, u b'dawk il-flus xtraw l-Għalqa ta' Ħaddiem il-Fuħħar, biex fiha jidfnu l-barranin. 8 Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet l-Għalqa tad-Demm, u hekk għadha magħrufa sa llum. 9 Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: 'U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, l-prezz ta' dak li kien mibjugħ bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael, 10 u tawhom għall-għalqa ta' ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej.'
Pilatu jistaqsi lil Ġesù [Mt. 27:11-14]
(Mk 15, 2-5; Lq 23, 3-5; Ġw 18, 33-38)
11 Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh: "Int is-sultan tal-Lhud?" U Ġesù wieġbu: "Inti stess qiegħed tgħidu." 12 Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn. 13 Għalhekk Pilatu qallu: "Mintix tisma' kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?" 14 Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa' mistagħġeb ħafna.
Ġesù kkundannat għall-mewt [Mt. 27:15-26]
(Mk 15, 6-15; Lq 23, 13-25; Ġw 18, 39 - 19,6)
15 Nhar ta' festa l-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. 16Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba. 17 Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom: "Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija?" 18 Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f'idejh. 19 Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu: "Qis li ma jkollokx x'taqsam ma' dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm." 20 Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu 'l Ġesù. 21 Il-gvernatur mela reġa' staqsiehom: "Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?" Qalulu: "Lil Barabba." 22 Qalilhom Pilatu: "U x'nagħmel b'Ġesù li jgħidulu l-Messija?" Weġbuh ilkoll: "Sallbu!' 23 Hu staqsiehom: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: "Sallbu!" 24 Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala' xi rewwixta, qabad ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: "Jien miniex ħati ta' dan id-demm: dan arawh intom!" 25 U l-poplu kollu qabeż u qal: "Demmu fuqna u fuq uliedna!" 26 Imbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.
Is-suldati jżebilħu lil Ġesù [Mt. 27:27-31]
(Mk 15, 16-20; Ġw 19, 1-3)
27 Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. 28 Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; 29 qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f'idu l-leminija, nxteħtu għarkobbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!" 30Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. 31Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.
Ġesù msallab [Mt. 27:32-44]
(Mk 15, 21-32; Lq 23, 26-43; Ġw 19, 17-27)
U ħaduh magħhom biex isallbuh. 32 Huma u sejrin, sabu raġel minn Ċirene, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. 33 Meta waslu f'post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, 34 tawh jixrob inbid b'taħlita morra; hu daqu, u ma riedx jixorbu. 35Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, 36 u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu. 37 U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, 'Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.' 38Imbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. 39 Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh, iċaqilqu rashom 40 u jgħidu: "Int li tħott it-Tempju u fi tlitt ijiem terġa' tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta' Alla, u inżel minn fuq is-salib!" 41 Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu: 42 "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta' Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! 43 Hu jafda f'Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal, 'Jiena Bin Alla.' " 44 U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu mislubin miegħu.
Il-mewt ta' Ġesù [Mt. 27:45-56]
(Mk 15, 33-41; Lq 23, 44-49; Ġw 19, 28-30)
45 Minn nofsinhar 'il quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta. 46 U f’xi t-tlieta ta’ wara nofsinhar Ġesù għajjat b'leħen qawwi u qal: "Eli, Eli, lema sabaqtani?" Jiġifieri, 'Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?' 47 Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!" 48 U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob, 49 waqt li l-oħrajn qalu: "Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah!" 50 Imma Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu.
51 U ara, l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, 52 u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu, 53 U ħarġu mill-oqbra, wara li hu qam mill-mewt, u daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. 54 Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' liema bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!" 55 Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija; 56 fosthom kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.
Id-difna ta' Ġesù [Mt. 27:57-61]
(Mk 15, 42-47; Lq 23, 50-56; Ġw 19, 38-42)
57 Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; 58 mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. 59 Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f'liżar nadif, 60 qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. 61 Iżda Marija ta' Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.
L-għassa mal-qabar [Mt. 27:62-66]
62 L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu 63 u qalulu: "Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal, 'Wara tlitt ijiem inqum.' 64 Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu jisirquh, u jgħidu lill-poplu, 'Qam mill-imwiet,' u hekk il-qerq ta' l-aħħar ikun agħar minn ta' l-ewwel." 65Qalilhom Pilatu: "Għandkom l-għassa; morru ħarsuh tajjeb kif tafu." 66 U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa' mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.
Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet [Mt. 28:1-10]
(Mk 16, 1-10; Lq 24, 1-12; Ġw 20, 1-10)
28. 1 Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta' Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. 2 U ara, nħasset theżhiża kbira ta’ l-art, għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. 3 Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad bħas-silġ. 4 Bil-biża' tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. 5 Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: "Tibżgħu xejn, intom, għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. 6 Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. 7 U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom." 8 Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża' u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. 9 U ara, ltaqa' magħhom Ġesù u qalilhom: "Is-sliem għalikom." Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. 10 Mbagħad Ġesù qalilhom: "Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk."
L-għases jagħtu l-aħbar tal-ġrajja [Mt. 28:11-15]
11 Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta' kull ma kien ġara. 12 Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha 13 u qalulhom: "Għidu hekk, 'Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.' 14 U jekk il-gvernatur jisma' b'dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet." 15 Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata ta' llum.
Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli [Mt. 28:16-20]
(Mk 16, 14-18; Lq 24, 36-49; Ġw 20, 19-23; Atti 1, 6-8)
16 Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. 17 Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. 18 Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: "Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. 19 Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu, 20 u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien."