L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu
skond San Mark
L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu
skond San Mark
Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista [Mk. 1:1-8]
(Mt 3, 1-12; Lq 3, 3-17, Ġw 1, 19-28)
1. 1 Il-Bidu tal-Bxara t-tajba ta' Ġesù Kristu l-Iben ta' Alla. 2 Bħalma hu miktub fil-ktieb ta' Isaija l-profeta,
‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek.
3 Leħen ta' wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu,’
4 hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. 5 U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta' Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
6 Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. 7 U kien ixandar u jgħid: "Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. 8 Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu."
Il-magħmudija ta' Ġesù [Mk. 1:9-11]
(Mt 3, 13-17; Lq 3, 21-22)
9 U ġara li f'dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. 10 U minnufih hu u tiela' mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; 11 u mis-smewwiet instema' leħen: "Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."
It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert [Mk. 1:12-13]
(Mt 4, 1-11; Lq 4, 1-13)
12 Imbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert. 13 U baqa' fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.
Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija [Mk. 1:14-15]
(Mt 4, 12-17; Lq 4, 14-15)
14 Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta' Alla 15 u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta' Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju."
Ġesù jsejjaħ erba' sajjieda [Mk. 1:16-18]
(Mt 4, 18-20; Lq 5, 1-11)
16 Waqt li kien għaddej ma' xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u 'l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. 17 U Ġesù qalilhom: "Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin." 18 U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
19 Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta' Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, 20 u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.
Ġesù jfejjaq raġel li kellu spirtu ħażin [Mk. 1:21-28]
(Lq 4, 31-37)
21 U daħlu Kafarnahum. Ma’ l-ewwel Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. 22In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. 23 Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: 24 "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: 'Il-Qaddis ta' Alla'." 25 Imma Ġesù kkmandah: "Iskot," qallu, "u oħroġ minnu." 26Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu. 27 U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: "Dan x'inhu? X'tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!" 28U l-fama tiegħu malajr xterdet ma' l-inħawi kollha tal-Galilija.
Ġesù jfejjaq ħafna nies [Mk. 1:29-34]
(Mt 8,14-17; Lq 4, 38-41)
29 Ħarġu mis-sinagoga u baqa' sejjer ma' Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. 30Issa omm il-mara ta' Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. 31Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
32 Fil-għaxija mbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan, 33 u quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. 34 U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta' mard, u ħareġ għadd kbir ta' xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.
Ġesù jmur jippriedka [Mk. 1:35-39]
(Lq 4, 42-44)
35 L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f'post imwarrab, u qagħad hemm jitlob. 36 Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. 37 Kif sabuh, qalulu: "Kulħadd jistaqsi għalik." 38 U qalilhom: "Ejjew immorru band'oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt." 39 U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.
Ġesù jfejjaq wieħed imġiddem [Mk. 1:40-45]
(Mt 8, 1-4; Lq 5, 12-16)
40 Resaq fuqu wieħed imġiddem jitolbu bil-ħerqa, xteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: "Jekk trid, tista' tnaddafni." 41 Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid, kun imnaddaf." 42 U minnufih il-ġdiem marlu u ġismu ndaf. 43 U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr 44 u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel l-offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta' xhieda." 45 Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma' kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f'ebda belt ma seta' iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa' barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.
Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ [Mk. 2:1-12]
(Mt 9, 1-8; Lq 5,17-26)
2. 1 Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar. 2 U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma. 3 U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. 4 Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta' fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. 5Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Ibni, dnubietek maħfura." 6 Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f'qalbhom bdew jgħidu: 7 "Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?" 8Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x'kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom? 9 Xinhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, 'Dnubietek maħfura', jew tgħidlu, 'Qum u aqbad friexek u imxi'? 10 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," - qal lill-mifluġ, - 11"Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." 12 Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: "Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom."
Is-sejħa ta' Levi [Mk. 2:13-17]
(Mt 9, 9-13; Lq 5, 27-32)
13 Raġa' ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. 14 Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta' Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi. "Ejja warajja," qallu. Dak qam u mar warajh. 15 U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. 16Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: "Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?" 17 Ġesù semagħhom u qalilhom: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin."
Mistoqsija fuq is-sawm [Mk. 2:18-22]
(Mt 9, 14-17, Lq 5, 33-39)
18 Darba waħda d-dixxipli ta' Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: "Għaliex id-dixxipli ta' Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?" 19 Qalilhom Ġesù: "Huwa l-ħaddara tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu. 20 Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar. 21 Ħadd ma jraqqa' mantar qadim b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber. 22 U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa' d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f'damiġġani ġodda!"
Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt [Mk. 2:23-28]
(Mt 12, 1-8; Lq 6, 1-5)
23 Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul. 24 U l-Fariżej staqsewh: "Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?" 25 U hu qalilhom: "Qatt ma qrajtu x'għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu, 26 kif daħal fid-dar ta' Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista' jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?" 27 U qalilhom: "Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt. 28 Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid."
Ir-raġel b'idu niexfa [Mk. 3:1-6]
(Mt 12, 9-14; Lq 6, 6-11)
3. 1 Raġa' daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa. 2 U qagħdu jgħassulu jekk ifejjqux f'jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh. 3 Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum, ejja fin-nofs." 4 Imbagħad staqsa lilhom: "X'jiswa li tagħmel nhar ta' Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?" Iżda huma baqgħu siekta. 5U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta' qalbhom, u qal lir-raġel: "Midd idek." Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f'saħħitha. 6 U l-Fariżej ħarġu, u minnufih bdew jiftiehmu ma' l-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.
Kotra kbira f'xatt il-baħar [Mk. 3:7-12]
(Mt 12, 15-16)
7 Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija, 8 minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta' Tir u Sidon, kotra kbira ta' nies, li semgħu b'kull ma kien għamel, marru ħdejh. 9 Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu; 10 għax billi kien fejjaq ħafna nies, dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh. 11 U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajjtu: "Int l-Iben ta' Alla!" 12 Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.
Ġesù jagħżel it-Tnax [Mk. 3:13-19]
(Mt 10, 1-4; Lq 5, 12-16)
13 Tela' fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh, 14 u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw, 15 u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten. 16 Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta' Pietru, 17u Ġakbu ta' Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta' Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad, 18 u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta' Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanagħni, 19 u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.
Ġesù u Begħelżebul [Mk. 3:20-30]
(Mt 12, 22-32; Lq 11, 14-23, 12, 10)
20 Imbagħad mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. 21 Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.
22 Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: "Dan għandu fih lil Begħelżebul," kif ukoll: "Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten." 23 Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: "Kif jista' x-Xitan ikeċċi x-Xitan? 24 Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. 25 U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. 26 Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista' jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. 27 Ħadd ma jista' jidħol fid-dar ta' wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. 28Tassew, ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. 29 Imma min jidgħi bl-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa' ħati għal dejjem." 30 Għax kienu qalu: "Għandu fih spirtu ħażin."
Omm Ġesù u ħutu [Mk. 3:31-35]
(Mt 12, 46-50; Lq 8,19-21)
31 Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejjħulu. 32 Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. "Ara", qalulu, "ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk." 33 U hu weġibhom: "Min huma ommi u ħuti?" 34 Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: "Dawn, ara, huma ommi u ħuti. 35 Kull min jagħmel ir-rieda ta' Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi."
Il-parabbola taż-żerriegħ [Mk. 4:1-9]
(Mt 13, 1-9; Lq 8, 4-8)
4. 1 Raġa' beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla' bilqiegħda f'dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. 2 U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom:
3 "Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra'. 4 Ġara li, hu u jiżra', xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-agħsafar u naqqruhom kollha. 5 Oħrajn waqgħu f'art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; 6meta mbagħad telgħet ix-xemx, nħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. 7Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. 8Oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija." 9 U qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
L-għala Ġesù tkellem bil-parabboli [Mk. 4:10-12]
(Mt 13,10-17, Lq 8, 9-10)
10 Meta kien waħdu, dawk ta' madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. 11 U hu qalilhom: "Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta' Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, 12 ħalli jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jibdlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra.”
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ [Mk. 4:13-20]
(Mt 13, 18-23; Lq 8, 11-15)
13 U żied jgħidilhom: "Din il-parabbola m'intomx tifhmuha? Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? 14 Dak li l-bidwi jiżra' hija l-kelma. 15 Dawk ta' matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li, malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f'qalbhom. 16 Dawk li jinżergħu f'art kollha blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, 17 imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu. 18 L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma, 19 iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, r-rabta mal-ġid ta' l-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. 20 Dawk imbagħad li jinżergħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija."
Il-parabbola tal-musbieħ [Mk. 4:21-25]
21 U qalilhom: "Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt il-kejl jew taħt is-sodda? Mhux fuq l-imnara jqegħduh? 22 Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. 23 Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
24 U qalilhom: "Oqogħdu attenti x'tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll. 25 Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu."
Il-parabbola taż-żerriegħa li tinbet weħidha [Mk. 4:26-29]
26 U qal: "Is-Saltna ta' Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. 27Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. 28 L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, mbagħad is-sbula, mbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. 29U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad."
Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda [Mk. 4:30-32]
(Mt 13, 31-32; Lq 13, 18-19)
30 U qal: "Ma' xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta' Alla, jew b'liema parabbola nfissruha? 31 Qisha żerriegħa tal-mustarda; din, meta tinżara' fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; 32 imma wara li tinżera' tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-agħsafar ta' l-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha."
L-użu tal-parabboli [Mk. 4:33-34]
(Mt 13, 34-35)
33 B'ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, 34 u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.
Ġesù jsikket it-tempesta [Mk. 4:35-41]
(Mt 8, 18. 23-27; Lq 8, 22-25)
35 Dakinhar, xħin sar filgħaxija, qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor." 36Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. 37 U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela' għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. 38 Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?" 39 Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: "Iskot! Biżżejjed!" U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.
40 U qalilhom: "Dal-biża' kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?" 41 U qabadhom biża' kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?"
Ġesù jfejjaq raġel imxajtan f'Gerasa [Mk. 5:1-20]
(Mt 8, 28-34; Lq 8, 26-39)
5. 1 Waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal- Gerasin. 2 Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. 3Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista' jżommu marbut, anqas b'katina, 4għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. 5 Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta' ġismu biż-żrar. 6 Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod, ġera lejh, xteħet fl-art quddiemu, 7 u għajjat b'leħen qawwi u qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!" 8Għax kien qallu: "Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!" 9 Imbagħad staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun jisimni," wieġbu, "għax aħna ħafna." 10 U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż. 11Mela kien hemm merħla kbira ta' qżieqeż tirgħa mal-ġenb ta' l-għolja, 12 u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: "Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom." 13 U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta' madwar elfejn ras, xteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. 14 Ir-ragħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x'ġara. 15Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f'siktu, u baqgħu miblugħin bil-biża'. 16 In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x'kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. 17 Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom. 18 Kif kien tiela' fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa' miegħu. 19 Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: "Mur inġabar id-dar ma' niesek, u għidilhom kull ma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik." 20 Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.
Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt [Mk. 5:21-43]
(Mt 9, 18-26; Lq 8, 40-56)
21 Wara li Ġesù reġa' qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta' nies. 22 U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagogi, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f'riġlejh, 23 u talbu ħafna u qallu: "Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix." 24 U Ġesù telaq miegħu, b'kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
25 U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. 26Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kull ma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. 27 Meta semgħet b'Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet warajh u messitlu l-mantar, 28 għax qalet: "Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa." 29 F'daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. 30 Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: "Min messli l-mantar?" 31 Id-dixxipli tiegħu qalulu: "Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?" 32 Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. 33
Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża' għax għarfet x'kien ġralha, resqet, xteħtet f'riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. 34 "Binti," qalilha, "l-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek."
35 Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: "Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?" 36 Iżda Ġesù sema' x'kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: "Tibżax, biss inti emmen." 37 U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. 38 Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. 39 Daħal, u qalilhom: "Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda." 40 U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. 41Qabdilha idha, u qalilha: "Talitha, qum!", jiġifieri: "Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!" 42 Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. 43 U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.
In-nies ta' Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù [Mk. 6:1-6]
(Mt 13,56-58; Lq 4, 16-30)
6. 1 Telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. 2Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: "Mnejn kisbu dan kollu? U xinhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b'idejh? 3 Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?" U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. 4 Qalilhom Ġesù: "Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f'pajjiżu u fost qrabatu u f'daru stess." 5 U hemmhekk ma seta' jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; 6 u baqa' mistagħġeb bin-nuqqas ta' fidi tagħhom.
Il-missjoni tat-Tnax [Mk. 6:7-13]
(Mt 10, 1. 5-15; Lq 9, 1-6)
U mari dur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem. 7 U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. 8 U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; 9 imma: "Ilbsu l-qrieq," qalilhom, "u xxiddux żewġ ilbiesi." 10 Qalilhom: "Fejn tidħlu f'xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. 11 U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom." 12 Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; 13 u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.
Il-martirju ta' Ġwanni l-Battista [Mk. 6:14-29]
(Mt 14, 1-2; Lq 9, 7-9)
14 Is-sultan Erodi sema' bih, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: "Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f'hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu bih." 15 Imma oħrajn bdew jgħidu: "Dan Elija." U oħrajn ukoll: "Profeta, wieħed mill-profeti l-oħra." 16 Iżda Erodi, meta sema' bih, qal: "Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt."
17 Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. 18 Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: "Ma tistax iżżommha int il-mara ta' ħuk." 19 Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kenitx tista', 20 għax Erodi, li kien jaf x'raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża' minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa' mħasseb ħafna wara li jisimgħu.
21 Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lil l-aqwa nies tal-Galilija. 22 Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: "Itlobni kull ma trid, u jien nagħtik kull ma titlobni." 23 U qalilha u ħalfilha: "Titlobni x'titlobni, kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi." 24 Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: "Tgħid x'nitolbu?" "Ras Ġwanni l-Battista," weġbitha dik. 25 Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: "Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt." 26 Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jerġa' lura mill-kelma li taha. 27 Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta' madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; 28 imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. 29 Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b'dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.
Ġesù jitma' ħamest elef ruħ [Mk. 6:30-44]
(Mt 14, 13-21; Lq 9, 10-17; Ġw 6, 1-14)
30 L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. 31U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. 32 Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, 33 imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru 'l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
34 Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. 35Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. 36Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu.” 37 Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?” 38 Imbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw.” Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet.” 39 Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda ġemgħa ġemgħa fuq il-ħaxix aħdar. 40 U n-nies xteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. 41 Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll. 42 U kulħadd kiel u xaba’. 43 U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; 44u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!
Ġesù jimxi fuq l-ilma [Mk. 6:45-52]
(Mt 14, 22-33; Ġw 6, 16-21)
45 Minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. 46 Wara li sellmilhom u ħalliehom, tela' fuq l-għoljiet biex jitlob. 47 Xħin sar filgħaxija d-dgħajsa kienet għadha f'nofs il-baħar, u hu waħdu l-art. 48 Kif rahom jitħabtu jaqdfu, għax kellhom ir-riħ għal wiċċhom, għal xi r-raba' sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar, u ried jgħaddihom. 49 Huma rawh miexi fuq il-baħar u stħajluh xi fantażma, u qabdu jgħajtu, 50 għax ilkoll tbeżżgħu kif rawh. Iżda hu minnufih kellimhom: "Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn." 51 Imbagħad tela' ħdejhom fid-dgħajsa, u r-riħ waqaf. U komplew tnixxfu fihom infushom bil-għaġeb, 52għax il-miraklu tal-ħobż ma kinux fehmuh, imma moħħhom kien magħluq.
Ġesù jfejjaq il-morda f'Ġennesaret [Mk. 6:53-56]
(Mt 14, 34-36)
53 Wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f'Ġennesaret, u rabtu d-dgħajsa max-xatt. 54 Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh 55 u marru jiġru ma' dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed; 56kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu.
It-tradizzjonijiet ta' l-antenati [Mk. 7:1-13]
(Mt 15 , 1-9)
7. 1 Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh, 2 u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b'idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. 3 Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjonijiet ta' missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; 4 hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. 5 Mela, l-Fariżej u l-kittieba staqsewh: "Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjonijiet ta' missirijiethom, imma jieklu b'idejhom mhumiex indaf?" 6 Iżda hu weġibhom: "Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta' wiċċ b'ieħor, bħalma hu miktub,
‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,
imma qalbhom hija ’l bogħod minni.
7 Fiergħa hi l-qima li jagħtuni;
jgħallmu duttrina
li mhix għajr preċetti tal-bnedmin.’
8 Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta' Alla biex tħaddnu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin." 9 U qalilhom: "Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta' Alla biex tħarsu t-tradizzjonijiet tagħkom. 10 Mosè qal, 'Weġġaħ lil missierek u ’l ommok’ u ‘min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu għandu jieħu l-mewt’. 11 Imma intom tgħidu: Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu, ‘Il-ġid li għandi, li jista' jkun ta' għajnuna għalik, huwa Qorban’ (jiġifieri, offerta) 12intom imbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu, 13 u hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta' Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu."
Xinhu li jtabba' lill-bniedem [Mk. 7:14-23]
(Mt 15, 10-20)
14 Raġa' sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: "Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! 15 Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba' lill-bniedem." 16 Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’."
17 Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. 18U hu qalilhom: "Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista' jtebba' lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, 19 la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?" B'hekk wera li l-ikel kollu hu safi. 20 U qalilhom: "Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtebba' lill-bniedem. 21Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, 22 adulterji, regħba, dnewwa, qerq, faħx, għira, dagħa, kburija, bluha. 23Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtebba' lill-bniedem."
Il-fidi tal-mara Sirofeniċja [Mk. 7:24-30]
(Mt 15, 21-28)
24 Minn hemmhekk telaq u mar fl-inħawi tal-belt ta' Tir. Daħal joqgħod f'dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba, 25 għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f'riġlejh. 26 Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha. 27 U hu qalilha: "L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż ta' l-ulied u tixħtu lill-ġriewi." 28 Iżda hi weġbitu u qaltlu: "Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal." 29Imbagħad qalilha: "Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek." 30 U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.
Ġesù jfejjaq trux u mbikkem [Mk. 7:31-37]
31 Reġa' telaq mill-inħawi tal-belt ta' Tir, u għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. 32 U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. 33 Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f'widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. 34 Imbagħad refa' għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: "Effata," jiġifieri, "Infetaħ!" 35 U dak widnejh infetħulu, l-irbit ta' lsienu nħallu minnufih, u qabad jitkellem sewwa. 36 Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. 37 U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: "Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin."
Ġesù jitma' erbat elef [Mk. 8:1-10]
(Mt 15, 32-39)
8. 1 F'dawk il-jiem, meta darba reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x'jieklu, sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: 2 "Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x'jieklu. 3 Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq; għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod." 4Id-dixxipli tiegħu weġbuh: "F'deżert bħal dan minn fejn jista' wieħed ixabba' lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?" 5 Hu staqsiehom: "Xi kemm għandkom ħobż?" Qalulu: "Sebgħa." 6 Mbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba' ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u huma newluhomlhom. 7U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. 8 U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief! 9 U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! Imbagħad bagħathom. 10 U minnufih tela' fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta' Dalmanuta.
Il-Fariżej jitolbu sinjal mis-sema [Mk. 8:11-13]
(Mt 16, 1-4)
11 Ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha miegħu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema. 12Hu tniehed tnehida minn qiegħ qalbu u qal: "Għalfejn iridu sinjal dawn in-nies? Tassew, ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel." 13 U telaqhom, reġa' tela' fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.
Il-ħmira tal-Fariżej u ta' Erodi [Mk. 8:14-21]
(Mt 16, 5-12)
14 U nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. 15Hu wissiehom u qalilhom: "Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta' Erodi!" 16 Huma bdew jgħidu bejniethom: "Dan għax m'għandniex ħobż." 17Ġesù nduna u qalilhom: "Xintom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X'ebusija ta' ras għandkom? 18 Għandkom għajnejn u ma tarawx? Għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux 19 meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li fadal?" Qalulu: "Tnax." 20 "Meta qassamt is-seba' ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?" Qalulu: "Sebgħa." 21 "U għadkom ma fhimtux?" qalilhom.
Ġesù jfejjaq raġel agħma f'Betsajda [Mk. 8:22-26]
22 Waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. 23 Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f'għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: "Qiegħed tara xi ħaġa?" 24 Dak ħares ’il fuq u qal: "Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin." 25 Imbagħad reġa' qegħedlu idejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. 26 Bagħtu lura lejn daru, u qallu: "Qis li ma terġax tidħol ir-raħal."
Stqarrija tal-fidi minn Pietru [Mk. 8:27-30]
(Mt 16, 13-20; Lq 9, 18-21)
27 Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta' Ċesarija ta' Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: "Min jgħidu n-nies li jien?" 28Weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti." 29"Imma intom," staqsiehom, "intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija." 30 Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma' ħadd fuqu.
L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù [Mk. 8:31-38]
(Mt 16, 21-23 ; Lq 9, 22)
31 U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa' jqum. 32Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. 33 Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: "Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax mintix taħseb fil-ħwejjeġ ta' Alla, imma f'dawk tal-bnedmin!"
34 Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja. 35 Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-tajba, isalvaha. 36Għax x'jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? 37 Xi prezz jista' jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? 38 Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb ta' llum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta' Missieru flimkien ma' l-anġli mqaddsa."
It-Trasfigurazzjoni [Mk. 9:1-13]
(Mt 17, 1-8; Lq 9, 28-36)
9. 1 Qalilhom ukoll: "Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta' Alla, mogħnija bil-qawwa."
2 Sitt jiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. 3 U lbiesu sar abjad u jgħammex b'dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista' jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. 4 U dehrilhom Elija ma' Mosè, it-tnejn jitkellmu ma' Ġesù. 5 Qabad Pietru u qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." 6 Dan qalu għax ma kienx jaf x'jaqbad jgħid bil-biża' kbir li waqa' fuqhom. 7 Imbagħad ġiet sħaba, u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu." 8 Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed ħlief lil Ġesù waħdu magħhom.
9 Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma' ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. 10 Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x'kien ifisser 'tqum mill-imwiet'. 11 Staqsewh u qalulu: "Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?" 12 "Tassew," weġibhom, "l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa' jqiegħed kollox f'postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? 13 Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu."
Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan [Mk. 9:14-29]
(Mt 17, 14-21; Lq9, 37-43a)
14 Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b'kotra kbira ta' nies madwarhom, u xi kittieba jitlewwmu magħhom. 15 In-nies, kif rawh, lkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. 16 U hu staqsiehom: "Fuqiex qegħdin titlewwmu magħhom?" 17 U wieħed mill-kotra qallu: "Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. 18 U kull fejn jaħkmu jsabbtu ma' l-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila." 19 "Ja nies bla fidi," qalilhom Ġesù," kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi." 20 U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbat ħafna lit-tifel, u dan waqa’ ma’ l-art jitqalleb 'l hawn u 'l hemm bir-ragħwa f'ħalqu. 21 "Xi kemm ilu jagħtih hekk?" staqsa Ġesù lil missieru. "Minn ċkunitu," qallu, 22 "u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista' tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!" 23 "Jekk tista'!" qallu Ġesù; "Kollox jista' jkun għal min jemmen!" 24 Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: "Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!" 25Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: "Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!" 26 U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: "Miet!" 27 Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh. 28 Meta mbagħad Ġesù raġa' daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh ras imb’ras: "Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?" 29 "Spirtu bħal dak," qalilhom, "ma jista' jitkeċċa b'xejn ħlief bit-talb."
It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien [Mk. 9:30-32]
(Mt 17, 22-23; Lq 9, 43b-45)
30 Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, 31għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: "Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt." 32Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.
Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet [Mk. 9:33-37]
(Mt 18, 1-5; Lq 9, 46-48)
33 Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: "X'kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?" 34 Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. 35 Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: "Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta' kulħadd." 36 U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f'nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: 37 "Kull min jilqa' wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' mhux lili, imma lil dak li bagħatni."
Min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna [Mk. 9:38-41]
(Mt 10, 42; Lq 9, 49-50)
38 "Mgħallem,” qallu Ġwanni, "wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f'ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna." 39Imma Ġesù qal: "La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f'ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. 40 Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.
41 "Min jagħtikom tazza ilma x'tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu."
L-iskandlu [Mk. 9:42-50]
(Mt 18, 6-9; Lq 17, 1-2)
42 "Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. 43U jekk idek hija għalik okkażjoni ta' dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'id waħda fil-ħajja, milli tmur b'idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. 45 U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta' dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'riġel wieħed fil-ħajja, milli tixteħet b'riġlejk it-tnejn fl-infern. 47 U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta' dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b'għajn waħda fis-Saltna ta' Alla, milli tixteħet b'għajnejk it-tnejn fl-infern, 48 fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex. 49 Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar.
50 "Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta', biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom."
Id-divorzju [Mk. 10:1-12]
(Mt 19, 1-12; Lq 16, 18)
10. 1 Telaq minn hemmhekk, u mar fil-Lhudija u 'l hemm mill-Ġordan, u n-nies mill-ġdid inġabret madwaru; u hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, reġa' qabad jgħallimhom. 2Resqu xi Fariżej lejh, u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. 3Weġibhom u qal: "X'ordnalkom Mosè?" 4 Qalulu: "Mosè ta permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha." 5 Mbagħad weġibhom Ġesù: "Minħabba l-ebusija ta' qalbkom kitbilkom dan l-ordni. 6 Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. 7 Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u 'l ommu u jingħaqad ma' martu, 8 u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. 9 Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem." 10Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, 11 u hu qalilhom: "Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta' adulterju kontra l-ewwel waħda; 12 u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta' adulterju."
Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar [Mk. 10:13-16]
(Mt 19, 13-15; Lq 18, 15-17)
13 Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex imisshom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. 14 Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: "Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla. 15 Tassew, ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex b’qalb ta’ tifel ċkejken ma jidħolx fiha." 16 Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Iż-Żagħżugħ għani [Mk. 10:17-31]
(Mt 19, 16-22; Lq 18, 18-23)
17 Kien se jaqbad it-triq, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" 18 "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù; "ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss. 19 Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhedx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta' ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u 'l ommok." 20 U dak wieġbu u qallu: "Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti." 21 Mbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta' mħabba u qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: mur, bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja." 22 Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b'qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
23 Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla! 24 Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù reġa' qalilhom: "Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta' Alla! 25Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!" 26 Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lil ieħor: "Mela min jista' jsalva?" 27 Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista' jkun." 28 Qabeż Pietru u qallu: "Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk." 29 Qallu Ġesù: "Tassew, ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Bxara t-tajba jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, 30 ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f'din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar u aħwa u ommijiet u wlied u għelieqi flimkien ma' persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej. 31 U ħafna li huma ta' l-ewwel jiġu l-aħħar, u ta' l-aħħar jiġu l-ewwel."
It-tielet tħabbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù [Mk. 10:32-34]
(Mt 20 17-19; Lq 18, 31-33)
32 Kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin. Reġa' sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x'kien se jgħaddi minn għalih: 33 "Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f'idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f'idejn il-pagani; 34 dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt."
It-talba ta' Ġakbu u Ġwanni [Mk. 10:35-45]
(Mt 20, 20-28)
35 Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: "Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna." 36 "Xi triduni nagħmlilkom?" staqsiehom. 37 U huma weġbuh: "Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” 38Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” 39“Ghandha,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; 40 imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija."
41 L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. 42 Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. 43 Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, 44 u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta' kulħadd. 45Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra."
Ġesù jfejjaq lil Bartimew l-agħma [Mk. 10:46-52]
(Mt 20, 29-34; Lq 18, 35-43)
46 U waslu Ġeriko. Hu u ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma' kotra kbira ta' nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. 47 Dan, meta sema' li kien Ġesù ta' Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!" 48 Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" 49 Ġesù waqaf u qal: "Sejħulu." Huma sejħu l-agħma u qalulu: "Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek." 50 Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. 51 U Ġesù kellmu u qallu: "Xi tridni nagħmillek?" "Li nara, Rabbuni," wieġbu l-agħma. 52 "Mur," qallu Ġesù, "il-fidi tiegħek fejjqitek." U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh fit-triq.
Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm [Mk. 11:1-11]
(Mt 21, 1-11; Lq 19, 28-40, Ġw 12, 12-19)
11. 1 Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu 2 u qalilhom: "Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. 3 Jekk xi ħadd jistaqsikom, 'Dan kif qegħdin tagħmluh?' għidulu, 'Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa' jibagħtu hawn'." 4 Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh. 5 Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: "X'intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?" 6 Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu. 7Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu. 8 U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-egħlieqi. 9U kemm dawk li kienu miexja quddiem , kif ukoll dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna! Mbierek min ġej f’isem il-Mulej! 10 Imbierka s-Saltna ta' David missierna li ġejja. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!" 11 Daħal Ġerusalemm u baqa' sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax.
Is-siġra tat-tin misħuta [Mk. 11:12-14]
(Mt 21, 18-19)
12 L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ. 13 Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu mhuwiex żmienu. 14 U qalilha: "Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!" U d-dixxipli tiegħu semgħuh.
Il-qdusija tat-Tempju [Mk. 11:15-19]
(Mt 21, 12-17; Lq 19, 45-48; Ġw 2, 13-22)
15 U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-Tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta' dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, 16 u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b'xi ħaġa jaqsam mit-Tempju. 17 U beda jgħallimhom u jgħidilhom: "Ma hemmx miktub li ‘d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha’? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!” 18 Dan wasal f'widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x'jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu. 19 Filgħaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt.
Tagħlima mis-siġra mnixxfa [Mk. 11:20-26]
(Mt 21, 20-22)
20 Huma u għaddejjin minn hemm l-għada filgħodu, raw it-tina mnixxfa sa mill-għeruq. 21 Pietru ftakar, u qallu: "Ara Mgħallem: it-tina li sħett int nixfet!" 22 U Ġesù wieġeb u qalilhom: "Emmnu f'Alla. 23 Tassew, ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, 'Intrefa' u xteħet il-baħar', bla ma joqgħod jitħasseb f'qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. 24 Għalhekk ngħidilkom: kull ma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom. 25 U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom." 26 Jekk intom ma taħfrux, Missierkom li hu fis-smewwiet anqas ma jaħfrilkom dnubietkom.
Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù [Mk. 11:27-33]
(Mt 21, 23-27; Lq 20. 1-8)
27 Mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ 28 u staqsewh: "Int b'liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?" 29 "Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien," qalilhom Ġesù; "weġbuni għaliha, u ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. 30 Il-magħmudija ta' Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni." 31 Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema', jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintuhx?' 32 Mela ngħidulu 'Mill-bnedmin'?" - Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta. - 33 Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: "Ma nafux." U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."
Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa [Mk. 12:1-12]
(Mt 21, 33-46; Lq20, 9-19)
12. 1 U beda jkellimhom bil-parabboli: "Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella' ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f'art oħra.’ 2 Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott ta' l-għalqa. 3Iżda huma qabduh, sawwtuh, u bagħtuh lura b’idu f'idu. 4 Reġa' bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. 5 Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom. 6 Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. 'Minn ibni jistħu,' qal. 7 Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa' fuqna.' 8Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa. 9X'jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. 10Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu,
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka:
11 bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan;
ħaġa ta’ l–għaġeb f’għajnejna’?”
12 Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.
Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi [Mk. 12:13-17]
(Mt 22, 15-22; Lq 20,20-26)
13 Imbagħad bagħtulu xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f'xi kelma. 14 Ġew u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b'ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? 15 Għandna jew ma għandniex inħallsuha?" Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b'ieħor tagħhom, u qalilhom: "Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah." 16 Newlulu dinar, u hu staqsiehom: "Ta' min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?" Qalulu: "Ta' Ċesari!" 17 Qalilhom imbagħad Ġesù: "Agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." U stagħġbu ħafna bih.
Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet [Mk. 12:18-27]
(Mt 22, 23-33; Lq 20,27-40)
18 Mela resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija: 19 "Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh. 20 Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ, u miet bla ma ħalla tfal. 21 It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, 22 u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 23 Issa fil-qawmien ta' l-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha." 24Qalilhom Ġesù: "U mhux għalhekk tiżbaljaw intom? Għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta' Alla! 25 Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jżewġu u lanqas jiżżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. 26 Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta' Mosè, fejn jissemma l-għolliq, ma qrajtux kif Alla qallu: Jiena Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb? 27 Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball ħafna."
Il-kmandament il-kbir [Mk. 12:28-34]
(Mt 22,34-40; Lq 10, 25-28)
28 Wieħed mill-kittieba semagħhom jitlewwmu bejniethom, u, meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: "Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?" 29 U Ġesù wieġbu: "L-ewwel wieħed huwa dan: Isma' Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, huwa l-Mulej wieħed, 30 u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha, b'moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. 31 U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn." 32Qallu l-kittieb: "Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. 33 Iva, li tħobb lilu b'qalbek kollha, b'moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha." 34 Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: "Mintix ’il bogħod mis-Saltna ta' Alla." U ħadd ma kellu l-wiċċ jistaqsih iżjed.
Il-Messija Sid David [Mk. 12:35-37]
(Mt 22,41-46; Lq 20, 41-44)
35 Darba, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: "Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David? 36 David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal,
‘Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek
taħt riġlejk.’
37 Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?" U dik il-kotra kbira ta' nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.
Ġesù jikkundanna l-ipokrisija tal-kittieba [Mk. 12:38-40]
(Mt 23, 1-36; Lq 11, 37-54; 20 45-47)
38 Hu u jgħallimhom qal ukoll: "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, 39 u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta' quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; 40 iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa."
L-offerta ta' l-armla [Mk. 12:41-44]
(Lq 21, 1-4)
41 Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. 42 Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. 43 Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Tassew, ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. 44 Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kull ma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix."
Ġesù jħabbar it-tiġrif tat-tempju [Mk. 13:1-2]
(Mt 24, 1-2; Lq 21, 5-6)
13. 1 Hu u ħiereġ mit-tempju, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Ara, Mgħallem, xi ġmiel ta’ ġebel, x’kobor ta’ bini!" 2 Qallu Ġesù: "Qiegħed tarah dan il-bini kollu? Ma tibqax minnu ġebla fuq oħra, kollu għad jiġġarraf."
Il-bidu tat-tbatijiet [Mk. 13:3-13]
(Mt 24, 3-14; Lq 21, 7-19)
3 Kif kien qiegħed fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, biswit it-tempju, Pietru, Ġakbu, Ġwanni u Indrì resqu jistaqsuh rasu u rashom: 4 "Għidilna, dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal?"
5 Beda mbagħad Ġesù jgħidilhom: "Araw li ħadd ma jqarraq bikom. 6 Għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu', u jqarrqu b'ħafna nies. 7 Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u xnigħat ta' gwerer, xejn titħawwdu. Dan jeħtieġ li jiġri, imma jkun għadu mhuwiex it-tmiem. 8 Għax għad iqumu ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżheż f'ħafna bnadi, u jkun hawn ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.
9 “Ibżgħu għal raskom! Għad jagħtukom f'idejn il-qrati, isawtukom fis-sinagogi, u titilgħu quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom. 10Għax l-ewwel jeħtieġ li l-Bxara t-tajba tkun imxandar lill-ġnus kollha.
11 "U meta jeħdukom biex jitilqukom f'idejhom, tinkwetawx ruħkom xi tkunu se tgħidu, iżda tkellmu kif tkunu mnebbħin dak il-ħin stess; għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu s-Santu. 12 L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt. 13 U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. Imma min jibqa' jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.
L-hemm il-kbir [Mk. 13:14-23]
(Mt 24, 15-28; Lq 21, 20-24)
14 "Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju fejn ma għandhiex tkun - ħa jifhem min jaqra! - ħa jaħarbu mbagħad lejn l-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija; 15 u min ikun fuq il-bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-dar; 16 anqas min ikun fir-raba' ma għandu jerġa' lura biex jieħu l-mantar tiegħu. 17 Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! 18 Itolbu li dan kollu ma jiġrix fix-xitwa. 19 Għax dawk il-jiem ikunu jiem ta' dwejjaq li mill-bidu tad-dinja li ħalaq Alla sa llum għadu qatt ma kien hawn bħalhom u anqas ikun hawn. 20 U kieku dawk il-jiem il-Mulej ma qassarhomx, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin li għażel, huwa qassarhom dawk il-jiem. 21 Jekk mela xi ħadd jgħidilkom, 'Ara, hawn hu l-Messija', jew, 'Hemm qiegħed, ara', la temmnuhx. 22Għax għad jitfaċċaw ħafna messijiet foloz u profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali u għeġubijiet biex iqarrqu, jekk jista' jkun, imqar bil-maħturin. 23Għalhekk intom ħejju ruħkom: għedtilkom kollox minn qabel.
Il-miġja ta' Bin il-bniedem [Mk. 13:24-27]
(Mt 24,29-31; Lq 21, 25-27)
24 "Imma f'dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, 25 il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. 26Mbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b'qawwa kbira u bi glorja. 27 U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.
Tagħlima mis-siġra tat-tin [Mk. 13:28-32]
(Mt 24, 32-35; Lq 21, 29-33)
28 "Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. 29 Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. 30 Tassew, ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. 31 Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.
32 "Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.
Ħadd ma jaf il-jum u s-siegħa [Mk. 13:33-37]
(Mt 24, 36-44)
33 "Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. 34 Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f'idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa' jishar. 35 Mela ishru, għax ma tafux meta jerġa’ jiġi sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f'nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, 36 li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin. 37 U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!"
Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù [Mk. 14:1-2]
(Mt 26, 1-5; Lq 22, 1-2; Ġw 11, 45-53)
14. 1 Kien għad baqa' jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta' moħħhom u jagħtuh il-mewt. 2Għax bdew jgħidu: "Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu."
Ġesù midluk f'Betanja [Mk. 14:3-9]
(Mt 26, 6-13; Ġw 12, 1-8)
3 Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun l-imġiddem f'Betanja. Daħlet mara, b'vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ ta' nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. 4 U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: "Dal-ħala kollu ta' fwieħa għalfejn? 5 Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra." U bdew jeħduha magħha. 6 Imma Ġesù qal: "Ħalluha: għala qegħdin iddejjquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. 7 Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. 8 Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. 9 Tassew, ngħidilkom, li kull fejn tixxandar il-Bxara t-tajba fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b'tifkira tagħha."
It-tradiment ta' Ġuda [Mk. 14:10-11]
(Mt 26, 14-16; Lq 22, 3-6)
10 Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom. 11 Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.
Ġesù jagħmel l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli [Mk. 14:12-21]
(Mt 26, 17-25; Lq 22, 7-14. 21-23; Ġw 13, 21-30)
12 Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta' l-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: "Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?" 13 Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Morru l-belt, u tiltaqgħu ma' raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, 14 u għidu lil sid id-dar ta' fejn tarawh dieħel, 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista' niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?' 15 U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk." 16 U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
17 Għall-ħin ta' filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. 18 U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: "Tassew, ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi." 19Huma bdew isewwdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: "Jaqaw jien?" 20Qalilhom: "Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. 21 Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!"
It-twaqqif ta' l-Ewkaristija [Mk. 14:22-25]
(Mt 26, 26-29; Lq 22,15-20; 1 Kor 11, 23-25)
22 Huma u jieklu, ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: "Ħudu, dan hu ġismi." 23 Mbagħad ħa kalċi f'idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. 24 U qalilhom: "Dan huwa demmi, d-demm tal-patt, li jixxerred għall-kotra. 25Tassew, ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta' Alla."
Ġesù jħabbar iċ-ċaħda ta' Pietru [Mk. 14:26-31]
(Mt 26, 30-35; Lq 22, 31-34; Ġw 13, 36-38)
26 Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. 27 U Ġesù qalilhom: "Ilkoll se titħawwdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-Ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’. 28 Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom." 29 Qallu Pietru: "Ukoll jekk jitħawwad kulħadd, jiena ma nitħawwadx." 30 Qallu Ġesù: "Tassew, ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet." 31 Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: "Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!" U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani [Mk. 14:14-42]
(Mt 26, 36-46; Lq 22, 39-46)
32 Waslu f'qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: "Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob." 33 U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża' u d-dwejjaq. 34 Qalilhom: "Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru." 35Mexa kemmxejn 'il quddiem, xteħet fl-art, u talab li, jekk jista' jkun, titwarrab minnu dik is-siegħa. 36 U qal: "Abbà, Missier, kollox jista' jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int." 37 Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: "Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! 38Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef." 39 U raġa' mar u tenna l-istess talba. 40Mill-ġdid ġie u għal darb'oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x'jaqbdu jgħidulu. 41Ġie għat-tielet darba u qalilhom: "Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f'idejn il-midinbin. 42 Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!"
Ġesù ttradut u arrestat [Mk. 14:43-52]
(Mt 26, 47-56; Lq 22, 47-53; Ġw 18, 2-11)
43 Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b'ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. 44Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: "Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb." 45 Malli mbagħad wasal, baqa' sejjer fuqu u qallu, "Rabbi." U biesu. 46 Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. 47 Imma wieħed minn dawk ta' madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. 48 Ġesù dar fuqhom u qalilhom: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! 49 Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura." 50 Mbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. 51 Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b'liżar biss fuq xejn, u qabduh; 52 imma hu telqilhom il-liżar f'idejhom u ħarab għeri.
Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sanhedrin [Mk. 14:53-65]
(Mt 26, 57-68; Lq 22, 54. 63-71; Ġw 18, 13-24)
53 Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. 54 Pietru kien baqa' miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. 55 Il-qassisin il-kbar u s-Sanhedrin kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. 56Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. 57 Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu: 58"Aħna smajnieh jgħid, 'Jiena nħott dan it-Tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!' " 59 Imma x-xhieda tagħhom anqas f'dan ma kienet taqbel. 60Imbagħad il-qassis il-kbir qam f'nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: "Xejn ma twieġeb? X'inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?" 61 Iżda hu baqa' sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: "Int il-Messija, Bin l-Imbierek?" 62 "Jiena hu," wieġbu Ġesù, “u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema.” 63 Mbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta' fuqu u qal: "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda? 64Id-dagħwa smajtuha! X'jidhrilkom?" U kollha qatgħuhielu li kien ħati tal-mewt.
65 Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: "Aqta' min!" U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.
Pietru jiċħad lil Ġesù [Mk. 14:66-72]
(Mt 26, 69-75; Lq 22, 55-62; Ġw 18, 15-18. 25-27)
66 Waqt li Pietru kien isfel 'il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. 67 Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: "Int ukoll kont ma' Ġesù ta' Nazaret." 68 Imma hu ċaħad u qal: "Ma nafx, m'iniex nifhem x'inti tgħid." U mar qagħad fid-daħla tal-palazz., u s-serduk idden. 69Imma l-qaddejja li ratu reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: "Dan wieħed minnhom." 70 U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: "Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija." 71 Mbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: "Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu." 72Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: 'Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet.' U nfexx jibki.
Ġesù quddiem Pilatu [Mk. 15:1-5]
(Mt 27, 1-2. 11-14; Lq 23, 1-5; Ġw 18, 28-38)
15. 1 Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinhedrin kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f'idejn Pilatu.
2 Pilatu staqsieh: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġeb u qallu: "Int qiegħed tgħidu." 3Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. 4 Iżda Pilatu reġa' staqsieh: "Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!" 5Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa' mistagħġeb.
Ġesù kkundannat għall-mewt [Mk. 15:6-15]
(Mt 27, 15-26; Lq 23, 13-25; Ġw 18, 39 - 19, 16)
6 F'nhar ta' festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. 7 Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewixta kienu qatlu lil xi ħadd.
8 In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. 9 Qabad Pilatu u qalilhom: "Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?" 10 Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f'idejh minħabba l-għira. 11 Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. 12 Pilatu reġa' staqsiehom u qalilhom: "U x'nagħmel imbagħad b'dak li intom issejjħulu s-sultan tal-Lhud?" 13 Iżda huma nfexxew jgħajjtu mill-ġdid: "Sallbu!" 14 Qalilhom Pilatu: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajjtu: "Sallbu1" 15 Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.
Is-suldati jżebilħu lil Ġesù [Mk. 15:16-20a]
(Mt 27, 27-31; Ġw 19, 2-3)
16 Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. 17 Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. 18 U bdew isellmulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!" 19 U qabdu jagħtuh b'qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. 20Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.
Ġesù msallab [Mk. 15:20b-32]
(Mt 27, 32-44; Lq 23, 26-43; Ġw 19, 17-27)
U ħaduh 'il barra biex isallbuh. 21 Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċirene, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba', u ġagħluh jerfagħlu s-salib. 22 U wassluh f'post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. 23 U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. 24 Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. 25 Kienet id-disgħa ta’ filgħodu xħin sallbuh. 26Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: "Is-sultan tal-Lhud." 27Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. 29Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: "Għajb għalik, int li tħott it-Tempju u tfittex terġa' tibnih fi tlitt ijiem! 30 Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!" 31 Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! 32 Ħa jinżel issa l-Messija, s-sultan ta' Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!" U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll.
Il-mewt ta' Ġesù [Mk. 15:33-41]
(Mt 27, 45-56; Lq 23, 44-49; Ġw 19, 28-30)
33 Xħin sar nofsinhar waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta. 34 U fit-tlieta ta’ wara nofsinhar Ġesù għajjat b'leħen qawwi: "Eloï, Eloï, lemà sabaqtàni?", li jfisser: "Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?" 35 Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!" 36 U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f'tarf ta' qasba, u tah jixrob filwaqt li qal: "Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!" 37 Imma Ġesù għajjat għajta kbira u ħarġet ruħu. 38 U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel. 39 Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: "Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!"
40 Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salome; 41 dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu.
Id-difna ta' Ġesù [Mk. 15:42-47]
(Mt 27, 57-61; Lq 23, 50-54; Ġw 19, 38-42)
42 Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, 43 Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta' Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. 44 Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. 45 Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta' Ġesù lil Ġużeppi, 46 u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar, u qiegħdu f'qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. 47 Marija ta' Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed.
Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet [Mk. 16:1-8]
(Mt 28, 1-18; Lq 24, 1-12; Ġw 20, 1-10)
16. 1 Meta għadda s-Sibt, Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. 2 U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
3 U bdew jgħidu lil xulxin: "Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?" 4 Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. 5 Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. 6Imma hu qalilhom: "Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta' Nażaret li kien imsallab: qam mill-mewt, mhuwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. 7 Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom." 8 U huma ħarġu 'l barra u tbiegħdu b'ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża'. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu.
Ġesù jidher lil Marija ta' Magdala [Mk. 16:9-11]
(Mt 28, 9-10; Ġw 20, 11-18)
9 Wara li qam mill-mewt filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta' Magdala, li minnha kien keċċa seba' xjaten. 10 Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. 11 Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.
Ġesù jidher lil żewġ dixxipli [Mk. 16:12-13
(Lq 24, 13-35)
12 Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba'. 13 U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.
Ġesù jagħti l-missjoni lill-Appostli [Mk. 16:14-18
(Mt 28, 16-20; Lq 24, 36-49; Ġw 20, 19-23; Atti 1, 6-8)
14 Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. 15 U qalilhom: "Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. 17 U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f'ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b'ilsna ġodda, 18 jaqbdu s-sriep b'idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; jqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu."
It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema [Mk. 16:19-20
(Lq 24, 50-53; Atti 1, 9-11)
19 U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella' fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta' Alla. 20 Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.