Vanġelu skond San Luqa

L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu

skond San Luqa

L-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu

skond San Luqa

DAĦLA

Dedika lil Teofilu [Lq. 1:1-4]

1. 1 Bosta kienu dawk li ħadu f'idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f'rakkont wieħed il-ġrajja li seħħu fostna, 2 kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b'għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma. 3 Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b'ħaġa, 4 biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kull ma tgħallimt.

I

IT-TWELID U L-ĦAJJA MOĦBIJA

TA’ ĠWANNI U TA’ ĠESÙ

[Lq:1, 5 - 2]

It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista [Lq. 1:5-25]

5 Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. 6 It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. 7 Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

8 Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, 9 u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens. 10 Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.

11 U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-artal ta' l-inċens. 12Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu. 13 Imma l-anġlu qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet; martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. 14Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. 15 Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. 16 Huwa jreġġa' lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, 17 u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex ireġġa' l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli b’hekk ilesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej." 18Imma Żakkarija qal lill-anġlu: "Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!" 19 Wieġeb l-anġlu u qallu: "Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. 20 U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa' mbikkem u ma tkunx tista' titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek."

21 Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. 22 Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa' mbikkem. 23Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, reġa' lura lejn id-dar.

24 Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: 25 "Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!"

It-taħbira tat-twelid ta' Ġesù Kristu [Lq. 1:26-38]

26 Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f'belt tal-Galilija, jisimha Nażaret, 27 għand xebba, mgħarrsa ma' raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta' David. Din ix-xebba kien jisimha Marija. 28 L-anġlu daħal għandha u qalilha: "Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, l-Mulej miegħek." 29 Hi tħawwdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x'setgħet qatt tfisser din it-tislima. 30 Iżda l-anġlu qalilha: "Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla. 31 Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. 32Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta' David missieru 33 u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu." 34Iżda Marija qalet lill-anġlu: "Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?" 35 Wieġeb l-anġlu u qalilha: "L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. 36 Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, 37 għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir." 38 Imbagħad qalet Marija: "Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skond kelmtek!" U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Iż-żjara ta' Marija lil Eliżabetta [Lq. 1:39-45]

39 F'dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f'belt tal-Lhudija. 40Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. 41 Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, t-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; 42 u nfexxet f'għajta kbira u qalet: "Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! 43 U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? 44 Għax ara, malli smajt f'widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. 45 Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej!"

Innu ta' tifħir lil Alla minn Marija [Lq. 1:46-56]

46 Imbagħad qalet Marija:

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

47 u l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-Salvatur tiegħi,

48 għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa 'l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

49 għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;

qaddis hu l-isem tiegħu.

50 Il-ħniena tiegħu tinfirex f'kull żmien

fuq dawk li jibżgħu minnu.

51 Hu wera l-qawwa ta' driegħu,

xerred lil dawk li huma mkabbra f'qalbhom.

52 Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,

u għolla ċ-ċkejknin.

53 Mela b'kull ġid lil min hu bil-ġuħ,

u l-għonja bagħathom 'il barra b'xejn.

54 Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,

għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

55 bħalma wiegħed lil missirijietna,

b'riżq Abraham u nislu għal dejjem."

56 Marija baqgħet ma' Eliżabetta għal xi tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

It-twelid ta' Ġwanni l-Battista [Lq. 1:57-66]

57 Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. 58 Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. 59 Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel, riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, 60 imma qabżet ommu u qalet: "Le, iżda Ġwanni jkun jismu." 61 Qalulha: "Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!" 62 Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x'ried isemmih, 63 u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: "Ismu huwa Ġwanni." U kulħadd baqa' mistagħġeb. 64 Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, lsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. 65 U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża', u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha ma' l-għoljiet kollha tal-Lhudija, 66 u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f'qalbu u jgħid: "Mela x'għad ikun dan it-tifel?" U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.

Il-profezija ta' Żakkarija [Lq. 1:67-80]

67 U Żakkarija, missieru, mtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:

68 "Imbierek il-Mulej, Alla ta' Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

69 u waqqaf għalina qawwa ta' salvazzjoni

f'dar David, qaddej tiegħu,

70 bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b'fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

71 biex isalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

72 B'hekk juri ħniena ma' missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

73 fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna,

li jagħtina,

74 li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża',

75 tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.

76 U int, tfajjel,

tissejjaħ profeta ta' l-aktar Għoli,

għax tmur qabel il-Mulej

biex tħejjilu triqatu,

77 biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni

bil-maħfra ta' dnubiethom,

78 mogħtija mill-qalb ħanina ta' Alla tagħna,

li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;

79 biex idawwal lil dawk li jinsabu

fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt,

biex imexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem."

80 It-tifel kiber u ssaħħaħ f'ruħu, u baqa' jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.

It-twelid ta' Ġesù Kristu [Lq. 2:1-7]

(Mt 1, 18-25)

2. 1 F'dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. 2Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. 3 U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. 4 Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta' Nażaret, u tela' l-Lhudija, fil-belt ta' David jisimha Betlehem - għax hu kien mid-dar u l-familja ta' David - 5 biex jinkiteb flimkien ma' Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. 6Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, 7 u wildet l-ewwel iben tagħha; fisqietu u medditu f'maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.

Ir-rgħajja u l-anġli [Lq. 2:8-21]

8 F'dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba', għassa mal-merħla tagħhom billejl. 9 U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża' kbir. 10Iżda l-anġlu qalilhom: "Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. 11 Illum, fil-belt ta' David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, l-Mulej. 12 U bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f'maxtura." 13F'daqqa waħda ngħaqdu ma' l-anġlu għadd kbir ta' qtajja' tas-sema, jfaħħru lil Alla u jgħidu:

14 "Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!"

15 Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, r-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: "Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x'ġara kif għarrafna l-Mulej." 16 Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u 'l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f'maxtura. 17 Kif raw dan, bdew jgħarrfu b'kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, 18 u kull min semagħhom baqa' mistagħġeb b'dak li qalulhom ir-rgħajja. 19 Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. 20 Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Iċ-ċirkonċiżjoni [Lq. 2:21]

21 Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Il-preżentazzjoni ta' Ġesù fit-tempju [Lq. 2:22-40]

22 Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta' Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, 23 kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ 24 u biex joffru b'sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

25 F'Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta' Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. 26 L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. 27 Mar mela fit-Tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 28 huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

29 "Issa, o Sid, tista' tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skond kelmtek,

30 għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek

31 li int ħejjejt

għall-popli kollha,

32 dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael."

33 Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b'dak li kien qiegħed jingħad fuqu. 34Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: "Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta' ħafna f'Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, 35 - u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! - biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta' ħafna."

36 Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta' Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba' snin miżżewġa, 37 u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-Tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. 38 Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma' dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta' Ġerusalemm.

Lura f’Nażaret

39 Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skond il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta' Nażaret. 40 U t-tifel baqa' jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta' Alla kienet fuqu.

It-tfajjel Ġesù fit-tempju [Lq. 2:41-52]

41 Ta' kull sena l-ġenituri ta' Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa ta' l-Għid. 42Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skond id-drawwa ta' dik il-festa. 43 Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa' Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. 44 Huma ħasbuh qiegħed ma' xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, 45ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

46 Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f'nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; 47 u kull min semgħu baqa' mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. 48 Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: "Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b'qalbna maqsuma!" 49 U hu qalilhom: "U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f'dak li hu ta' Missieri?" 50 Iżda kliemu ma fehmuhx. 51 Imbagħad niżel magħhom u reġa' mar Nażaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. 52 U hekk Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

II

TĦEJJIJA GĦALL-MINISTERU TA’ ĠESÙ

[Lq:3 – 4, 13]

Il-predikazzjoni ta' Ġwanni l-Battista [Lq. 3:1-20]

(Mt3, 1-12; Mk1, 1-8; Ġw 1, 19-28)

3. 1 Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta' Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka ta' l-artijiet ta’ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta' Abilene, 2 fiż-żmien meta l-uffiċċju ta' qassis il-kbir kien f'idejn Anna u Kajfa, l-kelma tal-Mulej qanqlet lil Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. 3 U ġie fl-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, 4 kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta' Isaija:

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.

5 Kull wied jimtela,

kull muntanja u għolja titbaxxa,

il-mogħdijiet mgħawġa jiddrittaw,

u t-triqat imħarbta jitwittew.

6 U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta' Alla.'

7 In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom, u huwa kien jgħidilhom: "Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x'għandkom tagħmlu biex taħarbu l-korla li ġejja? 8 Mela uru l-indiema bl-imġieba tajba tagħkom, u toqogħdux tgħidu lilkom infuskom: 'Għandna b'missier lil Abraham,' għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista' jqajjem ulied lil Abraham.' 9 Il-mannara ġa qiegħda ma' għerq is-siġra, u għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar." 10 In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: "Mela x'għandna nagħmlu?" 11 U huwa kien iweġibhom: "Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma' min ma għandu xejn, u min għandu x'jiekol jagħmel l-istess." 12 Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: "Mgħallem, x'għandna nagħmlu aħna?" 13 U huwa weġibhom: "Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu." 14 Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: "U aħna, x'għandna nagħmlu?" U huwa weġibhom: "Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom."

15 Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. 16 Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: "Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. 17 Il-midra qiegħda f'idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b'nar li ma jintefiex." 18 U b'ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

19 Iżda meta widdeb lil Erodi t-tetrarka minħabba Erodja, mart ħuh, u minħabba l-ħażen kollu li kien għamel, 20 Erodi kompla jżid ma' ħtijietu u għalaq lil Ġwanni fil-ħabs.

Il-magħmudija ta' Ġesù [Lq. 3: 21-22]

(Mt 3, 13-17; Mk 1, 9-11)

21 Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, 22 u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta' ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: "Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi."

L-antenati ta' Ġesù Kristu [Lq. 3:23-38]

(Mt 1, 1-17 )

23 Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli, 24 bin Mattat, bin Levi, bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi, 25 bin Mattatija, bin Għamos, bin Naħum, bin Għesli, bin Naggaj, 26 bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi, bin Ġożè, bin Ġuda, 27 bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel, bin Neri, 28 bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadam, bin Għer, 29 bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi, 30 bin Xmun, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim, 31 bin Melija, bin Menna, bin Mattatija, bin Natan, bin David, 32 bin Ġesse, bin Għobed, bin Bogħaż, bin Salaħ, bin Naħson, 33 bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni, bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda, 34 bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham, bin Teraħ, bin Naħor, 35 bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin Selaħ, 36 bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek, 37 bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan, 38 bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla.

It-tiġrib ta' Ġesù fid-deżert [Lq. 4:1-13]

(Mt 4, 1-11; Mk 1, 12-13)

4. 1 Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, reġa' lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. 2 Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. 3 U x-Xitan qallu: "Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż." 4 Wieġbu Ġesù: "Hemm miktub li 'l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix'." 5 Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f'daqqa. 6 Qallu x-Xitan: "Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. 7Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun." 8 Ġesù wieġbu u qallu: "Hemm miktub,

‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima,

u lilu biss taqdi’.”

9 Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-Tempju, u qallu: "Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. 10 Għax hemm miktub li

‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom

biex jieħdu ħsiebek sewwa,’

11 u li

fuq idejhom jerfgħuk,

ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla’.”

12 Wieġeb Ġesù u qallu: "Jingħad, 'Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek'." 13 Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

III

IL-MINISTERU TA’ ĠESÙ FIL-GALILIJA

[Lq:4, 14 – 9, 50]

Il-bidu tal-ministeru ta' Ġesù fil-Galilija [Lq. 4:14-15]

(Mt 4, 12-17; Mk 1, 14-15)

14 Ġesù, bil-qawwa ta' l-Ispirtu, reġa' mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma' dawk l-inħawi kollha, 15 għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta' kulħadd.

In-nies ta' Nażaret ma jilqgħux lil Ġesù [Lq. 4:16-30]

(Mk 13, 53-58; Mt 6, 1-6)

16 U ġie Nażaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta' Sibt, u qam biex jaqra. 17 Tawh f'idejh il-ktieb ta' Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

18 'L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani,

biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

19 u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’

20 Imbagħad reġa' għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u niżel bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. 21 U beda jgħidilhom: "Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu." 22 U lkoll bdew juru l-għoġba tagħhom għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu, u kollohom mistagħġba bdew jgħidu: "Dan mhuwiex bin Ġużeppi?" 23 Iżda hu qalilhom: "Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, 'Tabib, fejjaq lilek innifsek: dak kollu li smajna li ġara f'Kafarnahum agħmlu hawn f'pajjiżek ukoll." 24 U żied jgħidilhom: "Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f'pajjiżu. 25 Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f'Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa' tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa' ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; 26 madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta' Sidon. 27 U kien hemm bosta mġiddmin f'Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja." 28 Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; 29 qamu, u ħarġuh 'il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta' rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. 30 Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa' sejjer.

Ir-raġel bi spirtu ħażin [Lq. 4:31-37]

(Mt 1, 21-28)

31 Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f'jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, 32 li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta' wieħed li għandu s-setgħa.

33 U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta' ħażin, u qabad jgħajjat b'leħen għoli: 34 "Ah! x'għandna x'naqsmu, Ġesù ta' Nażaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta' Alla!" 35 Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: "Iskot, u oħroġ minnu!" Mbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. 36 U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lill-ieħor u jgħidu: "Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b'setgħa u qawwa lill-ispirti ħżiena u huma joħorġu!" 37 U l-fama tiegħu xterdet ma' kullimkien f'dawk l-inħawi kollha.

Ġesù jfejjaq ħafna nies [Lq. 4:38-41]

(Mt 8, 14-17; Mk 1, 29-34)

38 Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta' Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. 39 Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom. 40 Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x'kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. 41 Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll l-ispirti ħżiena, jgħajtu u jgħidu: "Inti Bin Alla!" Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.

Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka [Lq. 4:42-44]

(Mk 1, 35-39)

42 Meta sebaħ, ħareġ u mar f'post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. 43 Iżda hu qalilhom: "Jeħtieġli nxandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna ta' Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut." 44U kien jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija.

Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli [Lq. 5:1-11]

(Mt 4, 18-22; Mk 1, 16-20)

5. 1 Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma' l-kelma ta' Alla. Hu kien qiegħed f'xatt l-għadira ta' Ġennesaret. 2 U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. 3 Tela' fuq waħda minnhom, li kienet ta' Xmun, u talbu jaqla' kemmxejn 'il barra mill-art; imbagħad inxteħet bilqiegħda u qagħad jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. 4 Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: "Aqdef 'il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd." 5 Wieġbu Xmun u qallu: "Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek." 6 Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta' ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. 7 Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jagħtuhom daqqa ta’ id. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

8 Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f'riġlejn Ġesù u qallu: "Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!" 9 Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. 10 U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: "Tibżax; minn issa 'l quddiem tkun taqbad in-nies." 11 Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes ma' l-art, telqu kollox u marru warajh.

Ġesù jfejjaq wieħed imġiddem [Lq. 5:12-16]

(Mt 8, 1-4; Mk 1, 40-45)

12 Darba kien qiegħed f'belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-ġdiem; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: "Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni." 13Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Iva, irrid; kun imfejjaq," u minnufih il-ġdiem marlu. 14 Ġesù widdbu u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel l-offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt." 15 Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta' nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. 16 Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.

Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ [Lq. 5:17-26]

(Mt 9, 1-8; Mk 2, 1-12)

17 Jum fost l-oħrajn ġara li Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. 18 U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħlu lil dan il-bniedem ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, 19 iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù. 20 Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura." 21Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?" 22Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom? 23 X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew tgħid 'Qum u imxi'? 24 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." 25 U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. 26 U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu: "Rajna ħwejjeġ ta' l-għaġeb illum!"

Is-sejħa ta' Levi [Lq. 5:27-32]

(Mt 9, 9-13; Mk 2, 13-17)

27 Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: "Ejja warajja." 28 Dak telaq kollox, qam u mar warajh. 29Imbagħad Levi għamillu laqgħa sabiħa ħafna għandu stess, u kien hemm magħhom għall-mejda kotra kbira ta' pubblikani u nies oħra. 30 Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: "Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?" 31 U Ġesù weġibhom: "Mhux dawk li huma f'saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. 32 Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema."

Mistoqsija fuq is-sawm [Lq. 5:33-39]

(Mt 9, 14-17; Mk 2, 18-22)

33 Iżda huma qalulu: "Id-dixxipli ta' Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!" 34 U Ġesù qalilhom: "Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-mistednin tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? 35Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar." 36 Qalilhom ukoll parabbola: "Ħadd ma jaqta' biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa' waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta' l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. 37Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa' d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. 38 Iżda nbid ġdid iqegħduh f'damiġġani ġodda. 39 U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, 'Il-qadim tajjeb!' "

Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt [Lq. 6:1-5]

(Mt 12, 1-8; Mk 2, 23-28)

6. 1 Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b'idejhom u jikluh. 2 Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: "Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta' Sibt?" 3 Qabeż Ġesù u qalilhom: "Anqas dan ma qrajtu, x'għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu? 4 Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta' Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta' quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista' jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!" 5 U qalilhom: "Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll."

Ir-raġel b'idu niexfa [Lq. 6:6-11]

(Mt 12, 9-14; Mk 3, 1-6)

6 F'Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa. 7 Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f'jum is-Sibt, ħalli b'hekk isibu fuqiex jixluh. 8 Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: "Qum, u oħroġ fin-nofs." Dak qam u ħareġ fin-nofs. 9 U qalilhom Ġesù: "Ħa nistaqsikom ħaġa: X'jiswa nhar ta' Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?" 10 U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: "Midd idek." Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa. 11 Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x'se jagħmlu b'Ġesù.

Ġesù jagħżel it-Tnax [Lq. 6:12-16]

(Mt 10, 1-4; Mk 3, 13-19)

12 Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. 13 Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: 14 Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, 15Mattew, Tumas, Ġakbu ta' Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, 16 Ġuda ta' Ġakbu, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar [Lq. 6:17-19]

(Mt 4, 23-25)

17 Imbagħad niżel magħhom u waqaf f'wita, flimkien ma' kotra kbira ta' dixxipli u folla kbira ta' nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta' Tir u Sidon. 18Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti ħżiena kien ifiq; 19 u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

Hena veru u hena qarrieq [Lq. 6:20-26]

(Mt 5, 1-12)

20 Ġesù rafa' għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:

“Ħenjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna t’Alla.

21 Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.

Ħenjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.

22 Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. 23Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

24 Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

25 Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ.

Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewwħu u tibku.

26 Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!

L-imħabba ta' l-għedewwa [Lq. 6:27-36]

(Mt 5, 38-48; 7, 12a)

27 "Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: "Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, 28 bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. 29 Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. 30Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. 31 Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. 32 Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. 33 U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista' jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. 34 U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista' jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. 35 Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma' l-ingrati u l-ħżiena. 36Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Tiġġudikawx [Lq. 6:37-42]

(Mt 7, 1-5)

37 "Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; 38 agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f'ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom." 39Qalilhom parabbola: "Jista' agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? 40 Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. 41 Għax tara t-tibna f'għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f'għajnek int? 42 Kif tista' tgħidlu lil ħuk, 'Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f'għajnek', meta mintix tara t-travu li għandek f'għajnek int? Ja wiċċ b'ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.

Is-siġra tingħaraf mill-frott [Lq. 6:43-45]

(Mt 7, 16-20; 12, 34b-35)

43 "Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. 44 Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. 45 Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta' qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.

Sisien tajba u sisien ħżiena [Lq. 6:46-49]

(Mt 7, 24-27)

46 "Għaliex issejjħuli, 'Mulej,' u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien? 47 Kull min jiġi għandi u jisma' kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah. 48 Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb. 49 Iżda min jisma' kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b'qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!"

Ġesù jfejjaq qaddej ta' ċenturjun [Lq. 7:1-10]

(Mt 8, 5-13)

7. 1 Meta spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum. 2 U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar. 3Iċ-ċenturjun sama' b'Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbu jiġi jfejjaqlu l-qaddej. 4 Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b'ħerqa kbira u jgħidulu: "Jixraqlu li tagħmillu dan, 5 għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga." 6 Ġesù mar magħhom, u ma kienx 'il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma' xi ħbieb: "Sinjur, toqgħodx tinqala', għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; 7għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int tgħid kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq. 8 Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, 'Mur,' u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja,' u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, 'Agħmel dan,' u jagħmlu." 9 Ġesù baqa' mistagħġeb bih meta sama' dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: "Ngħidilkom li anqas f'Iżrael ma sibt fidi bħal din!" 10 Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta' Najn mill-mewt [Lq. 7:11-17]

11 Wara dan imbagħad mar f'belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta' nies. 12 Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta' nies mill-belt. 13 Kif raha l-Mulej tħassarha. "Tibkix", qalilha. 14 Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: "Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!" 15U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. 16 In-nies kollha tkexkxu bil-biża', u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: "Profeta kbir qam fostna", u, "Alla żar il-poplu tiegħu." 17 U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

Il-messaġġiera ta' Ġwanni l-Battista [Lq. 7:18-35]

(Mt 11, 2-19)

18 Id-dixxipli ta' Ġwanni marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn minnhom maġenbu, 19 u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" 20 Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: "Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" 21Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. 22Imbagħad wieġeb u qalilhom: "Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta' dak li rajtu u smajtu: kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-Bxara t-Tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. 23 Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!"

24 Xħin il-messaġġiera ta' Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: "Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? 25 Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom! 26Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. 27 Dan hu li fuqu hemm miktub,

‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi

biex iħejjilek it-triq quddiemek.’

28 Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b'danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta' Alla hu akbar minnu." 29 Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani taw raġun lil Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta' Ġwanni. 30Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba l-magħmudija ta' Ġwanni ma ħaduhiex.

31 “Ma' min, mela, se nxebbahhom in-nies ta' dan iż-żmien? Lil min jixbhu? 32Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu,

'Daqqejnielkom il-flawt

u ma żfintux,

għannejnielkom għanja ta' niket

u ma ħabbattux fuq sidirkom!'

33 Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li 'għandu fih xitan'. 34 Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, 'Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!' 35 Imma l-ulied ta' Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu."

Ġesù għand Xmun il-Fariżew [Lq. 7:36-50]

36 Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù għandu għall-mejda; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. 37 Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien għall-mejda għand il-Fariżew; ġiebet vażett ta' l-alabastru biż-żejt ifuħ, 38 u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b'xuxitha, mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. 39 Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: "Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x'mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf għax hi midinba!" 40 Imma Ġesù qabad u qallu: "Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek." "Għid, mgħallem" qallu dak. 41"Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma' wieħed li jislef il-flus: wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. 42 Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?" 43 Wieġeb Xmun u qal: "Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed." "Qtajt is-sewwa," qallu Ġesù. 44 Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: "Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b'xuxitha. 45 Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. 46 Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b'żejt ifuħ. 47 Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb." 48 Imbagħad qal lilha: "Dnubietek maħfura." 49 Dawk li kienu fil-mejda miegħu bdew jgħidu bejniethom: "Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?" 50 Iżda hu qal lill-mara: "Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema."

In-nisa twajba li marru wara Ġesù [Lq. 8:1-3]

8. 1 Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna ta' Alla. Kellu miegħu t-Tnax 2 u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta' Magdala, li minnha kienu ħarġu seba' xjaten, 3 Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta' Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.

Il-parabbola taż-żerriegħ [Lq. 8:4-8]

4 Inġemgħet kotra kbira ta' nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola: 5 "Wieħed bidwi ħareġ jiżra' ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra', xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-agħsafar ta' l-ajru naqqruhom kollha. 6Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx. 7 Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħanaqhom. 8 Oħrajn waqgħu f'art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija." Kif qal dan, refa' leħnu u qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"

L-iskop tal-parabboli [Lq. 8:9-10]

(Mt 13, 10-17; Mk 4, 10-12)

9 Id-dixxipli tiegħu staqsewh x'kienet dik il-parabbola. 10 U hu qalilhom: "Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta' Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.

Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ [Lq. 8:11-15]

(Mt 13, 18-23; Mk 4, 13-20)

11 "Il-parabbola, mela, hija din: iż-żerriegħa hi l-kelma ta' Alla. 12 Dawk ta' matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, mbagħad jiġi x-xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw. 13 Dawk ta' fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx egħruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu. 14 Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar 'il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx. 15 Imma dawk li jaqgħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b'qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

Il-parabbola tal-musbieħ [Lq. 8:16-18]

(Mk 4, 21-25)

16 "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b'għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl. 17 Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl. 18 Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu."

Omm Ġesù u ħutu [Lq. 8:19-21]

(Mt 12, 46-50; Mk 3, 31-35)

19 Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla. 20 Xi ħadd qallu: "Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk." 21 Iżda hu weġibhom: "Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jagħmlu li jgħid Hu."

Ġesù jsikket it-tempesta [Lq. 8:22-25]

(Mt 8, 23-27; Mk 4, 35-41)

22 Darba fost l-oħrajn tela' fuq dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: "Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta' l-għadira." U qadfu 'l barra. 23 Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, bdew jimtlew bl-ilma u ġew f'qagħda mwiegħra. 24Għalhekk resqu lejh, qajjmuh u qalulu: "Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!" Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma. 25 U qal lid-dixxipli: "Fejn hi l-fidi tagħkom?" Qabadhom il-biża', u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: "Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!"

Fejqan ta' raġel bi spirtu ħażin [Lq. 8:26-39]

(Mt 8, 28-34; Mk 5, 1-20)

26 Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin, li tiġi biswit il-Galilija. 27 Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan. Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb l-oqbra. 28 Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, inxteħet quddiemu u b'leħen qawwi qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok, taħqarnix!" 29 Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu ħażin biex joħroġ minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan kien jimbuttah lejn id-deżert. 30 Ġesù staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun," qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih. 31 U beda jitolbu biex ma jordnalhomx imorru fl-abissi.

32 Mela kien hemm merħla kbira ta' qżieqeż jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom. 33 U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-qżieqeż. U l-merħla nxteħtet għal ġo l-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet. 34Ir-rgħajja, meta raw x'ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet. 35In-nies ħarġu jaraw x'ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten sabuh bilqiegħda f'riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f'sikktu; u qabadhom il-biża'. 36 In-nies li raw x'ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq lil dak li kien maħkum mix-xitan. 37 Imbagħad in-nies kollha ta' l-inħawi ta' Gerasa bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża' kbir kien waqa' fuqhom. U hu tela' fuq id-dgħajsa u reġa' lura. 38 Ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa' miegħu, iżda hu bagħtu u qallu: 39 "Erġa' lura lejn id-dar u għarraf kull ma għamel Alla miegħek." Dak telaq u xandar mal-belt kollha kull ma kien għamel miegħu Ġesù.

It-tifla mqajma mill-mewt u l-mara mfejqa [Lq. 8:40-56]

(Mt 9, 18-26; Mk 5, 21-43)

40 Meta reġa' lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed jistennieh. 41 U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga, nxteħet f'riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu, 42 għax kienet qiegħda tmutlu bintu, tifla ta' xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha.

Huwa u sejjer, in-nies bdew irossu fuqu. 43 U kien hemm mara, li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha; 44 resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm waqfitilha. 45 U Ġesù qal: "Min messni?" Kulħadd ċaħad li kien messu, u Pietru qallu: "Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek." 46Imma Ġesù qal: "Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni." 47 Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b'rogħda fuqha, nxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u kif fieqet minnufih. 48 U hu qalilha: "Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema."

49 Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u qallu: "Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem." 50 Iżda Ġesù, meta sema' dan, qal lill-kap: "Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq." 51 Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u 'l Ġwanni u 'l Ġakbu, u lil missier it-tifla u 'l ommha. 52Kulħadd kien qiegħed jibkiha u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: "Tibkux, għax m'ijiex mejta, imma rieqda." 53 U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet. 54 Imma hu qabdilha idha u b'leħen qawwi qalilha: "Tifla, qum?" 55 U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol. 56Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd b'li ġara.

Il-missjoni tat-Tnax [Lq. 9:1-6]

(Mt 10, 5-15; Mk 6, 7-13)

9. 1 Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejqu l-mard. 2 U bagħathom ixandru s-Saltna ta' Alla u jfejjqu l-morda. 3 U qalilhom: "Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. 4 Jekk tidħlu f'xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. 5Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma' riġlejkom bħala xhieda kontrihom." 6 Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Bxara t-tajba u jfejjqu l-morda kullimkien.

Erodi mħasseb [Lq. 9:7-9]

( Mt 14, 1-12; Mk 6, 14-29)

7 Dawn il-ġrajja kollha waslu f'widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, 8 waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi. 9 Iżda Erodi qal: "Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma' dan kollu?" U beda jfittex li jarah.

Ġesù jitma' ħamest elef [Lq. 9:10-17]

( Mt 14, 13-21; Mk 6, 30-44; Ġw 6, 1-14)

10 L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x'kienu għamlu; mbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. 11 Imma l-folol saru jafu, u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta' Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. 12 Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: "Ibgħathom in-nies, ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib, biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f'post imwarrab." 13 Iżda hu qalilhom: "Agħtuhom intom x'jieklu." Qalulu: "Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!" 14 Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: "Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin." 15 Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. 16 Mbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refa' għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. 17 U kulħadd kiel u xaba', u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Pietru jistqarr il-fidi f'Ġesù [Lq. 9:18-20]

(Mt 16, 13-20; Mk 8, 27-39)

18 Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: "Min jgħidu n-nies li jien?" 19 Huma weġbuh u qalulu: "Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti ta' l-imgħoddi." 20Qalilhom: "Imma intom min tgħidu li jien?" Qabeż Pietru u qallu: "Inti l-Messija ta' Alla."

L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù [Lq. 9:21-27]

(Mt 16, 20-28; Mk 8, 30 - 9, 1)

21 Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b'dan. 22 U qalilhom: "Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum." 23 Darba qal lil kulħadd: "Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu kuljum, u jimxi warajja. 24 Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. 25 Għax x'jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu jew jinqered? 26Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u ta' l-anġli mqaddsa. 27 Tassew, ngħidilkom: xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta' Alla."

It-Trasfigurazzjoni [Lq. 9:28-36]

(Mt 17, 1-9; Mk 9, 2-8)

28 Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u 'l Ġakbu, u tela' fuq il-muntanja biex jitlob. 29 U ġara li, huwa u jitlob, id-dehra ta' wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta' bjuda li tgħammex. 30 U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, 31 li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta' ħajtu li kellu jseħħ f'Ġerusalemm. 32 Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. 33 Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: "Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija." Ma kienx jaf x'inhu jgħid. 34 Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom, u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. 35 U minn ġos-sħaba nstema' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-maħtur; isimgħu lilu." 36 Malli nstema' l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan [Lq. 9:37-43]

(Mt 17, 14-21; Mk 9, 14-27)

37 L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna nies. 38 U wieħed raġel mill-folla refa' leħnu u qallu: "Mgħallem, nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi. 39 Ara, l-ispirtu jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu ma' l-art kollu ragħwa, u jħallih imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu. 40 Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux." 41 Wieġeb Ġesù u qal: "Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek hawn." 42 Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu ma' l-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu ħażin, fejjaq lit-tifel, u reġa' tah lil missieru. 43 U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor lima bħalu ta' Alla.

It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù [Lq. 9:44-45]

(Mt 17, 22-23; Mk 9, 30-32)

Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kull ma kien qiegħed jagħmel, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 44 "Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f'idejn il-bnedmin." 45 Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa' mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal.

Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla [Lq. 9:46-48]

(Mt 18, 1-5, Mk 9, 33-37)

46 Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. 47 Ġesù għaraf x'kellhom f'moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, 48 u qalilhom: "Min jilqa' lil dan it-tifel żgħir minħabba f'ismi, ikun jilqa' lili; u min jilqa' lili, ikun jilqa' lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir."

Min mhuwiex kontra tagħkom hu magħkom [Lq. 9:49-50]

(Mt 9, 38-40)

49 Qabeż Ġwanni u qallu: "Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f'ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna." 50 Imma Ġesù qallu: "La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom."

IV

FIT-TRIQ LEJN ĠERUSALEMM

[Lq:9, 51 – 19, 27]

Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù [Lq. 9:51-56]

51 Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b'rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. 52 U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f'raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn t-triq. 53 Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. 54 Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: "Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?" 55 Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. 56 U marru f'raħal ieħor.

X'jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu [Lq. 9:57-62]

(Mt 8, 18-22)

57 Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: "Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk." 58 U qallu Ġesù: "Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar ta' l-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu." 59 Lil wieħed ieħor qallu: "Imxi warajja." Iżda dak wieġbu: "Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri." 60Iżda hu wieġbu: "Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta' Alla." 61 U ieħor ukoll qallu: "Jien niġi, Mulej, warajk; imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar." 62 Qallu Ġesù: "Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta' Alla."

Il-missjoni tat-72 dixxiplu [Lq. 10:1-12]

10. 1 Wara dan, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f'kull belt u post fejn kien se jmur hu. 2 U qalilhom: "Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. 3Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. 4 Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. 5 Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, 'Is-sliem lil din id-dar.' 6 U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa' lura għandkom. 7 Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. 8 F'kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; 9 fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom, 'Is-Saltna ta' Alla waslitilkom.' 10 Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu, 11 'Sa t-trab ta' beltkom infarfru minn ma' riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta' Alla waslet.' 12Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.

Saħta fuq il-bliet li ma nidmux [Lq. 10:13-16]

(Mt 11, 20-24)

13 "Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f'Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. 14 Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. 15 U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet! 16 Min jisma' lilkom ikun jisma' lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni."

It-72 jerġgħu lura għand Ġesù [Lq. 10:17-20]

17 It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: "Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek!" 18 U hu qalilhom: "Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa' bħal berqa mis-sema. 19 Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa ta' l-għadu, u ebda ħsara ma jagħmlulkom. 20 Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet."

Il-ferħ ta' Ġesù [Lq. 10:21-24]

(Mt 11, 25-27 ; Mk 13, 16-17)

21 F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: "Nfaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. 22 Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu." 23 Mbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: "Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. 24 Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!"

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb [Lq. 10:25-37]

25 Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: "Mgħallem, x'nagħmel biex niret il-ħajja ta' dejjem?" 26 Qallu Ġesù: "Fil-Liġi x'hemm miktub? Inti x'taqra fiha?" 27 U dak wieġeb: "Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, u b'ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b'moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek." 28"Sewwa weġibt," qallu Ġesù,"agħmel hekk u tgħix." 29 Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qallu: "U l-proxxmu tiegħi min hu?" 30 U Ġesù reġa' qabad jgħidlu: "Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa' f'idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. 31 Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. 32 Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa' sejjer. 33 Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. 34Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f'lukanda u ħa ħsiebu. 35 L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, "Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddhielek jien meta nerġa' ngħaddi.' 36 Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta' proxxmu ma' dak li waqa' f'idejn il-ħallelin?" 37 "Min ħenn għalih," wieġbu dak. "Mur," qallu Ġesù, "u agħmel hekk int ukoll."

Ġesù jżur lil Marta u Marija [Lq. 10:38-42]

38 Huma u sejrin, daħal f'raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. 39Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f'riġlejn il-Mulej tisimgħu x'kien qiegħed jgħid. 40 Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: "Mulej, mintix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!" 41 Qabeż il-Mulej u qalilha: "Marta! Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; 42 imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex."

Tagħlim fuq it-talb [Lq. 11:1-13]

(Mt 6, 9-15; 7, 7-11)

11. 1 Darba kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: "Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu." 2U qalilhom: "Meta titolbu, għidu,

'Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

3 Agħtina kuljum il-ħobż tagħna ta' kuljum.

4 U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.' "

5 Qalilhom ukoll: "Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f'nofs ta' lejl u jgħidlu, 'Ħabib, islifni tliet ħobżiet, 6 għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x'nagħtih.' 7 U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, 'Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.' 8 Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kull ma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. 9 U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. 10Għax min jitlob, jaqla'; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. 11 Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? 12 Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? 13 Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!"

Ġesù u Begħelżebul [Lq. 11:14-23]

(Mt 12, 22-30; Mk 3, 20-27)

14 Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. 15 Iżda xi wħud minnhom qalu: "Bis-saħħa ta' Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten." 16 Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema. 17 Iżda hu ntebaħ x'kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: "Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa' dar fuq oħra. 18 Jekk ix-xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta' Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. 19Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Begħelżebul, mela wliedkom bis-saħħa ta' min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. 20Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta' Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta' Alla. 21 Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. 22 Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħelbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. 23 Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.

L-ispirtu ħażin iħabbat lill-bniedem [Lq. 11:24-26]

(Mt 12, 43-45)

24 "Meta l-ispirtu ħażin joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f'art niexfa, u billi ma jsibu mkien jgħid, 'Mela nerġa' lura lejn dari mnejn ħriġt.' 25 U xħin jiġi, jsibha miknusa u kollox f'postu. 26 Mbagħad imur iġib seba' spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f'qagħda agħar minn ta' qabel."

L-hena veru [Lq. 11:27-28]

27 Huwa u jgħid dan, kien hemm waħda mara li għolliet leħinha minn qalb il-folla u qaltlu: "Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt!" 28 Iżda hu qalilha: "Imma tassew ngħidlek, aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta' Alla u jħarsuha!"

Nisel ħażin irid sinjal [Lq. 11:29-32]

(Mt 12, 38-42; Mk 8, 12)

29 Meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: "Nisel ħażin huwa dan in-nisel! Irid sinjal! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta' Ġona. 30 Għax bħalma Ġona sar sinjal għan-nies ta' Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem għal dan in-nisel. 31F'jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum man-nies ta' dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf ta' l-art biex tisma' l-għerf ta' Salamun; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Salamun! 32 F'jum il-ħaqq, in-nies ta' Ninwè għad iqumu ma' dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta' Ġona; u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn Ġona!

Id-dawl tal-bniedem [Lq. 11:33-36]

(Mt 5, 15; 6, 22-23)

33 "Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu xi mkien fil-moħbi jew taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, biex dawk li jidħlu jkunu jistgħu jaraw id-dawl. 34 Il-musbieħ tal-ġisem hija għajnek. Jekk għajnek hi safja, il-ġisem ukoll ikun kollu mdawwal tajjeb. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek ukoll ikun mudlam. 35 Mela ara jekk id-dawl li għandek fik huwiex dlam! 36 Jekk ġismek hu kollu mdawwal tajjeb u ma fih imkien mudlam, ikun jiddi kollu kemm hu bħal meta musbieħ idawlek bid-dija tiegħu."

Ġesù jikkundanna lill-Fariżej u lill-għorrief tal-Liġi [Lq. 11:37-54]

(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 20, 45-47)

37 Huwa u jitkellem, wieħed Fariżew stiednu għandu għall-ikel. Daħal għandu u qagħad bilqiegħda. 38 Imma l-Fariżew stagħġeb meta ra li qabelxejn ma nħasilx skond ir-rit ta' qabel l-ikel. 39 U l-Mulej qallu: "U issa intom il-Fariżej! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, iżda minn ġewwa intom mimlija bis-serq u l-ħażen. 40Kemm intom bla moħħ! Min għamel in-naħa ta' barra ma għamilx ukoll in-naħa ta' ġewwa? 41 Mela agħtu karità minn dak li hemm ġewwa, u taraw kif kollox ikunilkom nadif. 42 Imma ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta' ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta' Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. 43 Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. 44Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom."

45 Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: "Mgħallem, b'dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll!" 46 Qallu Ġesù: "Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b'tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b'saba' wieħed ma tmissuhom. 47 Ħażin għalikom! Intom tibnu l-oqbra tal-profeti li qatlu missirijietkom, 48 u b'hekk tagħtu xhieda ta' kull ma għamlu missirijietkom u turu li taqblu magħhom, għax huma qatluhom u intom tibnulhom l-oqbra. 49 Kien għalhekk li l-Għerf ta' Alla qal, 'Jien nibagħtilhom profeti u appostli, u huma joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.' 50 U hekk dan in-nisel ikollu jagħti kont tad-demm il-profeti kollha li nxtered sa mill-ħolqien tad-dinja, 51 ibda mid-demm ta' Abel sad-demm ta' Żakkarija, li qerduh bejn l-altar u s-santwarju. Iva, ngħidilkom, dan in-nisel ikollu jagħti kont! 52 Ħażin għalikom intom l-għorrief tal-Liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ ta' l-għerf, biex imbagħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!" 53 Meta Ġesù ħareġ minn hemm, il-kittieba u l-Fariżej bdew irossuh kemm jifilħu b'mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ 54 u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu.

Twissija fuq il-wiċċ b'ieħor [Lq. 12:1-3]

12. 1 Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: "Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b'ieħor tagħhom. 2 Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf. 3 Għalhekk, kull ma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstema' fid-dawl, u kull ma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta' ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.

Minn min għandkom tibżgħu [Lq. 12:4-7]

(Mt 10, 28-31)

4 "Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi: tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. 5 Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu: ibżgħu minn dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġo l-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. 6 Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. 7 U intom, sa x-xagħar ta' raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.

Id-dixxiplu jistqarr li hu ma' Ġesù [Lq. 12:8-12]

(Mt 10, 32-33; 12, 32; Ġw 10, 19-20)

8 "U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta' Alla. 9 Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta' Alla. 10 U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jidgħi bl-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux. 11 Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif jew biex sejrin twieġbu jew x'sejrin tgħidu, 12 għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x'għandkom tgħidu."

Il-parabbola ta' l-għani iblah [Lq. 12:13-21]

13 Xi ħadd mill-folla qallu: "Mgħallem, għid lil ħija jaqsam miegħi l-wirt." 14 "Ħabib," wieġbu Ġesù, "min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?" 15 Imbagħad qal lin-nies: "Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu." 16 U qalilhom parabbola: "Wieħed raġel għani ġabar kotra ta' frott mir-raba' tiegħu. 17 U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, 'X'se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! 18 Ara x'nagħmel,' qal, 'inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. 19 Mbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta' ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!" 20 Iżda qallu Alla, 'Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta' min ikunu?' 21Hekk jiġrilu min jiġma' l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla."

L-inkwiet u t-tħassib [Lq. 12:22-31]

(Mt 6, 25-34)

22 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: "Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x'se tieklu, anqas għall-ġisem, x'se tilbsu. 23 Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies. 24 Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra' u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfa', u b’danakollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom! 25 U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b'jum wieħed? 26 Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija? 27 Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. 28 Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta' fidi ċkejkna? 29 Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x'se tieklu u x'se tixorbu, u xejn titħassbu; 30 dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani, u Missierkom jaf li teħtiġuhom. 31 Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.

Teżori fis-sema [Lq. 12:32-34]

(Mt 6, 19-20)

32 "Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! 33Bigħu ġidkom u agħtuh karità, u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. 34 Għax fejn hemm it-teżori tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll."

Il-qaddejja li jishru [Lq. 12:35-40]

35 "Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; 36 kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. 37Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew, ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. 38 U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! 39 Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħitan ta' daru. 40 Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem."

Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin [Lq. 12:41-48]

(Mt 24, 45-51)

41 "Mulej," qallu Pietru, "din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?" 42 Wieġbu l-Mulej: "Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f'ħin l-ikel? 43 Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. 44 Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f'idejh. 45 Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f'qalbu, 'Sidi jiddawwar ma jiġi,' u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, rġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; 46 sid dak il-qaddej jasal f'jum meta ma jkunx jistennieh, f'siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. 47 U dak il-qaddej li jkun jaf sidu xi jrid, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla'. 48Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax jikk tawk ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandek; u jekk ħallewlek ħafna ħwejjeġ taħt idejk, iżjed jippretendu mingħandek.”

Ġesù jġib il-firda [Lq. 12:49-53]

(Mt 10, 34-36)

49 "Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! 50 Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x'diqa għandi sa ma dan iseħħ! 51 Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; 52 għax mil-lum 'il quddiem ħamsa minn nies f'dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta: 53 jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha."

Iż-żmien jgħallem [Lq. 12:54-56]

(Mt 16, 2-3)

54 Lin-nies qalilhom ukoll: "Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri. 55 U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. 56 Uċuħ b'oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta' issa kif ma tafux tfissruh?"

Irranġa ma' min jixlik [Lq. 12:57-59]

(Mt 5, 25-26)

57 "U għala ma tiġġudikawx intom stess xinhu s-sewwa? 58 Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f'idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; 59 għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba."

Jekk ma tindmux, tintilfu [Lq. 13:1-5]

13. 1 Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b'dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. 2 U Ġesù qabad u qalilhom: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? 3 Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. 4 Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm? 5 Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."

Is-siġra tat-tin bla frott [Lq. 13:6-9]

6 U qalilhom din il-parabbola: "Wieħed kellu siġra tat-tin imħawwla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. 7 Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, 'Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f'din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa' tkidd l-art? 8 Iżda dak wieġbu, 'Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. 9 Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha'."

Il-mara mifluġa mfejqa f'jum is-Sibt [Lq. 13:10-17]

10 Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f'waħda mis-sinagogi. 11 U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista' tieqaf dritta għalkollox. 12 Kif raha Ġesù sejjħilha u qalilha: "Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek." 13 U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla. 14Qabeż il-kap tas-sinagoga, b'saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f'jum is-Sibt, u qal lin-nies: "Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!" 15 "Uċuħ b'oħra!" wieġbu l-Mulej, "Mhux kull wieħed minnkom f'jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih? 16 U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?" 17 Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.

Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda [Lq. 13:18-19]

(Mt 13, 31-32; Mk 4, 30-32)

18 Mela qal: "Lil xiex tixbah is-Saltna ta' Alla, u ma' xiex se nxebbhuha? 19 Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar ta' l-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha."

Il-parabbola tal-ħmira [Lq. 13:20-21]

(Mt 13, 33)

20 U reġa' qalilhom: "Ma' xiex se nxebbahha s-Saltna ta' Alla? 21 Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma' tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha."

Il-bieb id-dejjaq [Lq. 13:22-30]

(Mt 7, 13-14. 21-23)

22 Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f'xi bliet u rħula. 23 U kien hemm wieħed qallu: "Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?" U huwa weġibhom: 24"Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. 25 Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, 'Mulej, iftħilna.' Iżda hu jweġibkom u jgħid, 'Ma nafx mnejn intom.' 26 Imbagħad taqbdu tgħidulu, 'Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.' 27 Hu jwieġeb u jgħidilkom, 'Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!' 28Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta' Alla, u intom imkeċċija 'l barra. 29 U jiġu nies mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta' Alla. 30 U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar."

Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm [Lq. 13:31-35]

(Mt 23, 37-39)

31 Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: "Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok." 32 U hu qalilhom: "Morru għidulu lil dak il-volpi, 'Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. 33Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm. 34 Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! 35 Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li mintomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, 'Mbierek min ġej f'isem il-Mulej!' "

Ġesù jfejjaq raġel marid [Lq. 14:1-6]

14. 1 Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. 2 U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. 3Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u lill-Fariżej; qalilhom: "Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f'jum is-Sibt?" 4 Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejjqu u bagħtu. 5Mbagħad qalilhom: "Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f'ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?" 6 U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.

Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden [Lq. 14:7-14]

7 Billi ra b'għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta' quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: 8 "Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta' tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta' quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, 9 u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, 'Agħti l-post lil dan', u int imbagħad, b'regħxa ta' mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar. 10 Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, 'Ħabib, itla’ f'post aktar 'il fuq.' U dan ikun ta' ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. 11 Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar." 12 Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: "Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. 13Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, 14 u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!"

Il-parabbola tal-pranzu [Lq. 14:15-24]

(Mt 22, 1-10)

15 Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: "Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta' Alla!" 16 Iżda hu wieġeb: "Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. 17 Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, 'Ejjew, għax ġa lest kollox.' 18 Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, 'Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.' 19 Ieħor qallu, 'Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x'jagħtu; nitolbok tagħdirni.' 20 Ieħor qallu, 'Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.' 21 Il-qaddej reġa' lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b'korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, 'Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop.' 22Il-qaddej imbagħad qallu, 'Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa'. 23 'Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,' qal is-sid lill-qaddej, 'u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. 24 Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.' "

Id-dixxiplu ta’ Ġesù għandu jiċċaħħad minn kollox [Lq. 14:25-33]

(Mt 10, 37-38)

25 Kotra kbira ta' nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: 26 "Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u 'l ommu u lil martu u lil uliedu, u 'l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. 27 Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

28 "Għax min minnkom ikun irid jibni torri, u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? 29Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista' jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt 30 u jgħid, 'Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.' 31 Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b'għaxart elef raġel iħabbatha ma' min ġej għalih b'għoxrin elf ruħ? 32 Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu 'l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. 33 Hekk ukoll ħadd ma jista' jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

Jekk il-melħ jaqta’ [Lq. 14:34-35]

(Mt 5, 13; Mk 9, 50)

34 "Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta', biex se jerġa' jieħu t-togħma tiegħu? 35 U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel; jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"

Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa [Lq. 15:1-7]

(Mt 18, 12-14)

15. 1 Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. 2 U kemm il-Fariżej kif ukoll il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: "Dan, nies midinba jilqa' għandu! Magħhom jiekol!" 3 U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: 4 "Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? 5 U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, 6 imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.' 7 Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta' ndiema.

Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa [Lq. 15:8-10]

8 "Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhix sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa' tfittex bil-għaqal sa ma ssibha! 9 U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, 'Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.' 10 Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta' Alla għal midneb wieħed li jindem."

Il-parabbola ta' l-iben il-ħali [Lq. 15:11-32]

11 Qalilhom ukoll: "Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. 12 Iż-żgħir qal lil missieru, 'Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.' U dak qassmilhom il-ġid. 13 Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajra. 14 Meta ħela kull ma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa' ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. 15 U mar daħal ma' wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba' tiegħu jirgħa l-qżieqeż. 16 Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-qżieqeż, imma ħadd ma kien jagħtih. 17 Imbagħad daħal fih innifsu u qal, 'Kemm lavranti ma' missieri għandhom ħobż bix-xaba', u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! 18 Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, 'Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; 19 ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b'wieħed mil-lavranti tiegħek.” ’ 20Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod, missieru lemħu u tħassru, u b'ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. 21 'Missier,' qallu ibnu, 'dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.' 22 Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, 'Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f'sebgħu u s-sandli f'riġlejh! 23 Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, 24għax dan ibni kien mejjet u reġa' qam, kien mitluf u nstab!' U għamlu festa.

25 "Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa' lura, kif wasal qrib id-dar sema' daqq u żfin. 26 Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x'kien. 27 'Hawn ħuk,' qallu dak, 'u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax reġa' għandu qawwi u sħiħ.' 28 Hu nkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 29 'Ara,' qal lil missieru, 'ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma' ħbiebi! 30 Mbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa tat-triq, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!' 31 'Ibni,' qallu missieru, 'inti dejjem miegħi, u kull ma hu tiegħi huwa tiegħek. 32 Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa' qam, kien mitluf u nstab.' "

Il-parabbola tal-amministratur li ma kienx fidil [Lq. 16:1-13]

16. 1 Qal ukoll lid-dixxipli tiegħu: "Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. 2 Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, 'Dan xinhu li qiegħed nisma' fuqek? Agħtini kont ta' l-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa' iżjed amministratur tiegħi.' 3 L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, 'Issa x'sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. 4 Naf x'nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, nsib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.' 5 U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. 'Kemm għandek tagħtih lil sidi?' staqsa lill-ewwel wieħed. 6 'Mitt barmil żejt,' wieġbu dak. 'Oħroġ il-karti tiegħek,' qallu l-amministratur, 'oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.' 7 Lil ieħor staqsieh, 'U int, kemm għandek tagħti?' 'Mitt xkora qamħ,' wieġbu. Qallu, 'Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.' 8 U s-sid faħħru lil dak l-amministratur diżonest talli ħadem b'rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma' min hu tal-qatgħa tagħhom. 9 U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb bis-saħħa ta' qligħ diżonest, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta' dejjem. 10 Min hu fidil f'ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f'ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. 11 Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ diżonest, min se jafdalkom il-ġid veru? 12 U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f'dak li hu ta' ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? 13 Ebda qaddej ma jista' jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma' wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus."

Tagħlim ta’ Ġesù [Lq. 16:14-17]

(Mt 11, 12-13)

14 Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih. 15 Iżda hu qalilhom: "Intom dawk li tagħmluha ta' nies sewwa f'għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f'għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah. 16 Sa żmien Ġwanni kien hawn il-Liġi u l-Profeti; minn żmien Ġwanni 'l hawn qiegħda tixxandar il-Bxara t-tajba tas-Saltna ta' Alla, u kulħadd qiegħed jitħabat bis-sħiħ għaliha. 17 Hu aktar ħafif li jgħaddu s-sema u l-art milli taqa' tikka waħda mil-Liġi.

Tagħlim fuq id-divorzju [Lq. 16:18]

(Mt 5, 31-32; Mk 10, 11-12)

18 "Kull min jibgħat lil martu u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn żewġha jagħmel adulterju."

Il-parabbola ta' l-għani u Lazzru [Lq. 16:19-31]

19 "Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li jagħmel kuljum ikla mill-aħjar. 20 U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta' daru, 21 bix-xewqa li jixba' b'dak li jaqa' mill-mejda ta' l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. 22 Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. 23Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f'art l-imwiet, refa' ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b'Lazzru fi ħdanu. 24 U għolla leħnu u qallu, 'Missier, Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f'dan in-nar.' 25 'Ibni,' qallu Abraham, 'ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f'ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f'ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. 26 Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista', u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.' 27 Qallu l-għani, 'Mela nitolbok, missier, ibagħtu f'dar missieri, 28 għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f'dan il-post ta' tbatijiet ħorox!' 29 Qallu Abraham, 'Għandhom lil Mosè u l-Profeti: jisimgħu lilhom.' 30 'Le, missier, Abraham,' qallu dak, 'imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.' 31 Iżda wieġbu Abraham, 'Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.' "

L-iskandlu [Lq. 17:1-3a]

(Mt 18, 6-7; Mk 9, 42)

17. 1 Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom! 2 Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma' għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin. 3Oqogħdu attenti!

Il-maħfra bejn l-aħwa [Lq. 17:3a-4]

(Mt 18, 15. 21-22)

"Jekk ħuk jaqa' f'xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu. 4 U jekk jonqsok seba' darbiet f'ġurnata, u jdur lejk seba' darbiet u jgħidlek, 'Jisgħobbija,' aħfirlu."

Kattar fina l-fidi [Lq. 17:5-6]

5 L-appostli qalu lill-Mulej: "Kattar fina l-fidi." 6 Weġibhom il-Mulej: "Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, 'Inqala' u mur tħawwel fil-baħar,' u hi kienet tisma' minnkom.

Dmir il-qaddej [Lq. 17:7-10]

7 "Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x'se jgħidlu? 'Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? 8 jew, 'Lestili x'niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’? 9 Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? 10 Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, 'Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn għamilna biss dak li kellna nagħmlu.' "

Ġesù jfejjaq għaxar imġiddma [Lq. 17:11-19]

11 Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. 12 Kif kien dieħel f'raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel imġiddma. Waqfu 'l bogħod minnu, 13 għollew leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!" 14Kif rahom, qalilhom: "Morru uru rwieħkom lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, indafu mill-ġdiem. 15 Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, reġa' lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, 16nxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. 17 U Ġesù qabad u qal: "Mhux l-għaxra tnaddfu mill-ġdiem? Fejn huma d-disgħa l-oħra? 18 Ma kien hemm ħadd minnhom li reġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!" 19Imbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."

Il-miġja tas-Saltna ta' Alla [Lq. 17:20-37]

20 Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta' Alla, u hu weġibhom: "Is-Saltna ta' Alla ma tiġix b'sinjali li jidhru; 21 lanqas ħadd ma hu se jgħid, 'Arawha, hawn,' jew, 'Hemm', għax araw, is-Saltna ta' Alla fostkom qiegħda." 22 Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: "Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. 23U jgħidulkom, 'Arawh, hawn hu,' jew, 'Arawh, hemm hu!' Tmorrux, tiġrux warajhom. 24Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għall-ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. 25 Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.

26 "U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem. 27 Kienu jieklu, jixorbu, iżewġu u jiżżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; mbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll. 28 L-istess bħalma ġara fi żmien Lot: kienu jieklu, jixorbu, jixtru, jbigħu, iħawwlu, jibnu, 29 imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta' nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll. 30 Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem. 31F'dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba', iqis li ma jerġax lura. 32Ftakru fil-mara ta' Lot!

33 "Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha. 34 Ngħidilkom li, f'dak il-lejl, tnejn ikunu f'sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla; 35 żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla." 37 Qalulu: "Fejn, Mulej?" U hu weġibhom: "Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru."

Il-parabbola ta' l-imħallef u l-armla [Lq. 18:1-8]

18. 1 Imbagħad qalilhom parabbola, biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. 2 Qalilhom: "Kien hemm f'belt wieħed imħallef, li la kien jibża' minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. 3 F'dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, 'Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.' 4 Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, 'Mhux għax nibża' minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, 5 imma għall-inqas għax din l-armla dejjqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.' " 6 U l-Mulej qal: "Isimgħu ftit x'jgħid l-imħallef il-ħażin. 7Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? 8 Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?"

Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan [Lq. 18:9-14]

9 Kien hemm xi wħud li waħħlu f’rashom li huma nies ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: 10 "Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-Tempju biex jitolbu. 11 Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f'qalbu, 'O Alla, niżżik ħajr li miniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. 12Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta' kull ma ndaħħal.' 13 Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa' għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: 'Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!' 14 Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar."

Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar [Lq. 18:15-17]

(Mt 19, 13-15; Mk 10, 13-16)

15 Ġibulu wkoll quddiemu t-trabi biex imisshom. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajtu magħhom. 16 Ġesù sejħilhom u qalilhom: "Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta' min hu bħalhom hija s-Saltna ta' Alla. 17Tassew, ngħidilkom, li min is-Saltna ta' Alla ma jilqagħhiex b’qalb ta’ tifel ċkejken ma jidħolx fiha."

Il-kap li kien għani [Lq. 18:18-30]

(Mt 19, 16-30; Mk 10, 17-31)

18 Wieħed kap staqsieh u qallu: "Mgħallem tajjeb, x'għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta' dejjem?" 19 "Għaliex qiegħed issejjaħli 'tajjeb'?" qallu Ġesù. "Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu. 20 Inti l-kmandamenti tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u 'l ommok." 21 Dak qallu: "Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti." 22 Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: "Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kull ma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet; mbagħad ejja u imxi warajja." 23 Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.

24 Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: "Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta' Alla! 25 Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta' labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta' Alla!" 26 Dawk li semgħuh qalulu: "Mela min jista' jsalva?" 27 Iżda hu weġibhom: "Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista' jkun."

28 Qallu Pietru: "Tajjeb! Aħna ħallejna kull ma kellna u ġejna warajk." 29 Ġesù qalilhom: "Tassew, ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba s-Saltna ta' Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri tagħhom jew 'l uliedhom, 30 ma hemm ħadd fosthom li f'din id-dinja stess ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta' dejjem fiż-żmien li ġej."

It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien ta’ Ġesù [Lq. 18:31-34]

(Mt20, 17-19; Mk 10, 32-34)

31 Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: "Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u jseħħ kull ma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem. 32 Għax se jagħtuh f'idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu, 33 jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet." 34 Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa' mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.

Ġesù jfejjaq raġel fqir u agħma [Lq. 18:35-43]

(Mt 20, 29-34; Mk 10, 46-52)

35 Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. 36 Dan sema' l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x'ġara. 37U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret. 38 Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!" 39 Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" 40 Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: 41"Xi tridni nagħmillek?" "Li nara, Mulej," wieġbu dak. 42 U Ġesù qallu: "Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek." 43 U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.

Ġesù u Żakkew [Lq. 19:1-10]

19. 1 Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. 2 Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. 3 Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. 4Għalhekk mar jiġri 'l quddiem u xxabbat ma' tina selvaġġa, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. 5 Ġesù, kif wasal hemm, ħares 'il fuq u qallu: "Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek." 6 Dak niżel bla telf ta' żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. 7In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. 8 Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: "Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b'xi ħadd u sraqtu, inroddlu għal erba' darbiet iżjed." 9 Qallu Ġesù: "F'din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. 10 Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf."

Il-parabbola ta' l-għaxar miniet [Lq. 19:11-27]

11 Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta' Alla kienet se tidher minnufih. 12 Mela qal: "Wieħed raġel nobbli siefer f'pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa' lura. 13 Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: 'Ħaddmuhom, sa ma nerġa' niġi.' 14 Issa n-nies ta' pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, 'Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.' 15 Ġara li, meta ħa s-saltna u reġa' lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x'qalgħu. 16Resaq l-ewwel wieħed u qallu, 'Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.' 17 Qallu, 'Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f'ħaġa tassew żgħira, ħu f'idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.' 18 Ġie t-tieni wieħed u qallu, 'Sinjur, bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.' 19 Lil dan ukoll qallu, 'U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.' 20 U ġie ieħor u qallu, 'Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f'maktur. 21 Għax jien bżajt minnek,. billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.' 22Qallu, 'Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. 23 Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?' 24 Imbagħad qal lil ta' madwaru, 'Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.' 25 'Imma, sinjur,' qalulu, 'għandu għaxar miniet!' 26 'Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. 27 Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.' "

V

IL-MINISTERU TA’ ĠESÙ F’ĠERUSALEMM

[Lq:19, 28 – 21]

Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm [Lq. 19:28-44]

(Mt 21, 1-11; Mk 11, 1-11, Ġw 12, 12-19)

28 Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela' lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. 29 U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu 30 u qalilhom: "Morru fir-raħal ta' biswitna; kif taslu, ssibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. 31 Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu." 32 Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. 33 Huma u jħollu l-felu, s-sidien tiegħu qalulhom: "Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?" 34 U huma wieġbu: "Għax il-Mulej jeħtieġu."

35 Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. 36 Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. 37 Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż- Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli b’għajat ta’ ferħ bdiet tfaħħar lil Alla għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, 38 u bdew jgħidu:

“ Mbierek is-Sultan

li ġej f’isem il-Mulej!

Sliem fis-sema,

u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”

39 Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: "Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!" 40 Iżda hu weġibhom u qal: "Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel."

41 Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha 42 u jgħid: "Mhux li għaraft imqar int ukoll f'dan il-jum xinhu ta' ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk! 43Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b'rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; 44 u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallulekx ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek!"

Il-qdusija tat-Tempju [Lq. 19:45-48]

(Mt 21, 12-17; Mk 11, 15-19; Ġw 2, 13-22)

45 Mbagħad daħal fit-Tempju, u qabad ikeċċi 'l barra l-bejjiegħa 46 u jgħidilhom: "Hemm miktub, ‘Id-dar tiegħi tkun dar it-talb.’ Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin!”

47 U kien jgħallem kuljum fit-Tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh, 48 iżda ma kinux jafu x'jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu.

Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta' Ġesù [Lq. 20:1-8]

(Mt 21, 23-27; Mk 11, 27-33)

20. 1 Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-Tempju u jxandar il-Bxara t-tajba, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ 2 u staqsewh u qalulu: "Għidilna, int b'liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?" 3 Hu weġibhom u qal: "Ħa nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli, 4l-magħmudija ta' Ġwanni kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?" 5Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: "Jekk inweġbuh, 'Mis-sema,' jgħidilna, 'Mela għaliex ma emmintuhx?' 6 U jekk ngħidulu, 'Mill-bnedmin,' il-poplu kollu jħaġġarna!" Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta. 7 Għalhekk weġbuh li ma kinux jafu minn fejn. 8 U Ġesù qalilhom: "Mela anqas jien ma ngħidilkom b'liema setgħa qiegħed nagħmel dan."

Il-parabbola ta' l-għalqa u l-bdiewa [Lq. 20:9-19]

(Mt 21, 33-46; Mk 12, 1-12)

9 Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: "Kien hemm raġel li ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f'art oħra. 10 Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh is-sehem li kien imissu mill-frott ta' l-għalqa. Iżda l-bdiewa sawwtuh u reġgħu bagħtuh lura idu f'idu. 11 Għal darb'oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma lil dan ukoll darbuh u xeħtuh 'il barra. 12Għat-tielet darba bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh 'il barra. 13'X'naqbad nagħmel?' qal sid l-għalqa; 'ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż; nittama li minn dan jistħu.' 14 Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu bejniethom u jgħidu lil xulxin: 'Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu jaqa' fuqna.' 15 U xeħtuh 'il barra mill-għalqa u qatluh. Issa x'jagħmlilhom sid l-għalqa? 16 Jiġi u jeqred lil dawk il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor." "Allaħares!" qalulu meta semgħuh jgħid hekk. 17 Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom: "Mela xi jfisser dak li hemm miktub,

‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja

saret il-ġebla tax-xewka’?

18 Min jaqa' fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa' tgħaffġu taħtha." 19 Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom.

Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi [Lq. 20:20-26]

(Mt 22, 15-22; Mk 12, 13-17)

20 Mbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f'xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh f'idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità. 21 Dawk staqsewh u qalulu: "Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta' Alla tgħallimha kif tassew hi. 22 Sewwa jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?" 23 Iżda hu ntebaħ bil-ħażen tagħhom u qalilhom: 24 "Uruni dinar. Il-wiċċ u l-kitba ta' min huma?" Qalulu: "Ta' Ċesari." 25 Mbagħad qalilhom: "U mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta' Ċesari, u lil Alla dak li hu ta' Alla." 26 U hekk ma seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.

Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet [Lq. 20:27-40]

(Mt 22, 23-33; Mk 12, 18-27)

27 Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: 28 "Mgħallem," qalulu, "Mosè ħallielna miktub, 'Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.' 29Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. 30 It-tieni wieħed, 31 u mbagħad it-tielet, f'kelma waħda, s-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. 32 Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 33 Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha." 34 Weġibhom Ġesù: "Il-bnedmin f'din id-dinja jżewġu u jiżżewġu; 35 imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. 36Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. 37 U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta' l-għolliq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta' Abraham, Alla ta' Iżakk, u Alla ta' Ġakobb. 38 Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix." 39Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: "Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid." 40 Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.

Mistoqsija dwar Bin David [Lq. 20:41-44]

(Mt 22, 41-46; Mk 12, 35-37)

41 Mbagħad qalilhom: "Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin David? 42 Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi,

‘Il-Mulej qal lil Sidi:

Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

43 sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek

taħt riġlejk.’

44 Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?"

Ġesù jikkundanna l-kittieba tal-Lhud [Lq. 20:45-47]

(Mt 23, 1-36; Mk 12, 38-40; Lq 11, 37-54)

45 Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma', Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: 46 "Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta' quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet, 47iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa."

L-offerta ta' l-armla [Lq. 21:1-4]

(Mk 12, 41-44)

21. 1 Refa' għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-Teżor tat-Tempju. 2 U ra wkoll waħda armla fqira titfa' biċċtejn żgħar tal-flus, 3 u qal: "Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll. 4 Għax dawn kollha għamlu l-offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix."

Ġesu jħabbar it-tiġrif tat-Tempju [Lq. 21:5-6]

(Mt 24, 1-2; Mk 13, 1-2)

5 Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-Tempju kien imżejjen b'ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: 6 "Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx."

Sinjali u persekuzzjonijiet [Lq. 21:7-19]

(Mt 24, 3-14; Mk 13, 3-13)

7 U huma staqsewh u qalulu: "Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x'se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?" 8 Qalilhom: "Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f'ismi u jgħidu, 'Jien hu,' u, 'Iż-żmien wasal.' Tmorrux warajhom! 9 Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih." 10Imbagħad qalilhom: "Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, 11 l-art titheżheż bil-kbir, f'ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża' u sinjali ta' l-għaġeb. 12 Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f'idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f'ismi. 13 Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. 14 U żommu sewwa f'moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, 15 għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista' jiqaflu jew imerih. 16 U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, 17 u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f'ismi. 18 Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. 19 Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!

Ġesù jħabbar il-qerda ta' Ġerusalemm [Lq. 21:20-24]

(Mt 24, 15-22; Mk 13, 14-19)

20 "Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet. 21 Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba'; 22 għax dawk ikunu jiem ta’ vendetta, li fihom iseħħ kull ma hemm miktub. 23 Jaħasra għalihom in-nisa li f'dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa' fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu. 24 In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa' tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.

Il-miġja ta' Bin il-bniedem [Lq. 21:25-28]

(Mt 24, 29-31; Mk 13, 24-27)

25 "U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b'qalbhom ittaqtaq, ma jafux x'jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; 26in-nies ruħhom ħierġa bil-biża' għax jobsru x'ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. 27 Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b'qawwa u glorja kbira. 28Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib."

Tagħlima mis-siġra tat-tin [Lq. 21:29-33]

(Mt 24, 32-35; Mk 13, 28-31)

29 U qalilhom parabbola: "Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. 30 Meta jibdew jarmu, intom, xħin tarawhom, tintebħu li s-sajf fil-qrib. 31 Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta' Alla hi fil-qrib. 32 Tassew, ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. 33 Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

Ishru [Lq. 21:34-38]

34 "Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb iżżejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. 35 Għax hu Jum li għad jaqa' bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. 36 Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tippreżentaw ruħkom quddiem Bin il-bniedem."

37 Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-Tempju, iżda filgħaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk. 38 Filgħodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-Tempju biex jisimgħu.

VI

IL-PASSJONI U L-QAWMIEN MILL-IMWIET

[Lq:22–24]

Ftehim kontra Ġesù [Lq. 22:1-6]

(Mt 26, 1-5. 14-16; Mk 14, 1-2. 10-11; Ġw 11, 45-53)

22 1 Kienet riesqa l-festa ta' l-Ażżmi, jiġifieri l-Għid. 2 Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu l-mod kif joqtlu lil Ġesù. 3 Imma x-Xitan daħal f'Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax, 4 u dan mar jiftiehem mal-qassisin il-kbar u l-uffiċjali tat-Tempju dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f'idejhom. 5 Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus. 6 U hu tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom bil-moħbi tal-poplu.

Ġesù jħejji għall-ikla ta' l-Għid [Lq. 22:7-14]

(Mt 26, 17-25; Mk 14, 12-21; Ġw 13, 21-30)

7 U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw l-ħaruf ta' l-Għid. 8 Ġesù bagħat lil Pietru u 'l Ġwanni u qalilhom: "Morru ħejjulna l-ikla tal-Għid ħalli nieklu l-ħaruf." 9 "Fejn tridna nħejju?" staqsewh. 10 "Araw," qalilhom: "Intom u deħlin il-belt jiltaqa' magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol, 11 u għidu lil sid dik id-dar, 'Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tal-ikel li fiha nista' niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?' 12 U dak jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b'kollox. Ħejju hemmhekk." 13 Marru, u sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla tal-Għid. 14 Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli.

It-twaqqif ta' l-Ewkaristija [Lq. 22:14-23]

(Mt 26, 26-30; Mk 14, 22-26; 1 Kor 11, 23-25)

15 U Ġesù qalilhom: "Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! 16 Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla miniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta' Alla." 17 U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: "Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. 18 Għaliex, ngħidilkom, minn issa 'l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta' Alla." 19 Mbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: "Dan hu ġismi li jingħata għalikom: agħmlu dan b'tifkira tiegħi." 20Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: "Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b'demmi, d-demm li jixxerred għalikom. 21 Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. 22 Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!" 23 Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.

Min hu l-akbar fis-Saltna ta' Alla [Lq. 22:24-30]

24 Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. 25 Imma hu qalilhom: "Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejjħulhom benefatturi. 26 Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu ta' l-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta' qaddej. 27 Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? M'hux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta' qaddej. 28 Intom, mbagħad intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; 29 u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, 30 biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f'saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta' Iżrael.

It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru [Lq. 22:31-34]

(Mt 26,31-35; Mk 14, 27-31; Ġw 13, 36-38)

31 "Xmun! Xmun! Ara, ix-xitan riedkom f'idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; 32 imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa' lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek." 33 Qallu Xmun: "Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll." 34 Imma Ġesù qallu: "Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni!"

Twissija ta' Ġesù [Lq. 22:35-38]

35 Imbagħad qalilhom: "Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq?" "Ma naqasna xejn," weġbuh. 36 "Imma issa," qalilhom, "min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta' fuqu u jixtri wieħed. 37 Għaliex, ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, 'li kien magħdud mal-ħżiena'. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ." 38 "Mulej," qalulu, "ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk." "Biżżejjed!" qalilhom.

Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ [Lq. 22:39-46]

(Mt 26, 36-46; Mk 14, 32-42)

39 Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. 40 Kif wasal hemmhekk qalilhom: "Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib." 41 Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta' ġebla, u nxteħet għarkupptejh jitlob 42 u jgħid: "Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi." 43 Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, 44 imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu, u beda jitlob b'ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art. 45 Imbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta' qalb. 46 "Kif!" qalilhom "Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!"

Ġesù ttradut u arrestat [Lq. 22:47-53]

(Mt 26, 47-56; Mk 14, 43-50; Ġw 18, 3-11)

47 Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. 48 Imma Ġesù qallu: "Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?" 49 Dawk ta' madwaru, meta raw x'kien ġej, qalulu: "Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?" 50 U wieħed minnhom ta daqqa ta' sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. 51 Imma Ġesù qal: "Ieqfu! Biżżejjed!" U messlu widintu u fejjqu. 52 Mbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-Tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! 53 Meta kont inkun magħkom kuljum fit-Tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!"

Pietru jiċħad lil Ġesù [Lq. 22:54-62]

(Mt 26, 57-58. 69-75; Mk 14, 53-54. 66-72; Ġw 18, 12-18. 25-27)

54 Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa' miexi warajhom mill-bogħod. 55 Meta mbagħad qabbdu n-nar f'nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f'nofshom. 56 Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: "Dan ukoll kien miegħu!" 57 Iżda hu ċaħad u qalilha: "Anqas biss nafu!" 58 Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: "Int ukoll wieħed minnhom." Imma Pietru wieġbu: "Le, sieħeb, miniex!" 59 Għaddiet xi siegħa u reġa' kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: "Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija." 60 Iżda Pietru qallu: "Ma nafx x'inti tgħid." U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. 61 U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, 'Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.' 62 U ħareġ 'il barra jibki b'qalbu maqsuma.

Ġesù mżeblaħ u msawwat [Lq. 22:63-65]

(Mt 26, 67-68; Mk 14, 65)

63 L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawwtuh, 64 u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: "Aqta' min tahielek din id-daqqa!" 65 U qagħdu jgħajruh b'ħafna kliem ieħor.

Ġesù quddiem il-Kunsill tas-Sanhedrin [Lq. 22:66-71]

(Mt 26, 59-66; 27,2; Mk 14, 55-64; Ġw 18, 19-24)

66 Meta sebaħ, ltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, l-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sanhedrin, il-Kunsill tagħhom. 67 U qalulu: "Jekk inti l-Messija, għidilna." Iżda hu weġibhom: "Jekk ngħidilkom, ma temmnux; 68 jekk nistaqsikom, ma tweġbux. 69 Imma minn issa 'l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta' Alla li jista' kollox." 70 U lkoll qalulu: "Inti mela Bin Alla?!" "Intom stess qegħdin tgħiduh," qalilhom, "Iva, jien." 71 "Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda?" qalu huma, "Għax smajnieha aħna minn fommu stess!"

Ġesù quddiem Pilatu [Lq. 23:1-5]

(Mt 27, 1-2. 11-14; Mk 15, 1-5; Ġw 18, 28-38)

23. 1 Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u marru bih għand Pilatu. 2 U bdew jakkużawh u jgħidu: "Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan." 3Pilatu staqsieh u qallu: "Inti s-sultan tal-Lhud?" U hu wieġbu: "Inti stess qiegħed tgħidu." 4 Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: "Ebda ħtija ma jiena nsib f'dan il-bniedem." 5 Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: "Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess."

Ġesù quddiem Erodi [Lq. 23:6-12]

6 Kif sema' dan, Pilatu staqsa jekk dak il-bniedem kienx mill-Galilija, 7 u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f'dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm. 8 Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sema' fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara xi sinjal minnu. 9 U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn. 10 Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b'saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh. 11 Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa bajda tlellex u reġa' bagħtu quddiem Pilatu. 12 Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dakinhar saru ħbieb.

Ġesù kkundannat għall-mewt [Lq. 23:13-25]

(Mt 27, 15-26; Mk 15, 6-15; Ġw 18, 39 - 19, 16)

13 Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tal-poplu 14 u qalilhom: "Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom, fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih. 15 U anqas Erodi ma sab, għax reġa' bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.

16 Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu." 18 Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f'daqqa: "Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna 'l Barabba!" 19 Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt u għax kien qatel. 20 Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u reġa' kellimhom; 21 iżda huma qabdu jgħajtu aktar minnu u jgħidu: "Sallbu! Sallbu!" 22 Għat-tielet darba qalilhom: "Imma dan x'għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu." 23 Iżda huma b'ħafna għajat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom. 24Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma. 25 Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.

Ġesù msallab [Lq. 23:26-43]

(Mt 27, 32-44; Mk 15, 21-32; Ġw 19, 17-27)

26 Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba', u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. 27 Kotra kbira ta' nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. 28 Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: "Nisa ta' Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. 29 Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, 'Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda'!” 30 Mbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, 'Aqgħu fuqna!', u lill-għoljiet, 'Ordmuna!' 31 Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?"

32 Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. 33Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. 34 U Ġesù qal: "Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x'inhuma jagħmlu." Mbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. 35 Il-poplu kollu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b'Ġesù u jgħidu: "Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk huwa hu l-Messija, il-Maħtur ta' Alla!" 36 Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares 37 u qalulu: "Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!" 38 Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, 'Dan huwa s-sultan tal-Lhud.'

39 Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: "Int mintix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna." 40 Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: "Anqas minn Alla int ma tibża', int li qiegħed taħt l-istess kundanna? 41 Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta' kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin." 42 Imbagħad qal: "Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek." 43 U Ġesù wieġbu: "Tassew, ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi."

Il-mewt ta' Ġesù [Lq. 23:44-48]

(Mt 27, 45-56; Mk 15, 33-41; Ġw 19, 28-30)

44 Għall-ħabta ta’ nofsinhar waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta, 45 għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs. 46 Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: "Missier, f'idejk jien nerħi ruħi." U kif qal hekk, ruħu ħarġet. 47Iċ-ċenturjun, meta ra x'ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: "Kien tassew bniedem ġust dan ir-raġel!" 48 U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom. 49 Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.

Id-difna ta' Ġesù [Lq. 23:50-56a]

(Mt 27, 57-61; Mk 15, 42-47; Ġw 19, 38-42)

50 U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, 51li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f'dak li riedu u għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta' Alla. 52 Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù; 53 niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. 54 Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda. 55In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma' Ġesù, marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru; 56 mbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra.

Il-qawmien ta' Ġesù mill-imwiet [Lq. 23:56b - 24:12]

(Mt 28, 1-10 ; Mk 16, 1-8 ; Ġw 20, 1-10)

Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skond il-preċett tal-Liġi.

24. 1 Kmieni mas-sebħ ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. 2 Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, 3 imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm. 4 U kif kienu mħassbin fuq dan, f'daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. 5In-nisa, mimlijin bil-biża', baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: "Il-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil dak li hu ħaj? 6 Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x'kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, 7 meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f'idejn il-midinbin, ikun imsallab, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet." 8 U huma ftakru kliemu. 9Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta' dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. 10 Kienu Marija ta' Magdala u Ġwanna u Marija ta' Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b'dan lill-appostli. 11 Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. 12 Madankollu Pietru qam u mar b'ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u reġa' lura d-dar mgħaġġeb b'li kien ġara.

Fit-triq ta' Għemmaws [Lq. 24:13-35]

(Mk 16, 12-13)

13 Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi seba’ mili bogħod minn Ġerusalemm, 14 jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. 15Huma u jitħaddtu u jitkellmu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa' miexi magħhom. 16 Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. 17 U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u miexjin?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom. 18 Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?" 19 "X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, 20 kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. 21Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! 22 Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar 23 u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. 24 Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!" 25 Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! 26 U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?" 27 U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

28 Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel ta' birruħu li kien se jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. 29 Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm." Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. 30 U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. 31 Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. 32 U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?" 33 Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, 34 u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!" 35 U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh huwa u jaqsam il-ħobż.

Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu [Lq. 24:36-49]

(Mt 28, 16-20; Mk 16, 14-18; Ġw 20, 19-23; Atti 1, 6-8)

36 Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Is-sliem għalikom!" 37 Huma twerwru bil-biża', għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. 38 Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f'qalbkom? 39 Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien." 40 Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. 41 Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?" 42 Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, 43 u hu ħadha u kielha quddiemhom.

44 Imbagħad qalilhom: "Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, 'Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta' Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.' " 45 Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. 46 U qalilhom: "Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, 47 u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f'ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. 48 Intom xhud ta' dan. 49 U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu."

It-tlugħ ta' Ġesù fis-sema [Lq. 24:50-53]

(Mk 16, 19; Atti 1, 9-11)

50 Mbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u refa' idejh u berikhom. 51 U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. 52 Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin bil-ferħ reġgħu lura lejn Ġerusalemm, 53 u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.