Ġabra ta’ talb bl-għan li tgħin fit-talb personali
It-talb huwa l-irfigħ tal-qalb lejn Alla. Huwa l-mod li bih il-bniedem iwieġeb għall-istedina ta’ Alla biex jibqa’ f’għaqda miegħu .
Nitolbu hija għodda maħsuba biex tgħin persuna titlob b’modi differenti. Kultant it-talb ta’ ħaddieħor jgħin lilna wkoll biex nesprimu dak li għandna f’qalbna. Drabi oħra jgħinna noħorġu mid-dinja tagħna u naħsbu f’ħaddieħor. L-għaqda, il-komunjoni u r-radd ta' ħajr huma elementi importanti ħafna fil-ħajja ta’ talb.
Hemm diversi modi ta’ kif wieħed jista’ jitlob u jkun tajjeb jekk persuna ssib il-mod preferit tagħha: talb spontanju, qari mill-Bibbja u meditazzjoni, ripetizzjoni ta’ xi frażi li tolqtok (Ġakulatorja), it-talba tar-rużarju, eċċ. L-għan aħħari tagħhom hu li jgħinu lill-persuna tingħaqad ma’ Alla. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja jinfluwenzawna u għalhekk huwa importanti li persuna titgħallem titlob b’modi differenti, għal mumenti differenti tal-ħajja.
Għal San Pawl l-importanti mhux tant kif titlob daqs kemm li titlob. Din il-ġabra ta’ talb tixtieq tkun ta’ għajnuna biex tgħin lir-ruħ tingħaqad ma’ Alla.