Marija u Ġużeppi poġġew lil Ġesù tarbija f’maxtura li propjament kienet ħawt tal-ikel għall-annimali li kienu fl-istalla. Il-maxtura serviet bħala benniena għal Ġesù. Il-qalb tagħna tista’ wkoll sservi bħala benniena għal Ġesù. Mhux ta’ b’xejn li l-Anġlu Gabriel qal lil Marija biex issemmi lit-tarbija Immanuel li tfisser Alla magħna għaliex Alla jrid jitwieled u jgħix f’qalbna jekk aħna nħalluh jidħol.
Fil-maxtura, ħafna drabi, kien ikun hemm l-ikel. Ġesù sar l-ikel tagħna fit-Tqarbin. Huwa jsaħħaħna kull darba li nirċievu l-Ewkaristija.
Fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu nitolbu: Għeżież Marija u Ġużeppi, nixtieq noffrilkom l-aqwa u l-iktar rokna sħuna ta’ qalbi bħala maxtura għal Ġesù. O Ġesù, nirringrazzjawk ta’ kemm drabi ġejt f’qalbna fit-tqarbin. Nitolbuk tagħtina l-grazzja li matul dan il-Milied inkunu nistgħu nirċevuk fl-Ewkaristija. Ammen.