Il-kap, l-assistenti kapijiet jew l-edukatur li qed imexxi l-assembly jindirizza lill-istudenti b’mod pożittiv billi jixtieq l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Tista' tibda l-assembly bir-radd tas-salib: "Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen"
Introduzzjoni
Illum se nibdew l-assembly tagħna billi naraw dan il-video clip qasir b’attenzjoni.
Din is-sena waqt xi ftit mill-assemblies tagħna ser nkunu qed nitkellmu dwar ir-rispett. Din is-sena skolastika b’mod partikolari rridu nuru rispett lejn xulxin billi nimxu mar-regoli l-ġodda tal-iskola bħal dik li nilbsu l-maskri tagħna b’rispett lejn saħħitna u lejn is-saħħa tal-oħrajn,u billi nsewgu s-sinjali u l-istruzzjonijiet mogħtija mill-istaff tal- iskola. Din hija sfida li titlobna nagħmlu sagrifiċċji personali bħal skumdità. Għalhekk, dalgħodu ser nitolbu lil Alla biex jgħinna npoġġu fil-prattika ir-regola tad- Deheb. Din ir-regola titlob minna li nittrattaw lil oħrajn bl-istess mod li nixtiequ lilhom jitrattaw lilna.
Talba
O Alla waqt li nirringrazzjawk għal din il-ġurnata, għall-iskola tagħna u għal xulxin, nitolbuk biex tgħinna nirbħu fuq l-egoiżmu tagħna ħalli b’ mod responsabbli nuru rispett lejn xulxin u lejn kull kreatura oħra fid-dinja. Nitolbuk tfakkarna kontinwament li għalik aħna lkoll speċjali bil-mod uniku tagħna u li permezz tal-meravilja tad-diversità inti turina r-rispett li għandek lejna. Nitolbuk timlina b’ħeġġa biex nuru rispett lejn kull forma ta’ ħajja.