Il-kap, l-assistenti kapijiet jew l-edukatur li qed imexxi l-assemblyjindirizza lill-istudenti b’mod pożittiv billi jawgura l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Tista' tibda l-assembly bir-radd tas-salib: "Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen."
Stieden lill-istudenti biex jieqfu għal ftit sekondi biex jaħsbu dwar dak li raw.
Bdejna l-assembly tal-lum b’dan il-vidjow għaliex matul din il-ġimgħa, fis-16 ta’ Jannar niċċelebraw il-Jum Internazzjonali għal-Libertà Reliġjuża. Madwar id-dinja nsibu ħafna reliġjonijiet differenti. Ir-reliġjonijiet tagħna huma l-mod ta’ kif naqsmu mal-oħrajn l-esperjenzi personali tagħna ma’ Alla. Huwa dritt fundamentali ta’ kull bniedem li wieħed iħossu liberu li jagħżel u jipprattika r-reliġjon tiegħu. Li nuru rispett ma jfissirx li ngħidu li aħna kollha l-istess imma jfisser li nkunu nafu bid-differenzi ta’ bejnietna u nifhmu lil xulxin.
Ħsieb Riflessiv
Għar-riflessjoni tagħna dalgħodu ser naħsbu fuq dak li kellu xi jgħidlna Papa Franġisku dwar dan:
(nissuġerixxu li turi l-vijow mingħajr sound u xi ħadd jgħid bil-Malti dak li s-sottotitoli qed juru bl-Ingliż)
Pope Francis' prayer intentions for January 2016 - Video’s transcript:
“Ħafna nies madwar id-dinja jgħidu li jħaddnu xi tip ta’ twemmin.
Dan għandu jwassal għal djalogu bejn ir-reliġjonijiet.
Ma għadna qatt nieqfu nitolbu għad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u ma għadna qatt nieqfu nikkollaboraw ma’ dawk li jaħsbuha differenti minna.
Għandi fiduċja fil-Buddha.
Nemmen f’Alla.
Nemmen f’Ġesù Kristu.
Nemmen f’Alla, Allah.
Ħafna jaħsbu b’mod differenti, iħossuhom differenti, ifittxu lil Alla jew jiltaqgħu ma’ Alla b’modi differenti.
F’din il-folla, f’din il-firxa ta’ reliġjonijiet, hemm biss ċertezza waħda għalina lkoll: aħna lkoll ulied Alla.
Nemmen fl-imħabba.
Nemmen fl-imħabba.
Nemmen fl-imħabba.
Nemmen fl-imħabba.
Nittama li l-ħsieb li nitolbu għad-djalogu bejn ir-reliġjonijiet jinfirex.
Dan id-djalogu sinċier fost l-irġiel u n-nisa ta’ twemmin differenti jista’ jkun mezz li jwassal għall-paċi u l-ġustizzja.
Għandi fiduċja fit-talb tagħkom.”
Talba
Għażiż Alla, nirringrazzjawk li tħobbna u li tibqa’ dejjem magħna. Agħtina l-grazzja li nirrispettaw dejjem ir-reliġjonijiet u t-twemmin differrenti ta’ xulxin. Dalgħodu b’mod speċjali, nitolbuk tipproteġi u timla bil-kuraġġ lil dawk li qed jiġu ppersegwitati u qed ibatu minħabba r-reliġjon tagħhom. Nitolbuk tmiss il-qlub tal-mexxejja tad-dinja kollha biex iħarsu u jiggarantixxu r-rispett lejn il-Libertà Reliġjuża. Ammen