Niċċelebraw bis-Sens: Ejja naħdmu biex insiru lkoll Ġiraffetjani!
Għan: Ir-Randan jista’ jservina bħala żmien meta nwieġbu għas-sejħa li Alla jagħmlilna biex niskopru aħjar il-kwalitajiet tajba li għandna – biex insiru verżjoni aħjar tagħna nfusna.
X’ser nitgħallmu (W.A.L.T.):
Nagħraf is-sbuħija u l-meravilja tan-natura u l-ħlejjaq kollha.
Nidentifika erba’ kwalitajiet partikolari li għandha il-ġiraffa.
Nirrelata dawn l-erba’ kwalitajiet mas-Samaritan it-Tajjeb.
Nispjega li nistgħu nsiru Ġiraffetjani għaliex Alla ħabbna minn dejjem u jibqa’ jħobbna għal dejjem.
Nikkonkludu li r-Randan huwa żmien li fih Alla jistedinna nsiru aktar bħall-Ġiraffa – bħas-Samaritan it-Tajjeb – Bħalu.
Wara li jilqa’ lill-istudenti li ser ikunu qed jipparteċipaw f’din l-attività, id-direttur spiritwali jara li kulħadd ikun sab postu, iħalli ftit minuti fis-skiet biex kulħadd ikun jista’ jinġabar u jara li għandu l-attenzjoni tal-parteċipanti.
Id-direttur spiritwali jitlob lill-istudenti biex jieqfu u jaraw dan il-film qasir:
Pass 1 - 5 minuti
Il-ħsieb wara l-vidjow jista’ jiżvolġi b’dan il-mod:
X’taħsbu minn dak li rajna? Għandkom xi kummenti jew tixtiequ taqsmu ma’ sħabkom x’għadda minn moħħkom intom u taraw dan il-vidjow?
Mistoqsija miftuħa għall-interpretazzjoni tagħhom.
Għaliex taħsbu li għażilt li nibda b’dan il-vidjow illum?
Permezz tad-diskussjoni naslu għall-konklużjoni li inti xtqat li huma jsiru aktar konxji tal-meravilji li kien kapaċi joħloq Alla – il-ġmiel tal-ħajja u tal-ħlejjaq kollha.
Hawn xi ħadd li jixtieq jgħidilna liema ħlejqa minn dawk li rajna togħġbu u għalfejn?
Mistoqsija miftuħa għall-interpretazzjoni tagħhom.
Il-kreatura li ser nagħżel jien hija l-ġiraffa għaliex tgħinni nsir persuna dejjem aħjar. Ejjew niskopru flimkien ftit kwalitajiet li għandha l-ġiraffa. Għalfejn il-ġiraffa hi tant speċjali?
Pass 2 - 5 minuti
Wara li jisma’ t-tweġibiet tal-istudenti, id-direttur spiritwali jikkonkludi dawn l-erba’ kwalitajiet li għandha l-ġiraffa:
Qalb Kbira - Din hija s-sors tal-ħajja għall-ġiraffa għaliex mingħajr qalb kbira l-ossiġenu ma jilħaqx rasha.
Saqajn Twal - Dawn kienu r-riżultat ta’ miljuni ta’ snin ta’ evoluzzjoni u formazzjoni.
Għonq Twil Ħafna - L-għonq jgħinha biex tara aktar fit-tul.
Annimal Ġentili - L-annimali l-oħra jinġabru madwarha għaliex jafu li magħha qegħdin siguri (safe).
Pass 3 - 5 minuti
Id-direttur spiritwali imbagħad jistaqsi:
Kif jistgħu dawn il-kwalitajiet tal-ġiraffa jgħinuni nsir persuna aħjar?
Huwa jkompli billi jgħidlhom li dan il-vidjow li ser jaraw jista’ jgħinhom jaħsbu kif u għaliex dawn l-erba’ kwalitajiet tal-ġiraffa jistgħu jittrasformawna biex insiru aħjar u ngħixu kuntenti.
The Good Samaritan with Bible narration (Max7.org)
Pass 4 - 10 minuti
Permezz tad-diskussjoni wara l-vidjow joħorġu dawn il-punti:
Bħall-ġiraffa, is-Samaritan it-tajjeb kellu qalb kbira. Il-qalb kbira tas-Samaritan kienet is-sors ta’ ħajja għalih u għall-vittma.
Bħall-ġiraffa, is-Samaritan it-tajjeb kien dak li kien wara snin ta’ evoluzzjoni u formazzjoni. Ħa żmien tiegħu biex kiber fil-valuri li kellu.
Bħall-ġiraffa, is-Samaritan it-tajjeb kien jara fit-tul. Kien jaf li ma setax iħalli lil dak ir-raġel ittorturat waħdu u jkompli għaddej daqs li kieku l-ħajja ta’ dak ir-raġel ma kinitx importanti. Huwa ra aktar fil-bogħod minn dak li ħaddieħor kien jgħid dwaru – kienu ser jiġġudikawh għax kien Samaritan u għaliex waqaf idewwi l-ġrieħi ta’ dak il-Lhudi.
Bħall-ġiraffa, is-Samaritan it-tajjeb kien ta’ min jafdah.
Matul dan iż-żmien tar-Randan għandna stedina biex nippruvaw insiru aktar Ġiraffitani - (Ġiraffi u Samaritani😊)
Aħna jista’ jkollna Qlub Kbar għaliex Alla li ħalaqna nixbhu lilu għandu -L-Ikbar Qalb mimlija mħabba lejn kulħadd. Hu ħabbna ħafna meta tana r-rigal tal-ħajja.
Huwa jħobbna waqt li qed nikbru, ninbidlu u niffurmaw ruħna. Iħobbna meta ma nħobbux lilna nfusna u anke meta ma nħobbuhx. Hu jistenniena biex immorru għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni – tal-Qrar. (Hawn, id-direttur spiritwali jista’ jħeġġeġ lill-istudenti biex jersqu lejn is-sagrament tal- Qrar.)
Huwa jibqa’ ħdejna waqt li nikbru u nibdew naraw l-affarijiet iktar fit-tul mhux biss naħsbu f’issa imma wkoll fil-futur. Jgħallimna kif ngħixu ħajja bis-sens, jiggwidana permezz tal- Kelma tiegħu fil-Bibbja u permezz tal-qawwa tal-Ewkaristija.
Jekk il-ġiraffa kien ta’ min jafdaha, u lis-Samaritan ukoll, kemm aktar għandna għalxiex nafdaw lil Alla li żamm il-wegħda tiegħu li jeħlisna mit-tbatija tad-dnub? Huwa bagħat lil Ibnu Ġesù biex permezz tiegħu nersqu aktar viċin tiegħu u hekk ħaddieħor ikun jista’ jafda lilna wkoll.
Konklużjoni - 5 minuti
Bħala konklużjoni għal din l-attività, id-direttur spiritwali jistieden lill-istudenti biex jaraw dan il-vidjow u jqattgħu ftit ħin fit-talb personali. Huwa jiggwida lill-istudenti biex psikoloġikament jippreparaw ruħuhom għal dan il-ħin ta’ talb.