Riflessjoni Filosofika tal-Ktieb

mill-Awtur

Anton Sammut

Jeżistu żewg possibbiltajiet kif għandna nħarsu lejn ir-reliġjon: jew il-Bniedem ivvinta ‘l Alla għall-bżonnijiet tiegħu, jew inkella Alla ħoloq il-Bniedem biex iwettaq il-pjan tiegħu.

Bla dubju, l-aħħar alternattiva hija l-aktar waħda aċċettata minna l-bnedmin filwaqt li huma ħafna dawk li dil-proposta aċċettawha mingħajr mistoqsijiet. Imbagħad insibu oħrajn li jiddikjaraw li din ta’ Alla mhi xejn ħlief “invenzjoni” u fuq kollox ma kienx hemm bżonnha. Saħansitra ssib lil min jgħid li din “l-invenzjoni” għamlet aktar deni milli ġid.

Iżda kif jaf kulħadd, il-bżonnijiet tal-Bniedem huma ħafna u għall-benefiċċju tal-Bniedem jekk kollox jista’ jiġi ġustifikat u razzjonalizzat ikun tant aħjar. U fuq dan ir-rigward, fil-ktieb tiegħu Darwin’s Cathedral, David Sloan Wilson, professur tal-bijoloġija u l-antropoloġija fl-Università ta’ Binghamtom fl-Istat ta’ New York, jgħidilna li r-reliġjożità twieldet essenzjalment minn bżonn ġenetiku għaliex biha l-Bniedem ra li setgħet tgħaqqad lis-soċjetà għas-sopravivenza tal-ispeċi umana. Osservazzjoni interessanti. Iżda minnha nnifisha din ma kinitx xi idea ġdida; infatti, is-Soċjologu Émile Durkheim (1858-1917) ukoll kien jara l-Idea Divina bħala bżonn eżistenzjalista għar-razza umana. Imbagħad insibu li l-Ktieb Ċiniż tar-Riti, li jmur lura sas-seklu 3 qK, ukoll jinnota dan fejn fost oħrajn jgħidilna hekk:

“Iċ-ċerimonji reliġjużi huma maħsuba biex iżommu l-massa magħquda, u jekk jitneħħa dan ir-rit, il-massa tispiċċa fi stat ta’ kaos sħiħ.”

U fuq dan ir-rigward, seklu qabel ma nkiteb dan il-ktieb, il-Filosfu Aristotli qalilna li:

“Il-Bniedem ħoloq l-allat fuq l-ixbieha tiegħu...”

Imbagħad kien hemm filosfu ieħor li kien jaħsibha bl-istess mod. Infatti, fejn kienu jidħlu l-allat, Epikuru (341-270 qK) tefagħhom kollha fil-ġenb iżda fl-istess ħin qatt ma ċaħad l-eżistenza tagħhom u dan għaliex il-Bniedem ma jista’ jkun qatt f’pożizzjoni li jkun jaf biċ-ċert jekk jeżistux jew le, u għaldaqstant Epikuru kien jisħaq li minħabba f’hekk il-Bniedem għandu jkun ħieles jgħix ħajja mimlija sal-aħħar, ħajja Dijonisjana ta’ tgawdija terrestri. Infatti hu stess kien ifittex din it-tgawdija biex bl-eżempju tiegħu seta’ jillibera lin-nies mill-biża’ mhux biss tal-mewt imma tal-ħajja wkoll. U fuq dal-ħsieb Epikurjan, fis-seklu 18, il-Filosfu David Hume (1711-1776) kien eventwalment qal hekk:

“Il-mistoqsijiet ta’ Epikuru għadhom ma ġewx imwieġba, speçjalment dawk fuq Alla. Pereżempju: għandu Alla volontà jew ħeġġa biex jipprevjeni l-ħażen fid-dinja? Mela allura huwa impotenti. Jista’, imma ma jridx? Mela allura huwa malevolent. Huwa f’pożizzjoni li jista’ u jrid? Mela allura dan hu ħażen!”

Li hu rimarkabbli huwa l-fatt li t-tagħlim ta’ Epikuru jixxiebah ferm mal-umaniżmu xjentifiku u liberali tas-seklu 20 u għaldaqstant il-verdett finali li ħareġ mill-“awla tar-raġuni” fuq din it-tema hu li: “M’hemmx provi tal-eżistenza t’Alla.”

Intqal li “m’hemmx provi, iżda min-naħa l-oħra ma nstabu ebda provi li Alla ma jeżistix u allura l-kredent għandu bir-raġun kollu li jibqa’ jemmen; għad li hawn min jgħid ukoll li dil-kwistjoni tal-fidi hija biss bluha. Forsi. Imma jien ngħid: hawn xi ħadd li jaf biċ-ċert x’inhi l-verità, li jista’ jiggarantilna li dil-kwistjoni tal-fidi hija biss bluha? Anzi, pjuttost hija bluha meta l-fidi titwarrab fil-ġenb; u fuq dan ir-rigward, il-Filosfu Daniż Søren Kierkegaard (1813-1855) jgħidilna li hemm żewġ toroq prinċipali li jwasslu verament għall-bluha tal-bniedem: l-ewwel waħda li jemmen dak li mhux veritier, u l-oħra li jirrifjuta li jemmen dak li hu veritier.

Veru; min-naħa l-oħra qatt mhu ħa tiġi xjentifikament ippruvata l-eżistenza t’Alla, imma ngħid jien: għaliex għandi ninvestiga l-palat tal-melħ fuq l-ikel jekk l-għan tal-ikel innifsu hu biss ir-riżultat? Min-naħa l-oħra huwa minnu wkoll li din tiegħi hija biss rettorika għaliex finalment il-Bniedem se jibqa’ misteru minnu nnifsu, u għax hu misteru qatt mhu se jirnexxilu jsolvi l-akbar problemi eżistenzjali li ilhom jitturmentawh sa mill-ewwel żminijiet: il-Bniedem, għax huwa bniedem, se jibqa’ enigma minnu nnifsu. Imma l-enigma umana minnha nnifisha hija diġà biżżejjed biex tikkatapultjah lil hinn mis-sensi tiegħu, u dan hu ta’ soljiev kbir għall-esseri uman. F’waħda mis-self-portraits tiegħu, il-Pittur Taljan Giorgio de Chirico (1888-1978) kien kiteb hekk fuq dan ir-rigward:

“Et quid amabo nisi quod aenigma est...”

(“U jien xi tridni nħobb jekk mhux l-enigma?”)

Huwa fil-fatt għax il-Bniedem iħobb din l-enigma umana li qatt ma jieqaf isaqsi fuq l-akbar misteri tal-ħajja u x’hemm lil hinn minnha, bil-għajnuna wkoll tar-reliġjon.

Iżda min-naħa l-oħra rridu nammettu li mingħajr il-psike uman ma jistax ikun hemm reliġjon u għaldaqstant jekk xi ħadd isostni li r-reliġjon hija indipendenti mill-psike uman allura bl-istess argument nistaqsu: min qed jagħmilha din l-istqarrija jekk mhux il-psike uman? Jingħad x’jingħad aħna parti minn dal-psike u ma nistgħux nikkomprendu jew niġu “spirati” jekk mhux bih. Aristotli, u elfejn sena warajh il-Filosfu Skoċċiż David Hume, kienu qalu hekk fuq dan r-rigward:

“Aħna nirraġunaw b’manjieri prattiċi biex b’hekk nassistu x-xewqat u t-tradizzjonijiet tagħna…”

Anki l-Filosfu Ġermaniż Johann G. Fichte (1762-1814) kien qal xi ħaġa simili:

“Is-sistema tal-ħsieb tagħna hija ħafna drabi l-istorja ta’ qalbna. Il-konvinzjonijiet tiegħi joħorġu mill-karattru tiegħi u mhux mill-intellett.”

U San Prosperu ta’ Aquintaine (jew Aquitaine, seklu 5) donnu kien qed jgħid l-istess affermazzjonijiet meta darba qal:

“Ħalli r-regoli tat-talb jiddeterminaw ukoll ir-regoli tat-twemmin.”

Hekk qed naraw li dan il-forma ta’ twemmin kultant jiddependi wkoll minn din “l-abbiltà tagħna li naħsbu fuq dak li mhux” (Jean-Paul Sartre: 1905-1980). Allura dan jurina wkoll li dak li b’mod popolari huwa msejjaħ bħala “traxxendentaliżmu” huwa aktarx forma oħra ta’ “materjaliżmu” jew “idealiżmu”, fejn tal-ewwel jibbaża fuq l-esperjenza, fuq il-fatti u fuq l-istorja; u t-tieni, fuq il-qawwa tal-ħsieb, fuq l-ispirazzjoni u fuq il-kultura individwali. U fuq dan ir-rigward naħseb li jkun tajjeb li ngħidu kelmtejn.

It-terminu “idealiżmu” deher għall-ewwel darba fis-seklu 17 bħala tentattiv biex bih jiġi deskritt il-Platoniżmu u t-teoriji tal-arketip. Iżda l-aktar li kiseb rispett dan it-terminu kien meta l-Filosfu Prussjan Immanuel Kant (1724-1804) użah biex jiddeskrivi t-teoriji tiegħu biex jiġi mifhum jekk wara kollox huwiex possibbli li l-moralità u l-volontà ħielsa jistgħux jikkoabitaw f’dinja suġġetta dejjem aktar għax-xjenza.

Infatti dal-ħsieb radikali kien ħalla impatt kbir fid-dinja tal-filosofija għaliex fost oħrajn kien qiegħed sistematikament jiddemolixxi “l-provi” tal-eżistenza t’Alla, imma fl-istess ħin ħeles lil numru ta’ ħassieba oħrajn minn din l-istess responsabbiltà tremenda li għal żewġ millennji sħaħ kważi kull filosfu kellu jitgħabba biha; teorija li eventwalment il-Filosfu Ġermaniż Friedrich Nietzsche (1844-1900) żviluppaha sal-aħħar sors: filosfu brillanti tant li Sigmund Freud (1856-1939) kien sostna li Nietzsche kellu tagħrif ferm aktar penetranti fuqu nnifsu milli kull bniedem għaref ieħor li għex qablu.

Fost il-ħafna ħassieba li analizzaw dil-problema tad-duwaliżmu filosofiku kien hemm ukoll il-Filosfu René Descartes (1596-1650), li biex jipprova jsolvi din il-problema l-ewwel li ma għamel kien li wettaq distinzjoni bejn “l-entità” li kien isejħilha “s-sustanza ħassieba” (ir-ruħ), u “s-sustanza estiża” (il-materja). Mistoqsijiet bħal: jista’ l-ħsieb u s-sustanzi estiżi (ir-ruħ u l-materja) jiġu rikonċiljati fin-natura tal-Bniedem f’ħaġa waħda? Lanqas Descartes m’għaraf isib risposta għaliha u għaldaqstant dar fuq affarijiet oħrajn.

Forsi kien il-Filosfu Benedict (Baruch) de Spinoza (1632-1677), id-distillatur tal-metafiżika, li tana risposta għal dil-mistoqsija:

“Ir-ruħ u l-materja,” jgħidilna Spinoza, “mhumiex sustanzi fihom infushom… hemm sustanza waħda minflok: Alla. Alla huwa infinit u għandu numru infinit ta’ modi kif dis-sustanza jattwaha f’esseri oħrajn; tnejn minn dawn huma l-ħsieb u l-estensjoni” (ir-ruħ u l-materja).

Imbagħad, dir-relazzjoni ta’ bejn Descartes u Spinoza ġiet ripetuta bir-relazzjoni bejn il-filosfi John Locke (1632-1704), u George Berkeley (1685-1753), li eventwalment permezz ta’ dawn iż-żewġ ħassieba kif ukoll bl-amalgamazzjoni ta’ filosofiji Orjentali waslu biex aktar tard bdew jiffurmaw il-fundamenti bażiċi tal-filosofija metafiżka ta’ ħassieb kbir ieħor: il-Filosfu Ġermaniż Arthur Schopenhauer (1788-1860), li fuqu jkun tajjeb li ngħidu kelmtejn.

Dak li mid-dinja letterarja tas-seklu 18 u 19 ġie assorbit f’novelli mill-aqwa, poeżiji u drama, fil-Ġermanja min-naħa l-oħra kollox beda jiġi interpretat filosofikament, speċjalment minn ħassieba eċċellenti bħalma kien Immanuel Kant, li fost oħrajn, kif rajna diġà, dan il-ħassieb kumpless kien isostni li hemm żewġ forom ta’ “dinjiet”: “id-dinja reali” (l-oġġett fih innifsu), u “d-dinja tal-apparenzi” (id-dinja tal-phenomena), u allura bażikament parti mill-filosofija ta’ Kant kienet tgħid li l-apparenza mhijiex ir-realtà, u fuq dan ir-rigward Schopenhauer kien jaħseb li hu biss fehem eżatt x’ried jgħid Immanuel Kant, speċjalment fuq din l-“irrealtà”.

Dan jurih fix-xogħol tiegħu The World as Will and Idea (1818), fejn permezz ta’ dan il-ktieb Schopenhauer ħareġ bl-asserzjoni li “d-dinja hija l-idea tiegħi” u għaldaqstant dan il-jien huwa neċessità assoluta għall-ħajja tal-Bniedem daqskemm l-eżistenza ta’ dinja “apparenti” hija neċessarja għall-eżistenza tad-dinja “reali”. Din id-dinja interna Schopenhauer isejħilha “forza tal-volontà” (“will”), jiġifieri li aħna nafu lilna nfusna permezz ta’ dil-forza biss; li “l-eżistenza u l-forza tal-volontà tiegħi huma ħaġa waħda” (huwa għalhekk neċessarju li kollox għandu jdur ma’ din id-dinja tiegħi).

Din ta’ Schopenhauer kienet fuq kollox asserzjoni etika, li b’dal-ħsieb ried juri li dil-forza tal-volontà hija enerġija (jew drive) korrotta għax finalment tissimpatizza mad-dinja u għalhekk għandha tiġi miċħuda jew devjata permezz tal-istess forza tal-volontà (Schopenhauer kien influwenzat ħafna mill-filosofija tal-Orjent, fosthom dik tal-Brahmas, Ħindu u Buddiżmu, li kollha rrigettaw il-pjaċiri tal-ħajja). Infatti, id-duttrina ta’ dal-ħassieb kumpless kienet forma ta’ axxettiċiżmu Kristjan bid-differenza li fil-ħajja ta’ Schopenhauer Alla ma kienx hemm post għalih. U peress li għal Schopenhauer ma kienx hemm post għal Alla, il-ħażen tad-dinja għal dal-filosfu kien ġej biss mill-istess forza tal-volontà li l-Bniedem jinqeda biha biex b’hekk ikun jista’ jipprevali fuq l-oħrajn; tali djalettika, li filosfu kbir ieħor kompla jelaboraha aktar fil-fond. Dan kien il-Filosfu Ġermaniż Friedrich Nietzsche: “l-antifilosfu”.

Infatti, għalkemm fil-bidu kien segwaċi ta’ Schopenhauer, ‘il quddiem, Friedrich Nietzsche kien ħadha qatta bla ħabel kontrih u dan fost oħrajn minħabba l-filosofija tal-awtoabnegazzjoni u l-pessimiżmu tal-eks għalliem.

Nietzsche kien bil-maqlub ta’ dan l-ideal minħabba li bħall-Filosfu Epikuru kien jeżalta l-ħajja u jadura l-arti; tant, li hu stess kien jgħid li kien dixxiplu ta’ Dijonisju (l-alla Grieg tal-inbid, tal-estasi u tal-esaġerazzjonijiet mondani fost oħrajn). Iżda Nietzsche mhux kontra Schopenhauer biss ħadha imma kontra ħafna ġganti tal-ħsieb oħrajn, fosthom G.W.F. Hegel (1770-1831), u l-istess Kant, fejn fost oħrajn akkużahom li kienu servjenti tal-istat u tal-moralità tradizzjonali u għalhekk skont hu “ma swew għalxejn” fejn jidħlu ideat ta’ valuri ġodda.

Kontra l-predeċessuri tiegħu, Nietzsche segwa l-prinċipju li kollox ġie evolut, li l-verità jew il-veritajiet huma għalhekk relattivi, suġġetti għall-bidliet skont il-bżonn ta’ dawk li jippossiedu l-poter, l-aktar dawk li jikkontrollaw ir-reliġjon. U jekk kien hemm ħassieb li pprofondixxa fuq dan is-suġġett b’argumenti kontroversjali kien appuntu l-istess Nietzsche, l-aktar bix-xogħol tiegħu On the Genealogy of Morals (1887). F’dan ix-xogħol, dal-ħassieb Ġermaniż espliċitament sfida u attakka l-valuri Ġudeo-Kristjani mill-għeruq billi ddikjara li dawn mhuma xejn ħlief prodotti storiċi li ħarġu minn tip ta’ moralità li finalment l-għan tagħha jkun dejjem il-poter.

Fi kliem ieħor, għal Nietzsche, dil-moralità Ġudeo-Kristjana hija biss rappreżentazzjoni falza daqskemm hi superfiċjali għaliex appuntu permezz tagħha tiġi oskurata l-vera raġuni li hemm wara l-kwinti tal-palk uman, ċoè r-rieda intrinsika u inkondizzjonata tal-Bniedem li jikseb il-poter biex b’hekk ikun jista’ jipprevali fuq l-oħrajn (quddiem għajnejh Nietzsche kellu prinċipalment il-poter tas-saċerdot u tar-reliġjuż, jiġifieri l-kleru fuq il-popolin).

Sa ċertu punt dil-kwistjoni tar-relattiviżmu etiku hija tema antika ħafna li tmur lura saħansitra sa żmien il-Greċja Klassika li oriġinat minn ħassieba kbar oħrajn bħal ngħidu aħna l-Filosfu Sofista Protagoras (c.490-420 qK); tali ħsieb, li fost oħrajn huwa bbażat fuq prinċipji pjuttost morali iżda jgħid ukoll li dawn l-istess prinċipji jvarjaw skont l-etika kulturali u terġa’ u tgħid jistgħu jerġgħu jimmodifikaw ruħhom skont iż-żminijiet fi ħdan ngħidu aħna l-istess reliġjon. Pereżempju sas-seklu 20 ebda fidil ma seta’ jmiss is-sagrament b’idejh jekk mhux is-saċerdot, imma llum din l-etika m’għadhiex tezisti. Jezistu mbagħad prinċipji morali opposti minn xulxin imma xejn ma jnaqqsu mill-valur etiku tagħhom dejjem jekk jiġu interpretati kif suppost. Pereżempju huwa etiku li Musulman sinjur jiżżewweġ aktar minn mara waħda għax il-Qur’ân jgħid li l-poligamija hija att ta’ karità mal-familjari foqra tal-għarusa. Mentri l-moralità Kristjana tirrikonoxxi biss il-monogamija u għaldaqstant hawnhekk qed naraw li m’hemm ebda awla oġġettiva u fuq kollox universali li tiddetermina jew tiġġustifika numru ta’ prinċipji morali bħala validi jew mhumiex għal kull ġens jew soċjetà. Fi kliem ieħor, ċerta etika morali qatt ma tista’ tiġi verifikata jekk hix falza jew vera, ġusta jew mhix, għaliex ħafna drabi din tiġi preskritta jew minn espressjoni emottiva tal-moħħ, jew minħabba bżonnijiet varji, jew inkella mill-kuxjenza kollettiva ta’ kultura sħiħa jew ta’ reliġjon.

Huwa dan l-argument li jġib Nietzsche fuq “il-fantażma” tal-moralità. Madankollu, mingħand Schopenhauer, Nietzsche kompla jelabora l-kunċett tal-forza tal-volontà, imma mill-perspettiva opposta; jiġifieri li din għandha sservi mhux biex tissopprimi lill-Bniedem imma biex tgħinu jegħleb u jissupera l-istess pessimiżmu metafiżiku li tkellem fuqu Schopenhauer (u xi wħud mill-profeti tat-Testment l-Antik).

Infatti, l-ewwel ħaġa li għamel Nietzsche kienet li analizza minn fejn kien ġej dal-pessimiżmu kollu fejn eventwalment wasal għall-konklużjoni li dan ra l-bidu tiegħu “fil-Bniedem tar-risentiment” (espressjoni negattiva lejn – fost oħrajn – il-ħajja. Jien insejjaħlu n-nevrotiku reliġjuż), u li l-oriġinatur ta’ dan kollu għalih kien l-Ebrew bibliku li għamel minn niesu “poplu maħqur” biex b’hekk b’din l-idea seta’ jsaħħaħ il-forza tal-volontà li setgħet tgħinu jipprevali fuq popli oħrajn.

Nietzsche għaraf li kien minn dan il-punt ‘il quddiem li bdew jitwieldu ċerti valuri morali li fuqhom kellhom jinbnew il-fundamenti Ġudeo-Kristjani li nafu bihom illum; u kien minħabba f’hekk li dal-filosfu spiċċa biex dawwar il-kanuni tiegħu lejn il-moralisti tal-Punent għaliex skont hu l-ħsieb Ġudeo-Kristjan mhu xejn ħlief prodott storiku ta’ battalja vjolenta biex jinkiseb il-poter. U skont Nietzsche, din l-istrateġija seħħet billi dawn il-valuri morali ġew imlibbsa “b’awtorità traxxendentali” li mbagħad din “l-awtorità traxxendentali” ġiet imposta fuq “il-massa medjokri tal-umanità”, biex b’hekk seta’ jiġi miksub u eventwalment iggarantit il-poter assolut fuq il-popolin.

Għaldaqstant, għal dal-filosfu, il-konvenzjonalità morali hija biss tattika superfiċjali li r-rwol prinċipali tagħha hu li taħbi l-operat istintiv għall-kilba tal-poter. Infatti Nietzsche jgħid li l-Istorja tal-Bniedem, speċjalment dik Ġudeo-Kristjana, ġiet narrata b’tali mod biex finalment tagħti servizz lil dawk li appuntu riedu jipprevalu fuq il-massa, fosthom il-kleru u reliġjużi oħrajn; u dal-proċess skont hu seħħ permezz ta’ duttrini u dogmi li eventwalment stabbilixxew ruħhom bħala veritieri.

Meta dar lejn l-Antropoloġija tal-Istorja biex jissokta janalizza dal-fenomenu aktar fil-fond, Nietzsche kkonkluda li l-Istorja tal-Bniedem għandha għalhekk tinqasam fi tliet partijiet: (1) dik antikwata, jew arkajka, li titkellem fuq l-“eventi storiċi” tal-antikità; (2), il-monumentali, li tinnarra storiċità grandjuża u stupenda; u (3), dik kritika. Issa, jekk dik arkajka tipprova tagħmel minn kollox biex tippreserva l-passat kif ġie dettat fit-testi antiki (storiċi, semistoriċi u mhumiex), xogħol dik monumentali hu li tkompli tonfoħ u teċċelli fuq tal-ewwel permezz ta’ żjieda ta’ miti u “interventi divini” li suppost seħħew fil-passat. Mentri min-naħa l-oħra, l-għan tal-Istorja Kritika huwa li tipprova tillibera jew tiddistilla ruħha mill-ewwel tnejn.

Għaldaqstant, għal Nietzsche, l-attitudni storika saret biż-żmien marda antropoloġika: xtarr interminabbli tal-imgħoddi sal-punt li ġiet mitlufa l-istess validità storika tal-passat; u minħabba f’hekk dal-ħassieb jisħaq li l-uniku mezz li l-Bniedem għandu biex ifiq minn dal-mard storiku hu billi deliberatament iwarrab dat-tip ta’ passat “storiċizzat” għall-benefiċċju tal-“iġjene tal-ħajja”, kif sejħilha hu stess; tali perspettiva li ma kienx Nietzsche biss li ħasibha b’dan il-mod. Pereżempju Voltaire (1694-1778) kien afferma li l-Istorja hija biss numru ta’ leġġendi li biż-żmien qabel magħhom kulħadd; waqt li l-Istoriku u Kittieb Thomas Carlyle (1795-1881) kien qal li l-Istorja mhi xejn għajr għajdut iddistillat.

Infatti, kif rajna diġà, ħafna drabi, l-Istorja tinkiteb mhux skont l-eventi storiċi imma skont x’jiddetta l-moħħ uman; u l-moħħ uman kif rajna wkoll għandu ħabta joħloq dinja għalih, u huwa proprju minħabba f’hekk li ssib lil xi wħud li tismagħhom jgħidu li jippreferu joqogħdu fuq il-mit milli fuq l-istoriċità tal-passat.

Dan isostnih u jaqbel miegħu wkoll it-Teologu Tom Harpur, professur tal-Grieg u tat-Testment il-Ġdid fl-Università ta’ Toronto, studjuż li għal xi żmien kien qassis Anglikan. Infatti hu jgħid hekk fuq dan ir-rigward:

“Dawn l-istejjer (bibliċi) mill-passat għandhom fihom tagħlim spiritwali u gwidi morali tajbin ħafna; iżda li jiġu ppreżentati u aċċettati verbatim bħal qisu dawn l-eventi seħħew u mmanifestaw f’persuna waħda u f’ħajja waħda huwa pretest aktarx żbaljat.”

Għal Dott. Harpur, il-mit la għandu jitwarrab u lanqas għandu jiġi mittieħed bħala veritier jew storiku, imma valorizzat korrettament bħala sensiela ta’ stejjer li ħafna minnhom insibuhom li jkunu sinjuri ferm mis-sinifikat spiritwali tagħhom. Anzi, Dott. Harpur isostni li l-mit huwa ta’ benefiċċju aktar għall-bniedem jekk jiġi mittieħed bħala tali milli jiġi diġerit bħala “storiku”, u dan għaliex tal-ewwel joħloq pjattaforma komuni ta’ tagħlim morali għal kulħadd, mentri l-Istorja għandha ħabta tiddommatizza l-istess tagħlim f’reliġjon aktarx riġida, u b’hekk tispiċċa ferm ostili lejn reliġjonijiet oħrajn. Ha nġibu eżempju prattiku ta’ dak li qed nipprovaw ngħidu. Pereżempju fil-Ktieb tad-Dewterenomju, Kap 13 versi 2-4, insibu dan li ġej:

“Jekk iqum f’nofskom profeta jew għalliem (viżjonarju), u jgħidlek li jagħmel xi sinjal jew xi ħaġa tal-għaġeb, u mbagħad isir dak is-sinjal jew għaġeb, li kellmek fuqu u qallek: ‘Immorru wara allat oħra, li int ma tafhomx, u nqimuhom’; la tismax kliem dak il-profeta jew dak il-għalliem, għax ikun iġarrabkom il-Mulej, Alla tagħkom, biex jagħraf intomx tħobbu l-Mulej, Alla tagħkom, b’qalbkom kollha u b’ruħkom kollha.”

Kif jiġri fir-reliġjon Kristjana u daqstant ieħor f’denominazzjonijiet Kristjani oħrajn, fejn il-Ktieb Qaddis jiġi interpretat skont il-fidi ta’ dik it-tali reliġjon, anki dik Ġudajka tagħmel l-istess. Infatti dak li għadna kif ikkwotajna mid-Dewterenomju huwa eżempju “ċar” għall-Ebrej li għalihom Ġesù ma kienx il-Messija għaliex skont id-Dewterenomju dan il-“profeta falz” jista’ jagħmel il-mirakli wkoll (bħal Ġesù); u bħal Ġesù dan il-profeta għallem fuq Alla li ma kienx dak kif ġie profetizzat fl-Antik Testment. Naturalment mill-istess Bibbja t-teoloġi Kristjani se jġibu multitudni ta’ “provi” oħrajn biex permezz tagħhom juru “biċ-ċert” li l-Ebrej qegħdin “fl-iżball”, u jkollhom mitt elf raġun skont il-fidi tagħhom.

Għaldaqstant, dejjem skont Dott. Harpur, l-istejjer bibliċi u tagħlim ieħor li nsibuh fl-Iskrittura bħal dak ta’ Ġesù jkunu aktar effikaċi jekk jiġu kkunsidrati bħala simboli u espressjonijiet ta’ veritajiet milli jiġu limitati bħala lingwaġġ strettament reliġjuż. Jekk dan it-tagħlim jiġi meħud verbatim, jgħid Dott. Harpur, għandu tendenza li jkun aktar ta’ dannu milli ta’ ġid għaliex b’hekk jissokta jifred aktar lid-denominazzjonijiet Kristjani milli jgħaqqadhom flimkien. Tant kemm hu minnu dan, li ħafna mill-atroċitajiet Kristjani li twettqu matul iż-żminijiet – sew bejniethom kif ukoll ma’ reliġjonijiet oħrajn - ġew stigati proprju minħabba dan l-aspett strettament reliġjuż ta’ kif il-bniedem iħares lejn il-kotba l-kbar. Infatti, jekk wieħed jaqbad test partikolari – hu x’inhu, anki mhux reliġjuż – jinduna, li jekk jiġi moqri u aċċettat kelma b’kelma nsibuh li jkollu perspettiva pjuttost intolleranti lejn ideat differenti ta’ individwi jew popli oħrajn.

Huwa għalhekk li rridu nkunu saqajna mal-art u nammettu li finalment il-perċezzjoni umana hija selettiva u dis-selettività ħafna drabi hija kkondizzjonata minn xewqat varji, bżonn u interess: preskrizzjoni filosofika jew reliġjuża li kif rajna diġà ħafna drabi ma tkun xejn ħlief abbiltà umana ta’ kif se naħkmu kunċett partikolari u ndawruh skont il-bżonn jew skont dak li rridu nemmnu fih.

Website Ufficjali: www.antonsammut.com

Email: antonsammut@gmail.com

--------------------------------------------------