Metanoia

Anti-Rumanz

(2018)





...Kulħadd kien isellimlu b’sudizzjoni hekk kif kien ipassi minn qalb in-nies, mhux biss għax kien professur tal-filosofija ta’ 57 sena ferm rinomat, imma wkoll għall-ġentlomerija li minn dejjem kellu lejn kulħadd; liebes dejjem eleganti għaddej dritt b’pass meqjus li madankollu kont issibu dejjem b’bastun tal-ebanu b’manku tal-bronż indurat bid-deheb.

Kien jgħix f’belt kożmopolitana fl-aktar parti moderna tagħha, karatterizzata bi stil Neoklassiku tas-seklu 18 li kien jikkumplimenta ferm ma’ dak Postmodern. Il-parti antika tagħha – li kienet tinsab fuq ix-xaqliba l-oħra ta’ xmara b’pontijiet eleganti fosthom dawk fuq stil Art Nouveau – kienet tmur lura sas-seklu 13, evoluta taħt diversi forom, minn dak Romanesk li kien jgħaqqad l-antikità mal-era medjevali b’din tal-aħħar sottolinjata bil-katidral Gotiku tal-belt, sar-Rinaxximent u l-Barokk: belt b’binjiet monumentali sintetizzati f’palazzi, teatri, mużewijiet, u ġonna ġeometriċi b’funtani tal-bronż fosthom dawk tas-seklu 16.

Dakinhar il-Professur kien għadu kif wasal minn ġurnata xogħol oħra fl-università – u issa li l-jum kien kważi ntemm, xejn ma ried aktar jekk mhux jasal fl-appartament li kellu fiċ-ċentru tal-belt, jieħu shower sħun, jilbes id-dressing gown, u jkebbes ftit il-pipa li tkun akkumpanjata dejjem b’tazza konjakk fin.

Hekk kif wasal lura f’daru u wettaq l-istess rit li bħal dejjem kien jiġi esegwit b’mod metikoluż, daħal b’reverenza fis-salott, u, bħas-soltu, b’għafsa ta’ qalb, tefa’ ħarstu lejn il-pjanu Steinway, huwa u jwaddab lilu nnifsu f’passat hieni meta kien għadu student ma’ Beatrice fl-università...


...L-ewwel darba li Beatrice kienet waqgħet taħt għajnejh kien f’dak il-perjodu meta kien għadu student fl-istess università li issa tagħha kien sar professur, mitlufa taqra ktieb bħal kienet qisha maqtugħa minnkollox u minn kulħadd. F’dak il-waqt zoptu ntebaħ li dik ta’ quddiemu kellha xi ħaġa speċjali u differenti minn tfajliet oħrajn. Madankollu, dakinhar m’azzardax ikellimha, mhux minħabba xi forma t’orgolju imma pjuttost biex jirrispetta l-ispazju tagħha, u ta’ dan, eventwalment ġie ppremjat, għax mal-jiem xorta waħda baqa’ jaraha fl-istess post u fl-istess ħin.


Darba minnhom, meta ħass li dak il-jum kien opportun, resaq lejha u introduċa ruħu ta’ malajr. Hekk kif għamel dan, b’sorpriża ntebaħ li kienet qed taqra wieħed mill-eroj tiegħu li kien studja l-iskola meta kien għadu daqsxejn ta’ ġuvnott: l-imperatur filosfu Ruman, Marcus Aurelius, u l-ktieb kien il-Meditazzjonijiet; trattat fuq filosofija prattika magħrufa bħala Stoiċiżmu, fejn fih, Aurelius elabora fuq kif il-bniedem għandu jiffaċċa d-diffikultajiet tal-ħajja permezz ta’ dik li hu kien isibha bħala l-‘fakultà governattiva’ – dik is-sede mentali li fiha jgħix id-daímōn jew l-ispirtu gwardjan li permezz tiegħu l-bniedem ikun jista’ jikseb l-għerf f’armonija man-Natura bħala kosmopolitês jew ċittadin ta’ Univers konxju u ordnat.


Qatt ma kienet ġratlu din, imma dakinhar ħass sens ta’ impotenza intellettwali qawwija ferm fil-konfront tagħha, imma fl-istess ħin l-intwizzjoni nebbħitu wkoll li kellhom ħafna minn xulxin. Imbagħad, hekk kif introduċa ruħu formalment, mingħajr ma ħarset lejh għalqet il-ktieb, u b’sorpriża għalih informatu li kienet taf min kien. Ma kienx jaf x’se jaqbad iweġibha żbilanċjat kif kien issa li n-notorjetà tiegħu kienet antiċipatu diġà; u n-notorjetà tiegħu, li normalment kienet taħdem favurih ma’ sħabu tal-università, din id-darba beża’ li setgħet taħdem kontrih għaliex ħass li dik it-tfajla grazzjuża ma kinitx tidher waħdaminn dawk li kienet se tiġi impressjonata wisq b’dal-frivolitajiet.


Dakinhar ma tantx tkellmu wisq fit-tul minħabba li kwarta wara kellhom jidħlu għal-lekċer rispettiv, imma laħaq skopra li kien jisimha Beatrice, kellha daqsu, dsatax, u kienet studenta tal-fiżika. Iżda bil-mod il-mod, wara li komplew igerbu l-jiem bdew isiru jafu lil xulxin xi ftit aħjar, u aktar kemm beda jsir jafha beda jħossu aktar miġbud lejha, waqt li min-naħa tagħha kienet turih biżżejjed li kien jogħġobha wkoll, biżżejjed kemm setgħet tagħtih il-kuraġġ biex isaqsiha biex jibdew joħorġu flimkien.


Mal-ġimgħat, imbagħad, beda jikkonferma dak li kien ħass lejha sa mill-ewwel darba li kien lemaħha fl-università: għalih, Beatrice kienet l-ekwivalenti għal dik l-istess Beatrice li kienet akkumpanjat lil Dante fil-Paradiso ‘...La gloriosa donna della mia mente…’ Dik l-animaJungjana li permezz tagħha kien iħossu spiritwalment irxoxtat, jew aktar eżatt, animat; animat bin-natura spontanja tagħha li kienet timmeravilja ruħha anki meta kienet tosserva petala ta’ fjura titħarrek ma’ żiffa riħ...


“...Għalija, int tissintetizza l-Femminil Etern... das Ewig-Weibliche... hekk kif kien iddeskrivieh eżatt Goethe fil-Faust...” kien qalilha orgoljuż biha meta darba minnhom kienu fuq il-kampus tal-università.

“Bħalm’ hi Sophia fil-mistiċiżmu Njostiku, jew Ārya Tārā fil-Buddiżmu Tibetan, jew forsi wkoll bħal Guanyin fil-Buddiżmu Ċiniż?”


Infatti, kien minn hawn li beda jiskopri li Beatrice kellha mħabba speċjali lejn il-letteratura u l-ħsieb tal-Orjent, u dawn it-tipi ta’ diskussjonijiet bdew isiru rikorrenti ħafna maż-żmien. Kien jibqa’ affaxxinat mhux biss b’dar-repertorju intellettwali tagħha imma fuq kollox għall-mod minimalist kif kienet tispjega u tiddeskrivi l-affarijiet, proprju għaliex Beatrice kellha l-abbiltà li tgħolli fuq l-artal tal-Kreazzjoni anki l-iċken kreaturi insinifikanti għalih. Kien għalhekk li ’l quddiem beda jsejħilha ‘Bee’ fil-qasir – naħla – għaliex bħal dan l-insett straordinarju, Beatrice kienet taf toħroġ minnha l-akbar ħlewwa li tista’ ssib...


...U hekk kif kien għadu jġib quddiem għajnejh dawk iż-żminijiet hienja li kien għadda ma’ Beatrice, kontra qalbu qala’ għajnejh minn fuq il-pjanu, baxxa rasu bi spirtu disfattist, ħareġ mis-salott, u baqa’ sejjer dritt lejn l-istudju fejn fih kien jgħaddi prattikament il-bqija tal-jum.

L-istudju tiegħu kien bħal qisu s-sanctum sanctorum għalih, karatterizzat fost l-oħrajn b’ħitan pentagonali burgundy jagħtu fuq il-maroon, u naturalment, magħhom, librerija kotba li kienet tieħu dehra ferm suġġestiva meta l-lampshades Vittorjani kienu jkunu mixgħulin. L-għamara kienet tal-ifjen kwalità, fosthom skrivanija tal-kawba b’ammont ta’ kxaxen u kompartimenti ddekorati b’pannelli żgħar bl-istess marquetry tal-wiċċ, sufan tal-ġild ta’ lewn red currant mudell Chesterfield, coffee table u cocktail cabinet iddekorati b’motiv floreali tal-istess stil, tapit Mohtashem Kashan jikkumplimentahom, u fireplaceVittorjan li madankollu rarament kien ikun mixgħul…



Ordna l-ktieb online:

https://bdlbooks.com/product/metanoia/