Alte Vestiga

(2008)

Ir-Rumanz ta' Anton Sammut huwa binja monumentali koordinat sa l-aħħar dettall; mhux permezz ta’ żvilupp tradizzjonali ta’ kif aħna imdorrijin nifhmu b’rumanz, iżda bi struttura ta’ viżjoni ġdida li tista’ tgħid tissuġġerixxi saħansitra realtà tar-raba’ dimensjoni.

Il-ktieb huwa tabilħaqq eżempju ta’ narrattiva u karatterizzazzjoni ġdida koordinati perfettament fi struttura aestika mill-aqwa. Huwa rumanz filosofiku b’xi testi filosofici li jagħmel uzu minn principji kulturali, psikoanalitici u “idjosinkrasija ta’ karattri” biex b’hekk tinbena forma ta’ metodoloġija innovattiva ta’ kif għandha tiġi mifhuma d-“djalettika totali” tal-awtur.


Dawn l-istrateġiji attwalment iservu biex jistiednu lill-qarrej sabiex jifhem u jinterpreta r-rumanz bi ħsieb spekulattiv, li jirrifjuta saħansitra l-ewwel stadju tal-interpretazzjoni tar-realtà u li minflok jinterċetta sensiela ta’ kombinazzjonijiet relatati ma’ xulxin li flimkien u ppożizzjonati kif suppost joħolqu forma ta’ sinkretiżmu filosofiku li jrid iwassal l-awtur.

Il-gist tar-rumanz idur fuq il-konflitti universali tal-bniedem: bejn arti u ħajja, senswalità u intellett, kif ukoll bejn l-individwaliżmu u r-rieda kollettiva tas-soċjetà. Apparti Marx, minn wara l-kwinti, il-filosfi Schopenhauer u Nietzsche huma l-aktar li jinħassu f’dan ir-rumanz: Schopenhauer, fejn tidħol is-sofferenza u l-iżvilupp tal-artist; Nietzsche, għax-xbieha tiegħu li l-artist għandu jegħleb il-kaos u d-dekadenza soċjali (permezz ta’ rieda inkondizzjonata) billi jipproduċi xogħol tal-arti li jiġġustifikalu l-eżistenza tiegħu: l-aħħar valur uman fil-libertà tal-artist biex joħloq dinja ġdida skont ir-rieda tiegħu stess.


Fix-xogħol ta’ Anton Sammut, it-temi soċjali li jirrigwardaw l-antagoniżmu u d-differenza ta’ bejn is-sessi jieħdu rwol importanti. Karattri jissieltu biex b’xi mod jirbħu lis-sistema vasta u ostili tas-soċjetà, deskritta minnhom bħala irrilevanti u assurda. Għaldaqstant, ċerti ‘karattri’ jagħtuha għal Odissea (fiżika u mhix) sabiex jippruvaw isibu r-risposti li ‘l hinn minn dinja inkomprensibbli u ostili ggwidata minn regoli dettati minn awtorità inaċċessibbli. U bħala risposta, dawn l-istess karattri jagħżlu l-indifferenza filosofika (bil-Grieg atarassia, l-ekwivalenti għal wu-wei tat-Tao) għaliex huma jafu, li din l-istruttura ċiklika hija akbar minnhom infushom, u għaldaqstant, bihom u mingħajrhom, kollox se jibqa’ l-istess, bħall-Bniedem innifsu.

Alte Vestiga

Simboli u tfissir minn Michael Caruana

(approvati mill-awtur)



Bla dubju, ir-rumanz epiku ta’ Anton Sammut Alte Vestiga m’huwiex ktieb li toqgħod taqrah f’tal-Linja. Madankollu, kulħadd jista’ jibbenefika minnu. Huwa rumanz radikali u kontroversjali għal xi wħud; jisfidak, jipprovokak, imma huwa minħabba f’hekk li tista’ titgħallem minnu.

Apparti t-teoriji filosofiċi, psikologiċi, antropologiċi u teologiċi li fih ir-rumanz, il-ktieb huwa mimli simboli u metafori (naturalment mhux kollha rnexxili ninterċettahom) għad li dawn apparentement ftit jagħtu fil-għajn. Mela ejja nibdew mill-bidunett.



Ir-rumanz


Ir-rumanz hu maqsum f’erba’ taqsimiet kull wahda fiha 25 kapitlu, fejn kull taqsima tista’ tgħid tagħlaq b’għeluq finali; imma r-rumanz jissokta, 25 kapiltu wara iehor... donnu l-awtur irid jissottolinja r-ripetizzjoni eterna tal-ħajja. Nimmagina li kellu biċċa xogħol delikata biex wassal kull tmiem ta’ kull taqsima b’mod daqshekk preċiż, konvinċenti u kunklussiv.



L-emblema tal-faċċata tal-ktieb


Il-wiċċ tal-portrait tal-awtur fuq il-faccata tal-ktieb għandu parti minnu mudlama; din proprju tirrifletti r-raba’ dimensjoni tar-realtà u tar-rumanz innifsu. L-awtur jidher qiegħed iżomm arloġġ f’idejh li naħseb li dan jirrapprezenta r-rikorrenza eterna. L-arloġġ jimmarka t-tlieta neqsin ftit minuti; ħin, li skont il-vanġeli Kristu miet fuq is-salib. Jista’ jagħti l-każ li b’dan is-simbolu l-awtur qiegħed jurina li apparti li l-affarijiet se jibqgħu essenzjalment l-istess, jekk b’att ta’ altruwiżmu jkun hemm xi hadd li jipprova ‘jifdi’ lill-bnedmin, xortih se tkun dik li jiġi kruċifizzat, bħalma ddikjara Baldur f’kapitlu 24 tar-raba’ taqsima. Għalhekk għandna nifhmu, li meta nħarsu lejn l-emblema fit-totalità tagħha, din għandha tfakkarna fl-indifferenza filosofika, fl-atarassija, jew fil-wu-wei tat-Tao li tiġi diskussa proprju fil-prefazju.




Il-Prefazju


Il-Prefazju hu pjuttost kumpless, filosofiku u emblematiku fl-istess ħin. Dan għaliex in-narratur ma jgħidilniex min huma ż-żewg individwi li qed jitkellmu bejniethom (sakemm ma naslux għall-ewwel kapitlu). Aktarx l-awtur irid ifisser li mal-kors taż-żminijiet intqal ħafna għerf, imma madankollu d-dinja baqghet indifferenti għalih. Għaldaqstant, bħala risposta għal dal-falliment uman, l-awtur mhux talli poġġa lil daż-żewġ persuni jiffilosofizzaw fuq l-indifferenza filosofika, imma saħansitra ma tahomx isem biex b’hekk jirriflettu l-indifferenza kif id-dinja tħares lejn l-għorrief. Fil-fatt, biex jaċċenna dan il-punt, l-awtur jagħlaq ir-rumanz, li l-ktieb ta’ Teo (jew tal-awtur innifsu), se jiġi miżinterpretat skont il-bżonn u l-indifferenza ta’ dak li jkun, biex b’hekk id-dinja tibqa’ l-istess, biex il-bniedem jibqa’ l-istess.



Id-deskrizzjoni tar-raħal: allużjoni għall-bniedem


Fl-ewwel paġna tal-ewwel kapitlu l-awtur jagħti deskrizzjoni tal-villaġġ: Dar-raħal jinsab qalb il-kampanja b’għoljiet, foresti u nixxigħat... Din id-deskrizzjoni donnha toħrog minn xi pittura klassika b’pajsaġġ fin-natura b’xi raħal żgħir li, ġaladarba din ix-xena giet immortalata fuq ‘it-tila tal-artist’ m’hi se tinbidel qatt. U hekk kif din ix-xena ġiet immortalata fuq it-tila tal-artist, hekk il-bniedem: qadim daqs pajsaġġ fin-natura, u għax hu mmortalat fuq it-tila tar-ripetizzjoni tal-ħajja, m’hu se jinbidel qatt, bħal villaġġ.

Fil-fatt, ‘il-villagg’ jirrapprezenta l-bniedem, li bhal dan ir-raħal ma jinbidel qatt. Ir-raħal ma kienx suġġett għaż-żmien – p.6. Il-villaġġ baqa’ bħal qisu oasi f’nofs deżert, statiku, qisu sospiż fil-ħin – p.459. Dawn huma kollha allużjonijiet għall-bniedem li tant kemm hu lest li ma jinbidel qatt li dejjem ra kif għamel u evita l-kambjamenti kollha possibbli fl-iskeda tar-rutina komda ta’ ħajtu. Dan jiġi ssottolinjat pereżempju meta r-raħħala lil Hans ma aċċettawhx f’raħalhom; daqskemm ma kinux se jaċċettaw lil Nadia tqila b’riżultat tal-istupru. Eżempji metaforiċi li jirrappreżentaw il-qagħda eterna tal-esseri uman fuq din l-art.



Iċ-ċimiterju


Ftit wara din id-deskrizzjoni jissemma ċ-ċimiterju li hemm bi swit il-villaġġ, qisu l-awtur irid jaċċenna li dak li qiegħed iseħħ fir-raħal għad isir irmied biex b’hekk jerġa’ jiġi akkomodat ċiklu ieħor ta’ ħajja. Din hija alluzjoni li fl-indifferenza tagħha, in-Natura ma jinteressahiex mill-attività umana, daqskemm hu bil-maqlub, u dan, dejjem f’isem ir-rikorrenza eterna.



Hans


Bid-differenza ta’ Klaws, Hans huwa dak il-bniedem ta’ rieda qawwija. Sew Klaws u anki Hans kellhom l-istess problemi fil-passat, imma bid-differenza ta’ Klaws, Hans għaraf isib il-forza biex jinbidel. It-tnejn kellhom lil Otto biex jagħtihom daqqa t’id, imma ripetutament, Klaws qatt m’aċċettah. Dan għandu jurina li b’xi mod kulħadd għandu l-opportunità li jinbidel; il-bqija, bħalma għamel Klaws, dak li ma jridx, jibqa’ jkompli jiġġustifika ruħu b’kull mezz. Otto kien dak kollu li Klaws ma riedx jisma’ bih, mentri għal Hans, Otto kien dak is-Sagru Graal li dejjem xtaq li jsib. Kien għalhekk li dan is-Sagru Graal jerga’ jissemma meta t-tfajjel Baldur jiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Otto. Dan is-Sagru Graal (rappreżentat fil-bagalja ta’ Baldur) kellu jkun is-salvazzjoni sew ta’ Baldur, imma anki ta’ Dun Ludvik fil-kamp tal-konċentrament. Fil-fatt, kien minħabba dik il-bagalja li fiha kien hemm xi għodda tal-artiġjanat li permezz tagħha Baldur baqa’ ħaj fil-kamp (għax l-uffiċjali Nazisti kellhom bżonnu f’dak it-tip ta’ xogħol) fejn eventwalment permezz t’hekk, Ludvik ġie salvat minn ħalq il-mewt. Tgħid kien ghalhekk li Baldur akkost ta’ kollox ma riedx jaħrab mill-pajjiż kif issuġġerielu Hans, biex b’hekk ikun jista’ jilqa’ lil Dun Ludvik fil-kamp u jsalvah minn ħalq il-mewt?

F’paġna 4 hemm miktub: Wara numru ta’ ġimgħat kollox kien lest. Hans beda jaħdem l-art. Ma damx jistenna sakemm bdiet tagħtih l-ewwel riżultati... Il-ħidma tal-art għandha l-istess sinifikat ta’ meta Otto qallu biex imur ‘jikkonverti’ dar diżabitata f’nofs il-bosk. Dan ifisser, li l-ewwel Hans beda jaħdem fuqu nnifsu biex jinbidel interjorment, u wara li għamel dan beda jaħdem l-art... u ma damx jistenna sakemm bdiet tagħtih l-ewwel riżultati. Fil-fatt, Hans mill-ewwel beda jara l-ewwel riżultati pożittivi fil-karattru tiegħu. Madankollu, il-ħajja xorta waħda tibqa’ dik li hi: mimlija sfidi u inkwiet; u għalkemm Hans issa kien sab lilu nnifsu, xorta waħda l-isfidi tal-ħajja ma waqfulux. L-ewwel ċirkustanza kemmxejn emblematika li ġie involut fiha kienet is-sekwenza tal-‘agent’ li kellu jwassallu l-irħama sal-pjazza tar-raħal. Allura, jekk dan ‘l-agent’ ma kienx mir-raħal, minn fejn seta’ kien - minn Nurimberga? Ma jistax ikun, peress li d-distanza kienet relattivament kbira meta nqisu li kien qed jivjaġġa b’karrettun b’irħama kbira fuqu. Mela hawnhekk, b’dan ‘l-agent’ kważi metaforiku, aktarx l-awtur qiegħed jgħidilna li għandna nkunu dejjem ippreparati ghax ‘l-agenti’ (l-isfidi tal-ħajja) jiġu minn ‘bnadi’ li lanqas biss inkunu qegħdin nistennewhom. Dan l-avviż jiġi ripetut meta Otto jgħid lil Nadia li: “il-hajja hija imprevedibbli, veru... imma huwa minħabba f’hekk li għandna niddixxiplinaw ruħna għal kull eventwalità.” (pagna 82). Imma aħna nafu li ħafna drabi l-bniedem jobgħodha d-dixxiplina fuqu nnifsu, ghax kif stqarr Baldur f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima: “L-umanità tobogħdu l-maltemp tas-sagrifiċċju, (l-autodixxiplina) u minflok, tgħannaq is-sajf tal-kumdità. Iżda f’dan l-istaġun, il-qawsalla ma tidher qatt.”

Imma l-akbar dilemma li kellu jiffaċċja Hans kienet bla dubju dik li kellu jagħżel bejn il-bżonn u l-ġust meta ġie involut fil-każ ta’ Rudi. Saħansitra kellu jsir ‘habib’ ta’ Klaws (li kien ifakkru fih meta bħalu fil-passat kien jgħix ħajja ta’ kriminal), fejn paradossalment għenu biex joqtol lir-raċel ta’ Nadia stess. Kienet sitwazzjoni miżerabbli għal bniedem bħal Hans li kien irrikonċilja lilu nnifsu b’tant tbatija biex imbagħad iċ-ċirkustanzi ġabuh jagħmel għażla iebsa bħal dik. Biex jissokta jiddefendi ‘l Nadia, Hans kellu jħabbat wiċċu ma’ uliedha; is-sofferenzi li ħass huwa u jarahom jikbru kienu kbar. F’dan ir-rigward tidħol l-evidenza tal-ġustizzja divina u dik terrena, li jekk ikollok tagħtihom vuċi f’dan l-episodju żgur li ma jaslux għall-istess verdett. Ħaġa oħra li timpressjona fil-karattru ta’ Hans hija li meta sab ruħu f’dik is-sitwazzjoni tant delikata, ma rrikorrix lejn ħabibu Otto biex isolvilu l-problema, imma refagħha fuq spallejh. Dan jurina li t-tagħlim ta’ Otto assorbih b’mod mhux superfiċjali bħalma jagħmlu ħafna nies, (“Huma tgħallmu, imma qishom ma jafu xejn.” – kapitlu 24 tal-ahhar taqsima) imma attwah b’mod verament attiv.

Mistoqsija: Apparti li servewh bħala r-rakkont ta’ hajtu, tgħid x’kien fihom aktar id-djarji li Hans ħalla warajh? Issa aħna nafu li dawn kienu spiċċaw f’idejn Teo wara li Dun Ludvik kien għaddihomlu ftit qabel ma miet. Tgħid f’dan il-passaċċ l-awtur ried ifakkarna fir-rikorrenza eterna fejn mill-ġdid kien se jerġa’ jingħata bidu għall-istess ċiklu? Tgħid fihom kien hemm imniżżel it-tagħlim ta’ Otto? U jekk dan huwa l-każ, m’hemmx dubju, li Teo assorbih immedjatament. U bħala riżultat, Teo issa kien kiseb sew it-tagħlim ta’ Otto (permezz tal-kitba) kif ukoll dak ta’ Baldur (permezz tal-fomm), u għalhekk, simbolikament, Teo sar il-personafikazzjoni ta’ Trismegistus: L-għaref għal-tlett darbiet (fuq dar-rigward naslu għalih aktar tard).



L-indifferenza reliġjuża


Meta darba Hans kien qiegħed jitkellem ma’ Dun Martin f’kapitlu 8 tal-ewwel taqsima fuq ir-reliġjon, jiġifieri li n-nies mhux l-ispiritwalità jfittxu imma r-reliġjon, bħal dak il-katedral tal-ġebel fejn fih u taħtu l-massa tistkenn mill-baħħ tal-ħajja, Dun Martin ma qallu xejn għax kien jaf fil-fond ta’ qalbu li l-affarijiet huma hekk għal ħafna nies. U meta sab l-opportunità biex jaqleb l-argument (meta Hans ikkumplimentah kemm kien tajjeb it-tè) Dun Martin mill-ewwel ħatafha l-opportunità għax kompla miegħu.

F’paġna 93 kapitlu 23, pereżempju hemm miktub hekk: Sor Ċeċilja marret iżżur lil Dun Federik li biha dan tal-aħħar xejn ma ħa gost wara li skopra li Nadia kienet marret tgħix taħt l-istess saqaf ta’ Rudi t-tabib... U dan kien kollu attwat bil-benedizzjoni tas-soru u tal-madre biex eventwalment setgħet tiġi solvuta l-problema tat-tqala ta’ Nadia, u b’hekk, ħadd ma kien se jintebah b’xejn. Din l-indifferenza reliġjuza terġa’ tirrepeti ruħha fil-kapitlu ta’ wara fejn għalkemm Rudi jistqarr li ma kienx kredenti, għal Sor Ċeċilja ma kinitx problema taf li kien hemm probabbiltà kbira li t-tabib seta’ jieħu ‘l Nadia b’martu, u b’hekk, tiġi leġittimizzata t-tarbija li kien se jkollha mingħand Klaws. (Id-duttrina ta’ bejn il-bżonn u l-ġust). Meta f’kapitlu 5 tat-tielet taqsima Karl jibda jattakka u jġib ir-raġunijiet tiegħu fuq kemm twettqu ġenocidji fl-Antik Testment, huh Ludvik b’indifferenza qabad u wieġbu: “Imma Karl, fejn trid tasal b’daqshekk? X’sens u x’għandu x’jaqsam dak li qed tgħid mal-avvenimenti ta’ daż-żmien?” (żmien l-era Nazista). Meta f’kapitlu 20 tat-tielet taqsima Baldur jibda jfakkru fuq sensiela ta’ żelqiet fin-niexef li wettqet il-Knisja Kattolika matul iż-żminijiet, immedjatament, Dun Ludvik mill-ewwel dawwarlu d-diskors, speċjalment f’paġna 306 fl-aħħar paragrafu. Bla dubju, dawn huma kollha sinjali li fejn jidħol il-kredu ta’ dak li jkun mill-ewwel jinqaleb l-argument biex jiġi salvagwardat dak l-istess kredu.



Il-bżonn u l-ġust


Fid-9 kapitlu f’paġna 247, Nadia lil Hans tistqarrlu dan il-kliem rigward meta Hans ried jikkonvinċi ‘l binha Karl biex jaqta’ kull kuntatt ma’ Eva: “... qatt ma ħassejtni daqshekk kuntenta nisma’ lil xi ħadd jippolarizza fuq tema partikolari li magħha assolutament ma naqbilx.” Naturalment, għad li Nadia kienet temmen fl-għaqda taż-żwieġ, madankollu, minħabba l-pożizzjoni li spiċċa fiha binha, issa li sar ‘iħobb’ lil oħtu Eva, Nadia għażlet il-bżonn minflok il-ġust. Għaliha kien ta’ bżonn li Hans jikkonvinċih biex lil Eva jagħtiha l-ġenb. Ħafna drabi, anki aħna jiġrilna hekk, li meta nkunu f’pożizzjoni prekarja fl-urġenza tal-bżonn ma naħsbuhiex darbtejn biex niċħdu dak li dejjem emminna fih.



Ir-referenzi għad-djar


Fil-ktieb ta’ spiss jissemmew ‘id-djar’ tal-karattri. Jekk wieħed joqgħod janalizza ftit isib li kull ‘dar’ hija mera tal-ispirtu ta’ kull abitant li ‘jghix’ fiha. F’paġna 2 hemm miktub: Otto joqgħod waħdu f’dar modesta imma ma jonqosha xejn. L-aktar ħaġa għal qalbu hi daqsxejn ta’ librerija li tinsab fis-soġġorn li għalkemm mhux kbira fid-daqs kellha numru ta’ manuskritti u kotba li ma jagħmlux għajb lil dawk miżmuma fl-arkivji tal-Vatikan. Id-dar ta’ Otto ilha ‘mibnija’ qisha sa mill-bidu tal-Għerf. Kif hemm miktub fil-ktieb: il-librerija tiegħu qisha minjatura tal-Librerija ta’ Lixandra, dik l-istess librerija li aktar ‘il quddiem jagħmel aċċenn għaliha Baldur waqt id-diskursata fuq l-għerf anċestrali li kellu ma’ Dun Ludvik fil-kamp tal-konċentrament. Il-librerija ta’ Otto hija sa ċertu punt Otto nnifsu fejn fih kienet kustodita s-sapjenza tal-ħajja. Jekk ikolli ninterpreta d-dar ta’ Otto nħoss li hija mimlija bl-enerġija anċestrali tal-għorrief li ‘għexu’ fiha qabel; aktarx anki l-ħabib tieghu ‘l-artist’ għex fiha qabel ma ‘l-familjari’ tiegħu (?) ġew għalih. (‘Il-familjari’ hija allużjoni tal-intimità mistika li għandhom lejn xulxin dawk li jħaddnu dan l-istess Għerf). L-eku tal-ispirtu traxxendentali tagħhom jinsab fiha. Huwa għalhekk li f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima Baldur iwissi ‘l Teo (issa li kien se jibda’ jgħammar fl-istess dar tiegħu) biex jieħu ħsiebha.

Id-dar ta’ Hans ġiet ‘konvertita’ mill-ġdid... Kif diġà għidna, id-dar ta’ Hans tirrifletti l-bidla fl-ispirtu: minn dar abbandunata ġewwa l-bosk - referenza ċara għall-abbandun tal-ispirtu li kien fih Hans qabel ma biddel hajtu; ‘ikkonvertiha’, jiġifieri, ikkonverta lilu nnifsu.

Bil-maqlub, id-dar ta’ Klaws ma tirriflettix l-armonija jew il-pożittiv; hija ‘dverna’ li fiha jidħol kulħadd: riferenza għal dak il-bniedem li f’ħajtu jaċċetta kull tip ta’ ‘hażen’. Id-dverna mbagħad għaddiet f’idejn Eva, li meta rrealizzat xi żball kienet wettqet f’żghożitha ddeċidiet li tnaddafha (tnaddaf lilha nnifisha), hekk kif għamlet bid-dar li ħallielha missierha fejn tathom dehra ġdida, hekk kif hi stess kienet ħadet dehra ġdida spiritwalment.



Konsegwenzi li ħalla warajh l-istupru: Il-qalb tajba ta’ Karl u Eva


Parti kruċjali fir-rumanz hu l-istupru. Ironikament kien minn dak il-mument li kellhom iseħħu bosta eventwalitajiet fejn l-imħabba spikkat. L-ewwel eżempju tatu Nadia billi għazlet li ma tabortix. Ċertament, Nadia dejjem xtaqet li t-tarbija tiġi mingħand Federik, u l-kobor ta’ Nadia jinsab li rnexxielha tissupera lilha nnifisha billi welldet lil Karl u ħabbitu daqs li kieku kien wilt mir-raġel li kienet tħobb. Fil-ktieb hemm ħafna referenzi fuq kemm Nadia kellha rapport straordinarju ma’ binha Karl. Nimmaġina li kienet din it-turija ta’ mħabba kontinwa li eventwalment iffurmat lil Karl fi bniedem ta’ qalb nobbli u li jaf iħobb, b’dik l-imħabba li ironikament ‘qatt ma emmen fiha’. Tgħid dan forsi minħabba li fl-inkonxju tiegħu għaraf b’xi mod kif kien ġie fid-dinja? Tgħid din hija alluzjoni għad-duttrina Buddista tas-Samsara: ir-rinkarnazzjoni tal-esseri uman li jibqa’ jġorr il-memorji ta’ ħajjiet oħra li tissemma fil-Prefazju, jew eżempju ta’ kif għandu jiġi mifhum il-fenomenu tad-déjàvu?

Karl wera x’natura nobbli kellu meta ddeċieda li jmur isalva ‘l ħuh minn ġol-kamp tal-konċentrament. Kif għidna, Karl dejjem beża’ mill-imħabba, u dan jista’ jagħti l-każ li tant kemm kellu mħabba li ma ried lil ħadd iweġġa’ minħabba fih. Fl-aħħar mill-aħħar, Karl kien jaf kemm l-imħabba taf tkun profonda u fl-istess ħin devastanti għal dak li verament jaf iħobb. Mhux ta’ b’xejn li lil ħuh meta kienu fi triqthom lejn Nurimberga wara l-ħarba minn Dachau qallu li: “m’hemm xejn aktar konfuz mill-eżasperazzjoni li tħalli warajha dik l-imħabba li tħabbat għaliha din l-imsejkna qalb.” Tant kemm kien jaf kemm hi kbira din l-imħabba li kważi kellu ossessjoni li ma juriha ‘l ħadd sabiex b’hekk ħadd ma jgħaddi minn din “l-ezasperazzjoni li tħalli warajha dik l-imħabba li tħabbat għaliha dik l-imsejkna qalb.” Għal Karl, tant kemm kienet pura l-imħabba li ma seta’ qatt jesprimiha jekk mhux b’mewtu stess. Għalih, dak kollu li kien inqas minn dak il-ġest estrem huma kollha ‘stimuli kkumbinati flimkien’, kif qal darba f’qalbu rigward il-ġibda li kellu lejn Eva.

Min-naħa l-oħra, Eva hi l-Hans fil-femminil. Il-bidu ta’ ħajjitha kien karatterizzat minn ħajja kaotika u malizzjuza. Però bħalma ġralu Hans, wara dak li għamlet lil Dun Federik ħasset li kellha tibdel ħajjitha u flok baqgħet tagħmel fattiha ddeċidiet li ‘tikkonverti’. U bħal Hans pattet bil-kbir għad-danni li wettqet fil-passat: (1) permezz taż-żamma tas-sigriet ta’ ħuha Karl, (2) li eventwalment saret ħabiba tal-qalb ta’ Nadia, u aktar tard billi rabbiet u ħadet ħsieb lil Magda u ‘l Fritz meta kienu għadhom żgħar. Ironikament, kienu l-atti barbari ta’ missierha Klaws li minnhom ħareġ tant ġid. Kieku l-eventi ma ġrawx kif seħħew, (u allura Eva ma kinitx issir ħabiba tal-qalb ta’ Nadia), probabbli Nadia ma kienx ikollha biżżejjed forza biex tegħleb l-ostakli kollha ta’ ħajjitha, fosthom il-mewt ta’ binha Karl. Il-messaġġ huwa wiehed ċar: Qatt m’għandek tiġġudika, għax dak li llum qed tiġġudikah, għada jista’ jkun il-mezz (is-Sagru Graal) li joħorgok minn xi hemm.

Rigward Eva u Karl, it-tnejn ġew fid-dinja mingħajr imħabba, però ironikament kienu huma fost xi wħud oħrajn li urew kif verament għandha tkun it-tjubija umana.



Ir-responsabbiltà ta’ Klaws għad-diżgrazzji tiegħu


Klaws kien bniedem li qatt ma xtaq jibdel ħajtu u dejjem ra kif għamel biex jiġġustifika lilu nnifsu. Bniedem li dejjem jara kif jagħmel biex jiġġustifika lilu nnifsu qatt ma jitgħallem xejn mill-ħajja avolja l-ħajja taf tagħtih ħafna opportunitajiet (bħalma Klaws kellu lil Otto biex jagħmel dan). Iż-żmien wera li kull ma rnexxilu jagħmel kien li ttradixxa lilu nnifsu u ‘l dik l-intelliġenza li wżaha ħażin. Ironikament, kien dak il-burdell (mossa intelliġenti għalih) li kixfu mal-awtoritajiet fejn eventwalment spiċċa fuq il-front tal-gwerra u kompla jgħaddas lilu nnifsu fil-kaos u l-ġenn. (Il-ġenn tiegħu probabbli seta’ ġie evitat kieku m’għaddiex minn dik l-esperjenza trawmatika). Allura nistgħu ngħidu li indirettament kienet dik ‘il-mossa intelliġenti’ tiegħu li jiftaħ il-burdell fil-belt ta’ Nurimberga li setgħet wasslitu għall-kollass mentali.



Relattivizmu u l-qawwa tar-rettorika


Dan kemm ‘il darba jiġi aċċennat fil-ktieb. Pereżempju meta Fritz u Magda kienu Pariġi, Fritz dar fuq oħtu u qabdilha fuq l-Eżistenzjaliżmu biex permezz tiegħu ifehemha kif għandha tiġi ttratta l-mara, fis-sens, li Fritz inqeda b’filosfu u qalilha li: “wara kollox, mhux hekk qal Sartre, li huwa assolutament neċessarju li d-dinja għandha tidher quddiem il-bniedem ordnata f’sens li dik l-ordni tirrifletti lilu stess?” Naturalment, hawnhekk Fritz qiegħed jinqeda b’dan il-kunċett filosofiku (li minnu ħareg fost oħrajn il-moviment feminista) biex b’hekk jiġġustifika l-abitudni sessista tiegħu fil-konfront tal-mara. Il-paradoss hu, li kollox jista’ jintuża biex bniedem jirbaħ argument, anki jekk dak l-istess pretest użat apparentement ikun il-bastjun ta’ dak li qed jiġi attakkat. F’paġna 109, pereżempju, Otto jgħid hekk lil Klaws: “Kollox hu diskutibbli fejn jidħlu l-esiġenzi tal-esseri uman.” F’kapitlu 21 (pagna 307) Baldur isaqsi lil Dun Ludvik: “Iżda, min hu dak li jippriedka l-verità jew il-falzità jekk mhux skont l-interpretazzjoni u l-inklinazzjoni tal-fidi li jkollu dak li jkun? ... li l-Bibbja dejjem ġiet interpretata skont l-ispeċifika reliġjon.”

Otto jagħmilha aktar skjetta minn hekk fejn mill-ġdid f’paġna 110 lil Klaws iwieġbu hekk: “Din li għandi raġun hija diskutibbli. Finalment hija l-arti tal-persważjoni li tagħti x’tifhem li bniedem jista’ jkollu raġun jew le. Bil-qawwa tal-elokwenza tista’ tgiddeb ir-realtà daqskemm tista’ tagħmel bil-maqlub.”


L-inċensier


L-inċensier jissemma darbtejn bħala għodda f’idejn l-awtur: L-ewwel darba meta permezz tiegħu Dun Federik jiltaqa’ ma’ Nadia bħala tfajla fil-kunvent li ħawditu kompletament; u t-tieni darba aktar ‘il quddiem meta permezz tiegħu, (għax l-inċensier kellu bżonn xi tiswijiet) Eva wasslithulu eżatt fil-ħin qabel ma kellu joħroġ ħhall-quddies, li f’dak il-mument, mill-ġdid, Dun Federik ħassu jitqanqal għal dik it-tfajla ta’ ħmistax. ‘Kif jista’ jkun li kellu jkun dak l-inċensier li reġa’ inċensani b’dad-duħħan profan?’ (pagna 128). Din hija allużjoni tar-rikorrenza eterna, li għalkemm iż-żmien jibqa’ għaddej, kollox jerġa’ jirrepeti ruħu b’xi mod. Dan jispjegah tajjeb Otto f’pagna 67 meta lil Franz jgħidlu hekk: “Il-bidla mhi xejn ħlief riżultat illużorju tal-istess oġġett esperjenzat fil-passat imlibbes b’libsa ġdida fil-preżent.” Inkredibbli kif l-awtur jinseġ dawn l-affermazzjonijiet biex imbagħad isibu l-ispjegazzjoni tagħhom f’eki u f’ċirkustanzi oħra fl-istess rumanz.



Ir-raba’ dimensjoni tar-rumanz


Ir-rumanz jirrappreżenta wkoll ir-raba’ dimensjoni tar-‘realtà’, fis-sens, li l-awtur jaċċenna għal bosta drabi kif setgħu seħħew l-affarijiet kieku ma ġrawx ċerti eventwalitajiet; bħal pereżempju meta Eva staqsiet kif kienu jmorru l-affarijiet kieku ħuha Karl ma mietx għal ħuh Ludvik, u sekwenzi simili oħrajn. Pereżempju, kieku Karl ma mietx għal ħuh, jew saħansitra, kieku bejn Karl u Elda ma kien ikun hemm xejn, u allura Ludvik ma kienx jaqbadhom fis-sodda flimkien, kien Ludvik isir qassis? (Din narawha aktar tard). Jekk Hitler għall-argument minflok ma ġie rrifjutat ġie aċċettat fl-Akkademja tal-Arti ġewwa Vjenna, kienu jseħħu dawk l-atroċitajiet li seħħew fl-era Nazista? Jekk le, għaliex il-fenomenu tal-Istorja ma mexiex b’dan il-mod? (Determiniżmu storiku).

Fir-rumanz hemm sekwenza meta quddiem it-tribunal tal-kurja f’Nurimberga Dun Federik jiġi skardinat. Snin wara fl-istess belt quddiem it-tribunal internazzjonali ġew misjuba ħatja numru ta’ ġerarki Nazisti għar-rwol dirett li kellhom fl-atroċitajiet li twettqu fuq miljuni ta’ nies. Il-qassis ġie kkundannat intortament; l-oħrajn ġew ikkundannati għax ħaqqhom. Iżda fattur importanti hawnhekk huwa l-kunċett tal-ħin: Li kieku ssospendew l-eskardinazzjoni ta’ Dun Federik, fejn wara kien jiġi żvelat li kien innoċenti (għax Eva kienet tasal li tammetti kollox), naturalment Federik kien jibqa’ qassis - imma kif kienet tiżvolġi l-istorja?



In-Natura titkellem minn fomm Elda


Simbolu ieħor fir-rumanz hu meta Elda tara lil Karl għaddej ma’ tlett tfajliet (it-tieni kapitlu tat-tielet taqsima). ‘Karl... int jista’ jkollok il-faxxinu, il-virilità u l-elokwenza li dewweb lit-tfajliet... imma bħalma jiġri f’ħafna każi, dak li jiġi kkonsmat fl-immedjat jispiċċa jitlef kull valur. U għad li għandek dawn il-privileġġi... xorta waħda jonqsok l-aktar wieħed imperattiv, li huwa t-tir li s’issa għadek ma ksibtx. U jekk dan il-għan huwa jien, allura huwa int li għandek tiġri warajha u mhux bil-maqlub.’ Il-lingwaġġ ta’ Elda f’dak il-mument hu wieħed f’saħħtu u rettoriku wisq biex ikun mitkellem u maħsub minnha. Huwa evidenti li f’dak il-ħin Elda tigi ‘sospiża’ minnha nnifisha u minflok ‘tkellmet’ għaliha n-Natura biex permezz tagħha tiġġustifikalha u ‘tirranġalha’ l-bilanċ emottiv għal opportunità aħjar.



It-tieni stupru ta’ Nadia: Paradoss


It-tieni stupru li reġgħet ġarrbet Nadia, mill-ġdid indirettament kien hemm involut binha Karl, iżda din id-darba biex tiddefendih. Ironikament, meta sfat stuprata minn Klaws, Nadia ssarat kemm felħet biex tiddefendi lilha nnifisha; mentri fit-tieni stupru (mingħand Dun Albert), ‘kienet hi li tat il-permess’ biex permezz t’hekk setgħet tiddefendi l-frott tal-ewwel stupru, ċjoè lil binha Karl. Il-ħajja hija mimlija bi skerzi krudili; u wieħed minnhom jiġi sintetizzat meta l-ewwel Nadia tiġi stuprata, iżda xorta waħda ddeċidiet li tiddefendi ‘l Hans fil-ġuri; imbagħad kien l-istess Hans li inkonsapevolment bagħat lil Nadia għat-tieni stupru tagħha biex issalva ‘l binha Karl.



L-ittri fir-rumanz


Ħaġa li nnutajt huma l-ammont ta’ ittri li hemm fir-rumanz. Fil-fatt, jekk il-qarrej joqgħod attent jintebaħ li l-awtur, apparti li uzahom bħala parti mill-plott, servewh ukoll biex permezz tagħhom jiftaħ tieqa fuq x’kien qiegħed iseħħ fl-Ewropa ta’ dawk iż-żminijiet. Speċi ta’ rendikont storiku biex fl-istess ħin iservi ta’ sfond għall-istess storja tar-rumanz. Mossa verament intelliġenti min-naħa tal-awtur



Miżinterpretazzjonijiet teoloġiċi


Fl-ahhar paragrafu ta’ kapitlu 25 tat-tieni taqsima (paġna 206), Federik jibda jiddjaloga ma’ Franz fuq kemm kien ‘ixxurtjat’ li safa skardinat għax skont hu b’hekk seta’ jiżżewweġ lil Nadia; fejn jgħid hekk: “... u le Franz, titkellimx hekk. Għadek ma tafx x’inti titlef meta ma tħallix kollox f’idejn il-Mulej. Hu biss jaf x’għandu bżonn il-bniedem u x’inhu ta’ ġid għalih...” Fejn ftit tas-sekondi wara t-tnejn li huma spiċċaw immassakrati mill-milizja tal-S.A. Għeluq verament paradossali u traġiku għall-aħħar li forsi jħalli l-kredent perpless, jekk mhux ukoll offiż. Imma hawnhekk l-awtur irid jgħidilna biex lil Alla m’għandna qatt ninterpretawh u nirromantiċizzawh skont l-esiġenzi u x-xewqat tagħna. Fil-fatt, huwa minħabba dawn il-mizinterpretazzjonijiet teologici li jgħolli rasu l-fundamentaliżmu reliġjuż li minħabba fih jitwettqu tant atroċitajiet f’isem “dak l-alla distort li noħolqu skont l-aberrazzjonijiet psiko-sesswali tagħna stess,” kif qal tajjeb Baldur f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima. Allura f’dan ir-rigward, Franz kellu raġun meta ftit tal-minuti qabel it-traġedja jdur fuq sieħbu u jgħidlu li: (din m’hi xejn ħlief) “Teoloġija nevrotika u xejn aktar minn hekk.”



L-għażla ta’ Ludvik bħala qassis


Kif aċċennajt aktar qabel, f’moħħi jiġuni ċerti mistoqsijiet fuq il-mod kif Ludvik daħal qassis: Din li Ludvik isir qassis, kienet ‘sejħa mis-sema’ jew ġustifikazzjoni tajba għall-fatt li Karl kien ħadlu ‘l Elda, dik it-tfajla li kien joħlom li magħha għad jifforma familja? Il-kontra ta’ ħuh, Ludvik ma kienx raġel virili, ma kellux testosteroni biżżejjed attivi li ma jħalluhx ‘bi kwietu’ mingħajr mara; allura meta tara dan kollu f’qafas wieħed tista’ tifhem li kien proprju minħabba f’hekk li Ludvik għażel li jidħol qassis, (għalkemm iż-żmien urieh li kien wettaq għażla tajba), għax dik l-għażla finalment kienet l-aħjar possibbiltà possibbli għalih.



Klaws u Dun Albert


Naħseb li hemm korrelazzjoni qawwija bejn Dun Albert u Klaws, avolja kienu kompletament differenti minn xulxin. Klaws hu l-ħażen manifestat b’mod rozz u selvaġġ, mentri Dun Albert jirrappreżenta l-ħażen sofistikat. Madankollu, huwa inkredibbli l-fattur li bih jiġi mikxuf il-qerq tal-qassis. Hu dejjem mexa b’moħħu biex wasal fejn wasal, imma żgur li qatt ma kien jidħollu f’moħħu li kellha tkun tifla ta’ 15-il sena (li tirrappreżenta l-pwerilità) li kellha tikxiflu n-natura distorta tiegħu kif ukoll dak li wettaq fil-passat. “Min jagħti bis-sejf, bis-sejf imut...”



Karl u l-Gestapo


Karl kien wieħed mill-ħafna li kienu jemmnu fl-ideoloġija Nazista. Iżda bħalma ġralhom ħafna f’dawk iż-żminijiet sfaw delużi wkoll, u, aktar minn hekk, diżgustati bl-aġir tar-reġim. Madankollu, Karl ma seta’ jagħmel xejn, sew minħabba li kellu bżonn jibqa’ fil-korp biex isalva ‘l ħuh mill-kamp tal-konċentrament, u anki li kieku irriżenja mill-korp, kien se jkollu jħabbat wiċċu lura mill-ġdid ma’ Eva li kienet serqitlu qalbu. Allura għalih kien aktar ta’ bżonn li jibqa’ fil-Gestapo milli barra minnu b’konsegwenza li jispiċċa jfarrak lilu nnifsu u ‘l dawk għeżież għalih: ironija oħra tal-ħajja li xi kultant, il-bżonn huwa aħjar mill-ġust.



Id-daħka enigmatika ta’ Klaws


Fir-rumanz hemm sekwenza b’messaġġ sottili ħafna meta Hans u Ludvik imorru jżuru ‘l Klaws fl-isptar ta’ Hadamar. F’ħin minnhom, Klaws jitbissem lil Hans. Dan il-ġest jidher li huwa sinjal ta’ bniedem li tilef ir-realtà tal-ħajja. Iżda dik id-daħka tista’ tfisser li Klaws kien fil-fatt ben konoxxenti ta’ x’kien qed jiġri madwaru. B’dik it-tbissima ried jagħti messaġġ lil Hans li issa hu (Klaws) kien qiegħed ipatti għal dak li wettaq f’ħajtu billi jilgħabha ta’ miġnun u fl-istess ħin ried jurih li hu qatt ma kien se jikxef il-komplott li wettqu flimkien biex jinqatel Rudi t-tabib. Kienet forsi daħka ta’ rassikurazzjoni dik ta’ Klaws, biex forsi biha jfakkar lil Hans li s-sigriet tiegħu se jieħdu miegħu sal-qabar. Indirettament, Klaws ġie maqtul minn bniedem (u li kien jammirah) li xi ftit jew wisq kien jaħsibha bħalu. Dan kien Adolf Hitler li bhal Klaws kien spjetat fl-għażliet tiegħu, tant li spiċċa biex bagħat eluf ta’ pazjenti għall-mewt li għalih kienu biss “piż żejjed” għas-soċjetà (bħalma kien Klaws fl-istat ta’ ġenn li kien fih). Qiegħed niftakar ukoll f’dak li kien qal darba Otto lil Klaws, li: “min jemmen fid-destin, fl-aħħar jispiċċa ddestinat li jiġi mkaxkar minnu stess...” hekk kif seħħ lil Klaws.

Ironikament, anki bintu Eva kellha tgħaddi mill-istess triq. Fil-fatt, f’isem dak kollu li wettqet fil-passat, anki wkoll f’isem l-imħabba, Eva qatt ma kienet se tiżvela ‘l Karl li kienet oħtu mill-istess missieri; u kif stqarret hi stess, “sigriet nieħdu miegħi sal-qabar...” eżatt kif għamel missierha rigward Hans.



Nadia


Nadia hija bla dubju waħda mill-eroini tar-rumanz (u tal-awtur). Fil-fatt, l-awtur qatt ma jgħejja jikkumplimentaha u jżejjinha b’rekwiżiti sbieh: (Otto lil Nadia meta giet stuprata f’pagna 83) “Għaliex qed tarmi kollox b’dan il-mod? Taf kemm għandek potenzjal? Jekk mhux hekk, kif stajt wara esperjenza kerha bhal dik tippreżenta ruħek f’awla ta’ qorti bl-iskop li tidħol għal raġel biex tagħtih il-libertà? Forsi lanqas taf x’att erojku għamilt dakinhar. Staqsi lil Hans!”

Passaġġ verament tokkanti f’pagni 219-220 hu meta Nadia għaddiet nofstanhar ma’ binha Karl fejn fost l-oħrajn kellha xewqa li tpinġih. L-intimità ta’ bejniethom kienet waħda li ssaħħrek. Sabiħ immens il-passaġġ meta Karl (qisu tifel żgħir) jipprova jġibha żewġ ma’ ommu biex ma tpinġihx. Iżda fl-aħħar il-maċija ta’ ommu ħadet is-sopravvent. F’dawn il-passaġġi hekk sbieħ, l-awtur irid jgħidilna li kieku Nadia abortiet, mhux talli ma kinitx tesperjenza dak in-nofstanhar maġiku ma’ binha (u min jaf kemm għaddiet bħalhom), imma probabbli sa dik l-istess ġurnata kienet tkun għadha tturmentata bl-abort: l-awtur irid jurina x’karattru determinat u sabiħ kellha Nadia. Fil-fatt, biex ikompli jeżaltaha, minn fomm Eva l-awtur jikteb hekk f’pagna 269: “... u ma ntihx tort (lil Karl) meta darba qalli li għalih int qisek bħal fjura li ma titbiel qatt.”

F’paġna 273, Hans jgħidilha hekk: “Għidli Nadia... int li għandek qalb kbira tant li fiha tista’ takkomoda lill-umanità, tista ma tagħtix l-opportunità lil din il-mara wkoll (lil Eva) bħalma tajt lili wkoll?”

Nadia, bħal kull esseri uman, għaddiet minn ħafna esperjenzi koroħ, imma kellha l-kuraġġ u l-volontà li taffrontahom, (l-istupri ta’ Klaws u ta’ Dun Albert, il-fatt li ddeċidiet li ma tabbortix, li ħafret lil Klaws u lil Dun Albert, li rnexxielha tissupera l-mewt ta’ binha Karl u sekwenzi oħrajn). U l-awtur donnu ried jimmortalizzaha għal dejjem minħabba dawn il-kwalitajiet sbieħ. Tant kemm hu minnu dan, li minn fost il-karattri kollha, Nadia biss tkopri l-erba’ taqsimiet tar-rumanz, u hi biss tilħaq l-età ta’ mitt sena. L-awtur ikompli jfaħħarha meta pereżempju f’paġna 162 hemm miktub hekk: Nadia baqgħet sabiħa daqs ix-xemx. Fiha ma kien ebda kambjament, sabiħa minn barra u minn ġewwa wkoll. Imma l-kobor ta’ Nadia joħrog kollu meta f’paġna 352 tat ċamata u tagħlima f’waqtha lix-xiħ monsinjur Albert, fejn fi kliemha, bla dubju, timmanifesta n-nobiltà kollha tagħha; speċi ta’ testment li riedet tħalli lill-qarrej. L-awtur ma setax iniżżel is-siparju fuq Nadia isbaħ minn hekk; taha omaġġ ta’ vera eroina.



Leo Tolstoy


F’paġna 166 hemm dan il-passaġġ fejn jidħol Klaws rigward Nadia. L-imgħoddi ħares lejh bħala preludju ta’ preżent u futur hieni minsuġ f’xi rumanz Tolstoljan, bid-differenza li tiegħu ma kienx se jispiċċa ħażin f’xi stazzjon. Hawnhekk, l-awtur qed jirreferi għall-kapulavur ta’ Leo Tolstoy Anna Karenina.



Il-preċedent


Fil-ktieb tissemma ta’ spiss il-kelma ‘preċedent’. Eż. F’qalbu awgura (Dun Ludvik) li dik il-mossa (ta’ Dun Albert li jġibu jaħdem miegħu fil-katedral ta’ Munich) ma toħloqlux xi preċedent li tikkompromettilu l-missjoni tiegħu... (pagna 216)

Il-kelma ‘preċedent’ għandha tifsira usa’ minn hekk għall-awtur. Fil-fatt, din talludi għar-rikorrenza eterna fejn f’paġna 454 Baldur jissintetizzaha b’dan il-kliem: “Għal dawk li jgħixu fil-preċedent (li jafu n-natura tal-bniedem u għalhekk jistgħu jantiċipaw il-mossi tal-bnedmin), il-preżent huwa diġà passat. Huwa l-futur li jservihom ta’ preżent.” Xi jrid ifisser l-awtur? Eżempju: Kieku Dun Ludvik kien jgħix fil-preċedent ma kienx jaċċetta dak ir-rwol li pproponilu Dun Albert, għax kien jintuwixxi li ‘l quddiem se jispiċċa taħt il-lenti tar-reġim Nazista b’deterrent għal familtu. Kieku kien jgħix fil-preċedent, ħuh Karl ma kienx imut għalih. Xi ħadd jista’ jgħid: Kif jista’ jkun li bniedem jantiċipa ċerti affarijiet? Jista’ jkun. Fil-fatt dan huwa fenomenu ppruvat, għad li mhux lakemm tispjegah.

Imma l-kunċett tal-preċedent huwa aktar wiesa’ għall-awtur minn hekk. Prattikament, meta l-awtur isemmi din il-kelma, speċjalment minn fomm Baldur, ikun qiegħed jalludi għal dak il-bniedem li jaf min hu, li m’għandux bżonn esperjenzi biex jitgħallem jew biex jirriafferma lilu nnifsu. Pereżempju f’paġna 441 u 442 hemm miktub hekk fuq Teo: Matul iż-żmien rarament biddel jew altera dak li kien diġà jaf. Kienu biss l-adattamenti għaċ-ċirkustanzi li ġegħluh jimmodifika ftit mill-format ta’ kif kien iħares lejn id-dinja u l-affarijiet...

U apparti Teo u Baldur, anki Otto kien jgħix fil-preċedent; u dan fost l-oħrajn jiġi sintetizzat fl-ittra li kien kiteb lil ħabibu Franz li tinsab f’kapitlu 22 (paġna 186) tat-tieni taqsima.



Argument fuq il-Knisja bejn Dun Ludvik u Dun Albert


Kapitlu 12 tat-tielet taqsima (paġna 257) huwa wieħed qawwi ħafna. Fih, Dun Ludvik u Dun Albert jibdew jiddjalogaw fuq kif għandha tkun il-Knisja Kattolika. Bla dubju, f’dan il-kapitlu, Ludvik u Albert jirrappreżentaw iż-żewġ naħat tal-Knisja: Min-naħa hemm Dun Ludvik li jirrappreżenta t-tajjeb tal-Knisja; u min-naha l-oħra, Dun Albert jirrappreżenta n-naħa oskura tagħha. Drammatiċi huma dawk l-eżempji li Dun Albert jibda jġib biex jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, b’mod speċjali meta jibda jinqeda bl-Iskrittura biex jilleġittimizza r-reġim Nazista. U aktar drammatiku minn hekk huwa l-fatt, li dak li ntqal minn fommu kważi huwa kollu minnu. Prova oħra li bl-elokwenza tista’ tgiddeb ir-realtà daqskemm tista’ tagħmel bil-maqlub, kif qal tajjeb Otto f’paġna 110. Dun Albert ikompli jitfa’ l-melħ fuq il-ferita meta lil Dun Ludvik jgħidlu: “... vultus vult decipi...” li l-poplu jrid min iqarraq bih.” Li “Il-massa mhux bil-verità trid tisma’... il-verità ma fihiex palat għal dawk li huma imderrija jħawdu l-borma tal-ħajja bil-ħwawar tal-ideoloġiji u bl-imluħa tar-reliġjon.” Bħal speċi ried jgħidlu li hu (Dun Ludvik) kien qed iħambaq għalxejn b’dawk l-omeliji tiegħu għaliex il-kollettiv ma jinteressahx mill-verità (kif għidna aktar qabel), u għalhekk, skont Dun Albert, hija aħjar l-astuzja politika milli l-verità. (Tema poġġuta wkoll fuq fomm Fritz meta l-ħbieb ikunu Firenze, rigward x’tip ta’ politika għandu jadotta l-‘Prinċep’ fuq il-kollettiv). Dun Albert ikompli jgħidlu li: “Dan qed ngħidulek għal ħaġa waħda biss... li l-Vangelu mhux dejjem ikun għaqli tinterpretah bl-ispirtu tar-ruħ, imma bil-ħażen tal-moħħ.” U biex l-awtur ikompli jisħaq fuq dal-kunċett, Dun Ludvik jgħidlu hekk: “Lill-Fariżej, Kristu ċanfarhom li kienu huma dawk li kisru l-kmandamenti minħabba t-tradizzjonijiet... li ġabu fix-xejn il-liġi tiegħu hekk kif għadu jseħħ sal-lum. Isaija qalilhom li bix-xufftejn biss jagħtu ‘l Alla ġieh, imma qalbhom hija ‘l bogħod u fiergħa hija l-qima li jagħtuh għax jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.” Hawn il-messaġġ huwa ċar, m’hemmx ghalfejn ngħidu għal min hu indirizzat dan il-kliem.



Karl, Eva u Elda


Dan huwa fenomenu ieħor tal-ħajja: Karl sar ‘iħobb’ lil Eva, aktar milli ‘l Elda; imma kienet Elda li fl-aħħar kisbitu. Vera, kien hemm il-fatt li Eva saret taf li Karl kien ħuha; imma dan huwa biss pretest f’moħħ l-awtur. Għal Karl, Eva tirrappreżenta l-aħjar possibbiltà possibbli, imma sa dak il-perijodu hu kien għadu ‘komdu wisq’ jiġri wara t-tfajliet. Mentri Elda tissimbolizza l-istennija li tant hi magħrufa għaliha l-mara biex tikseb ‘l dak ir-raġel li tħobb.

F’kapitlu 10 tal-aħħar taqsima (paġna 386), Teo jgħid hekk: “Jien tal-opinjoni li kollox hu kwistjoni ta’ sinkronizzar ta’ kumbinazzjonijiet... hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ aċċess jew permess mingħand il-fenomenu tal-Istorja...” X’ried jgħid Teo fost l-oħrajn b’dan il-kliem? (apparti li f’dak il-mument kien qed jalludi għal Hitler). Imma minflok se nagħti l-interpretazzjoni tiegħi, se nagħti ezempju: Ikun hemm koppja li jħobbu ‘l xulxin. Wara ħafna snin flimkien, il-mara tmut. Żewġha jibkiha fit-tul, kien iħobbha ħafna. Snin wara l-armel jiltaqa’ mal-ħabiba ta’ martu (xebba) li fil-passat lejn dil-mara qatt ma ħass xejn. Madankollu issa jibdew jiffrekwentaw lil xulxin u fl-aħħar saru ‘jhobbu’ ‘l xulxin u eventwalment iddeċidew li jiżżewġu. Għaliex dak ir-raġel ma ‘ħabbhiex’ ukoll meta martu kienet għadha ħajja? Għax f’dak iż-żmien din it-tieni mara tiegħu ma kinitx l-aħjar possibbiltà possibbli għalih. Huwa dan li rrappreżentaw Eva u Elda għal Karl.



Nixxiegħa tal-kuxjenza


F’kapitlu 20 tat-tielet taqsima (paġna 301) insibu dik li fil-letteratura tissejjaħ nixxiegħa tal-kuxjenza, fejn mingħajr punteġġjaturi u b’mod mhux premeditat Dun Ludvik ‘jiżvoga’ d-dwejjaq tiegħu b’lamentazzjoni fuq dak li kien qed iseħħ fil-kamp tal-konċentrament. Dis-silta kważi taqtagħlek nifsejk biex taqraha, sew għax m’għandha ebda punteġġjatura, u anki għad-dissonanza tagħha. L-awtur għażel dil-manuvra biex b’hekk f’moħħ il-qarrej iħallilu sens ta’ telf ta’ kontroll u ansjetà, sewwasew dak li kien għaddej minnu Dun Ludvik.

F’parti oħra fil-ktieb, eżattament f’kapitlu 8 tal-istess taqsima (paġna 238), meta Dun Ludvik u Hans imorru jaraw lil Klaws fl-isptar ta’ Hadamar, f’ħin minnhom naslu f’punt fejn il-qassis ma setax jissaporti aktar f’dak l-imkien, u għalhekk: ... mingħajr ma lissen kelma oħra telaq ‘il barra b’pass maħtuf assorbit mill-vortiċi ta’ dak iċ-ċimiterju psikjatriku fejn fih il-mejtin kellhom jibqgħu ħajjin ġo moħħ skadut. Apparti s-sbuħija letterarja ta’ dal-passaġġ, din is-sentenza tħallilek sens ta’ ansjetà; u bħal Dun Ludvik, il-qarrej iħossu anzjuż biex jeħles minn dak l-ambjent mill-aktar fis. Huwa għalhekk li r-ritmu ta’ dis-sentenza huwa wieħed mgħaġġel u frenetiku, biex b’hekk tirrifletti l-fernezija li qabdet lill-qassis biex joħrog minn dak l-imkien. Tajjeb li ngħidu wkoll, li fl-aħħar taqsima f’kapitlu 7 (paġna 369) hemm ukoll sekwenza simili f’dan ir-rigward; imma din id-darba fuq format ta’ poezija ‘Dadaista’ li permezz tagħha Teo juri f’liema stat surreali kien jinsab fih f’dawk iż-żminijiet.



Il-Kollettiv


Fir-rumanz tissemma wkoll għal ħafna drabi l-kelma ‘kollettiv’. Eż. Hitler kien ppożizzjonat fuq podju fejn kulħadd seta’ jarah, jinċita lill-massa f’kollettiv ta’ delirju mimlija bl-orgolju Tedesk (paġna 217). Il-kelma ‘kollettiv’ għall-awtur tfisser il-massa tal-umanità li permezz tagħha matul l-Istorja seħħew ħafna eventi tal-biża’ (imma anki sbieħ). Biżżejjed insemmu li, kien il-kollettiv li tellgħu lil Hitler fil-poter. Kien il-kollettiv li għajjat “Sallbu, sallbu!” Il-filosfu Nietzsche wkoll jagħmel referenza għal dan il-kunċett f’kitbietu, speċjalment fuq kemm għandu joqgħod attent mill-kollettiv dak li jaf min hu verament, dak li huwa liberu fl-ispirtu. U fuq dan ir-rigward, f’paġna 244, Hans jgħid hekk lil Karl: “U fuq il-predatur li għandu moralità aristokratika, Nietzsche jgħidilna li dan l-individwu sa mill-ewwel żminijiet kien jiġi mxekkel b’sensiela ta’ valuri imposti fuqu mill-massa medjokri tal-umanità... Fil-fatt, l-Istorja għallmitna li dawn l-individwi (l-individwalisti puri fil-qalb) minn dejjem tkissru meta għażlu jaderixxu mar-regoli retroattivi tas-soċjetà.”

Fritz u Magda minn dejjem kellhom grazzja ma’ individwi bħal dawn (bħal Teo), jafu xi tfisser l-ipokresija ta’ ħafna nies debboli fil-karattru li jsibu l-qawwa tagħhom fil-kollettiv (paġna 383).

L-antiteżi tal-kollettiv jiġi rappreżentat fil-persuna ta’ Teo. Kien fil-fatt għax Teo kellu natura nobbli u pur fil-qalb li safa vittma tal-kollettiv. Dan jiġi ssottolinjat f’kapitlu 10 tal-aħħar taqsima f’paġna 389: F’Pariġi (Teo) ssokta jifhem li n-natura kumplessa tiegħu ma kinitx tippermettilu tagħlqu f’dinja ristretta mimlija b’ideali maħluqa mill-kollettiv. Il-kollettiv kien jaf xi jfisser, jaf sa fejn jista’ jasal il-kollettiv, (“Sallbu, sallbu!”) Lilu għamillu danni kbar.

Fil-kapitlu ta’ wara (wara li għaddew xi snin) nerġgħu niltaqgħu mal-kelma ‘kollettiv’, u dejjem għall-istess raguni: Madankollu fi triqtu (Teo fis-snin sebgħin) m’għaddiex kollox lixx. Mill-kollettiv kellu jissubixxi ammont ta’ swat verbali kważi daqskemm Kristu safa tturmentat fl-erbgħin jum fid-deżert. Hawnhekk għandna simbolu ieħor: Mela, hekk kif il-kollettiv jissimbolizza ‘l dawk li għajtu “Sallbu, sallbu...” li allura (xi wħud minnhom) jiġu l-antiteżi ta’ Kristu; min-naħa l-oħra, (peress li minħabba l-kollettiv Teo kellu jissubixxi ammont ta’ swat verbali kważi daqskemm Kristu safa tturmentat fl-erbgħin jum fid-deżert), jiġi evidenti li Teo jirrapprezenta ‘l Kristu bħala esseri uman.

F’ittra lil ħuh, f’paġna 280, Ludvik jgħid hekk fuq il-kollettiv: Sewwa qal Pascal li kollox jiġi rregolat mill-opinjonijiet għax huma dawn li jagħmlu d-dinja dik li hi. (Id-dinja, il-kollettiv jibniha u mhux l-individwalist). Baldur f’paġna 458 jgħid hekk: “Finalment, hija l-attività inkonxja tal-kollettiv li tmexxi l-ħajja fuq din l-art...”

F’paġna 224, Karl jgħid hekk lil ħuh: Darba l-Għaref tal-Orjent (Konfuċju) kien qal, li kliem il-għaref ta’ spiss jikkonfondi l-isforzi morali tal-kollettiv, daqskemm in-nuqqas ta’ sabar tal-kollettiv jista’ jikkonfondi l-proġetti kbar ta’ dawn l-għorrief.

F’kapitlu 12 tat-tielet taqsima (paġni 265-266) Dun Albert iwieġbu hekk lil Dun Ludvik fejn jidħol il-kollettiv: “Għandek tkun taf, Ludvik, li l-imħabba ma tfissirx biss li tagħmel it-tajjeb lill-oħrajn, imma li dan it-tajjeb xi kultant ma tagħmlux, speċjalment ma’ dawk li mhumiex nobbli biżżejjed biex japprezzawh. Dak li hu tajjeb għalik mhuwiex neċessarjament tajjeb għall-oħrajn. Titfax ġawhar lill-ħnieżer, kif jgħidilna l-Ktieb Qaddis.” Fil-fatt, f’kapitlu 17 tal-aħħar taqsima (paġna 427), Fritz jgħid hekk fuq il-kollettiv: “Tinsiex, Teo... inti taf biżżejjed kemm dawn l-individwi ta’ natura nobbli kemm jiġu maltrattati mis-slavaġ li ma jinteressahom minn xejn ħlief biex jaġevolaw lill-istint primittiv. (Dawn huma) l-arċi rivali tal-verità (“Sallbu, sallbu!”) tant, li qatt ma jaħfrulek jekk tazzarda tgħallimhom xi kunċett ġdid.”




Il-kunċett tal-prokreazzjoni


Kapitlu 9 tat-tielet taqsima (paġna 240) huwa wieħed qawwi u apparentement jidher li huwa kontra dak li jagħmel lill-bniedem sħiħ jew kontra l-kunċett tal-familja u strutturi oħra għall-qalb l-umanità. Huwa faċli li l-qarrej jaqa’ f’dan l-iżball, speċjalment jekk dan il-kapitlu jieħdu b’mod personali. Iżda dan m’għandux isir. Fil-fatt, dan il-kapitlu huwa ddedikat u maħsub għal dawk li għax ma jidħlux f’din il-faxxa li semmejt hawn fuq jaħsbu (xi wħud minnhom) li mhumiex ‘normali’, u forsi agħar minn hekk, li huma ‘morda’, la mhumiex bħall-oħrajn. Apparti dawk li għażlu din it-triq bir-rieda libera tagħhom, u allura m’għandhomx bżonn min jagħmlilhom kuraġġ; hemm oħrajn tal-istess natura li ma jafux eżattament x’qiegħed jiġri fihom speċjalment meta jaraw tant antagoniżmu ġej mill-konvenzjonalità tas-soċjetà. Huwa għal dawn in-nies atipiċi li dan il-kapitlu huwa ddedikat, biex bih jifhmu aħjar il-qagħda taghhom u b’hekk ma jħossuhomx li għandhom xi ħaġa inqas mill-oħrajn. Dawn it-tip ta’ individwi ftit hawn min jaħseb fihom b’mod organizzat la ma jaqgħux taħt il-kappa tal-konvenzjonalità. Dawn huma nies meraviljużi, li iżda kull tant issib ftit minnhom li ma jirrealizzawx kemm huma tali. Ma ninsewx, li dan huwa rumanz filosofiku, lest biex jinvestiga u jittratta kollox, u mhux biss dak li jixtieq jisma’ l-qarrej konvenzjonali u dak kollu li hu komdu għalih. Fid-dinja ħadd mhu l-istess bħala karattru, iżda kulħadd hu l-istess bħala esseri uman, u għalhekk jeħtieg li ħadd m’għandu jiġi emarġinat.



It-tmun tal-aħħar taqsima


Kapitlu 6 tal-aħħar taqsima (paġna 359) jista’ jitqies bħala t-tmun ta’ fejn kellu jiġbed il-bqija tar-rumanz. Hawnhekk insibu lit-tewmin jiddjalogaw b’ċerta rabja u wġigħ ta’ qalb ma’ Eva fuq id-diżgrazzji li għaddew minnhom fil-passat. Il-pożizzjoni li kienu se jieħdu fil-konfront tal-ħajja kienet waħda bla skrupli, kważi vjolenta. Donnhom issa t-tewmin kienu ppreparati biex iwaqqfu dawk is-sensiela ta’ diżgrazzji li seħħew fuq il-familjari tagħhom permezz ta’ mġiba aggressiva u ostili lejn il-kollettiv. Minħabba dan, il-lingwaġġ tar-rumanz jibda kull ma jmur isir espliċitu u aggressiv, imma dan iseħħ ukoll biex l-awtur jissottolinja li ż-żminijiet issa nbidlu (issa qegħdin fis-sittinijiet) u m’għandniex aktar f’dak il-perijodu ‘romantiku’ tal-passat fejn kollox kien jiġi mifhum u mitkellem b’ċerta ħlewwa u ordni. Ir-raba’ taqsima għandha wkoll tiġi interpretata bħala l-ġudizzju ta’ x’kien seħħ fil-passat u dak kollu li ġab miegħu l-imgħoddi. Fil-fatt, darba l-awtur kien qalli dan: “... l-ewwel tlett taqsimiet ktibthom biex stajt nasal għar-raba’ taqsima.” Għall-ewwel ma stajtx nifhmu; imma mbagħad irrealizzajt li kieku l-awtur ma nisiġx l-ewwel tlett taqsimiet ma kienx ikollu ‘bizzejjed evidenzi’ biex iwassal id-djalettika tiegħu sal-aħħar sors. Għaldaqstant, ir-raba’ taqsima tista’ tiġi meqjusa wkoll bhala ‘pronjożi filosofika’ fuq dak li kien seħħ sew fir-rumanz, imma anki bħala rendikont filosofiku tal-ħajja stess.



Nadia u Angela


Jekk wieħed joqgħod jinnota ftit jinduna li Nadia mietet fis-sajf tal-1980. Angela, it-tifla ta’ Lea, ukoll twieldet fis-sajf tal-1980; (allura din għandha tiġi mifhuma bħal speċi ta’ kontinwazzjoni ċiklika) u aħna nafu permezz tal-aħħar kapitlu tal-aħħar taqsima li fl-orfanatrofju, Angela kienet replika kważi perfetta ta’ dak kollu li għaddiet minnu Nadia f’dik l-età. Alluzjoni oħra għar-rikorrenza eterna.



Is-Sinjura


F’kapitlu 18 tal-aħħar taqsima (paġna 429) niltaqgħu ma’ sekwenza fejn Fritz jiltaqa’ ma’ mara li kienet qed tieħu ħsieb it-toilets ta’ restorant...

Din fil-fatt seħħet fir-realtà lill-awtur stess meta kien proprju f’dak l-istess restorant f’Ruma (naturalment barra l-ġlieda li kellu Fritz), u bħal Fritz, tant kemm ħallietlu impatt sabiħ bil-karattru nadif u ferrieħi tagħha, li lili stess l-awtur kien qalli li jekk xi darba jikteb il-ktieb tiegħu, “... lil din is-sinjura ndaħħalha wkoll biex nagħtiha omaġġ.” Jekk tinnutaw, minn fomm Fritz, l-awtur lil din il-mara jindirizzaha bhala ‘sinjura’, terminu ta’ nobbiltà fl-ispirtu u fil-qalb.



Malta


“U rigward ir-reliġjon, il-politika u l-gosti tal-Maltin,” kompla Fritz, “b’kumbinazzjoni l-bieraħ kont qed nitkellem ma’ wieħed qrib l-erbgħin li suppost għandu sbatax fejn qalli li minn dan l-aspett, għalih, Malta hija l-Galapagos tan-Nevrosi kollettiv.” (paġna 436). Simpatika dil-battuta! Bla dubju, l-awtur ma qagħadx lura milli jagħmel parodija bil-Maltin. Tant kemm ried jagħmilha personali u ċara din it-tirata, li Fritz jgħid li: “dan l-individwu kellu qrib l-erbgħin (kemm attwalment kellu l-awtur meta kiteb dan ir-rumanz) li iżda suppost għandu sbatax” (proprju kemm kellu età l-awtur f’dak iż-żmien). Galapagos huma l-gzejjer fil-paċifiku fejn fihom hemm il-kwintessenza tal-flora u l-fawna tan-natura; u allura fil-kuntest tal-awtur, il-fatt li Malta hija l-Galapagos tan-Nevrosi Kollettiv ifisser li Malta hija l-kwintessenza tal-esagerazzjonijiet stupidi li jseħħu fuq din l-art, ibda mir-reliġjon sal-politika... U l-awtur ma waqafx hawn ! “U kemm domt tiddiskuti ma’ dak il-Malti tal-bierah meta ħrigna mit-teatru tal-belt?” staqsa Egon lil Fritz kurjuz biex ikun jaf xi ntqal.

“Eh iva... m’għedna xejn speċjali tafux...”

“Kemm kien eleganti b’arja ta’ xi wieħed intiż.”

“Eleganti kemm trid, imma intiz ma tantx. Għall-ewwel hekk ħsibt. Imma xħin għedtlu li r-raġuni li ġejna Malta bdiet b’sempliċiment diskursata fuq Schiller u qalli li anki hu kien sema’ b’Schelling biddilt il-ħsieb...” Hawnhekk mill-ġdid l-awtur ried jagħmel parodija b’xi wħud mill-Maltin (li jippretenduha), li kif qalet tajjeb Magda f’kapitlu 15 tal-aħħar taqsima: “Ħafna minnhom mhux l-arti jiġu jaraw, iżda lilhom infushom riflessi f’għajnejn in-nies biex b’hekk jidentifikaw ruħhom mal-elite.” F’dan ir-rumanz hekk ġenjali, l-awtur jagħmel gustizzja b’kulħadd.

Sabiħa immens it-transizzjoni argumentattiva li uża l-awtur fuq fomm il-ħbieb biex permezz tagħha daħħal lil Malta fil-plott tar-rumanz.



‘Mara’ mill-aspett Buddista


F’kapitlu 19 tal-aħħar taqsima (paġna 436) Teo jgħid hekk: “... li l-kelma ‘mara’ bis-Sanskritu tfisser mewt, jew mill-perspettiva Buddista tfisser l-alla tas-sensi. Pereżempju, kienet din ‘mara’ li ppruvat tikkorrompi lil Gautama l-Budda meta kien taħt is-siġra Bo.” Hawnhekk għandna bħal speċi ta’ riżonanza f’moħħ Teo, speċi ta’ Freudian slip. Fil-fatt, dil-kelma lil Teo fakkritu li hekk kif din ‘mara’ lill-Budda ppruvat tikkorrompih, hekk ippruvaw jagħmlu xi wħud min-nisa lilu fil-passat, sew fl-istitut u anki ġewwa Munich.



L-indifferenza filosofika


F’paġna 442, Teo jgħid hekk lill-ħbieb: “Munich hija belt mill-isbaħ u moderna, u l-moderniżmu huwa essenzjali għall-benesseri tas-soċjetà. Dan l-avvanz jiġi fost l-oħrajn permezz ta’ ċertu tip ta’ responsabbiltà. Iżda din it-tip ta’ responsabbiltà mhijiex applikabbli jew saħansitra ġusta għal ċerti nies.” Fil-fatt, bniedem li jgħix fil-preċedent (li jaf min hu) jaf, li “qatt ma seħħ xejn ġdid taħt il-kappa tax-xemx,” allura jaf ukoll li jkun sforz inutli li jidħol għal ċerti responsabbiltajiet (wu-wei) jaf li kollox se jibqa’ l-istess, la l-bniedem se jibqa’ l-istess, hekk kif spiċċa l-awtur ir-rumanz. U fuq dan il-kuntest, f’kapitlu 23 tal-aħħar taqsima (paġna 451), Dun Ludvik ħaseb hekk: ‘Finalment... kull raġel onest xi darba jew oħra jkollu ta’ bilfors jirrifjuta r-responsabbiltà minn fuq spallejh għall-ġid tal-oħrajn...’ Rigward l-ittra li kien se jibgħat lin-neputijiet.



Manfred: il-mera ta’ Hans (ir-rikorrenza eterna)


F’kapitlu 14 tar-raba’ taqsima (paġna 408) jitfaċċa Manfred. Bħal fil-karattru ta’ Hans, f’Manfred jispikkaw ħafna affarijiet sbieħ, fosthom l-indiema u l-volontà li jinbidel f’persuna aħjar. Manfred irnexxilu jnaddaf l-ispirtu tiegħu eżatt kif għamel Hans. Manfred jidher mill-ġdid lejn tmiem ir-rumanz, u dan mhux b’kumbinazzjoni. Hawn tidħol mill-ġdid ir-rikorrenza eterna, fejn flimkien ma’ karattri oħra u ċirkustanzi simili li seħħew fil-passat, jerġa’ jingħata bidu għal ċiklu sħiħ t’avvenimenti li seħħew fl-imgħoddi li iżda ħadd m’hu se jagħti kashom ġaladarba ħadd ma għexhom f’dawk iż-żminijiet. Fil-fatt, “ħadd ma jagħti kas li l-ossiġnu li qegħdin nieħdu nifs minnu għadda wkoll mill-pulmuni ta’ dawk li kienu jgħixu fiż-Żmien il-Bronż.” (Tenna Teo lil Magda u lil Fritz meta kienu Pariġi - paġna 387 ).



It-testment ta’ Dun Ludvik


Kapitlu 23 tal-aħħar taqsima huwa ddedikat lit-testment ta’ Dun Ludvik: mossa verament intelliġenti min-naħa tal-awtur, u dan għal żewġ raġunijiet: L-ewwel nett biex permezz tiegħu iwassal lill-qarrej kif kienu seħħew l-affarijiet; u t-tieni, biex fl-istess ħin, it-tewmin jibqgħu fl-oskur fuq x’kien seħħ fil-passat (ġaladarba Ludvik spiċċa biex ħaraq l-ittra), biex b’hekk: “ikomplu jgħixu skont il-verità tagħhom biss...”

Dettall interessanti hu li għalkemm Rudi ma kienx kredent, kien hu, bħalma kien Karl (li ma kienx kredent fl-imħabba sentimentali) li wettaq l-akbar att ta’ mħabba fir-rumanz. Immaġinaw kemm bagħta Rudi f’dawk ix-xhur terribbli biex issalvagwarda dak is-sigriet. Bniedem normali li jkun f’dik is-sitwazzjoni estrema jsib ir-refuġju u l-faraġ fil-familjari tiegħu normalment. Imma kieku Rudi għażel din it-triq kien jispiċċa jiżvela kollox b’konsegwenza li l-plott tiegħu kien jisfuma fix-xejn; u min jaf kif Nadia u uliedha kienu se jispiċċaw fil-futur kieku ġara hekk? Att ta’ mħabba kważi li ‘l hinn mill-aspettattivi kollha umani.



L-aħħar kapitlu tal-aħħar taqsima


L-aħħar kapitlu tal-aħħar taqsima huwa tista’ tgħid il-mera ta’ kif beda r-rumanz, (u speċi ta’ anti-climax għal kapitlu 24) fejn mill-ġdid ir-rikorrenza eterna terġa’ tgħolli rasha għall-aħħar darba, imma din id-darba b’mod mill-aktar ċar, dirett u espliċitu. Kollox qed jerga’ jingħata bidu ta’ ‘bidu’ ġdid. Kien għalhekk li fil-kapitlu ta’ qablu minn fomm Baldur l-awtur jgħid hekk: “Bereshit hija l-ewwel frażi biblika li tfisser ‘fil-bidu kien hemm...’ Dan il-bidu jseħħ kontinwament (bħalma kien se jseħħ mill-ġdid fl-aħħar kapitlu tar-rumanz). Iżda ftit huma dawk li jittendu bih.” Imma mhux Teo, meta kien jara kollox ċar quddiem għajnejh sal-inqas dettall, issa wkoll ġewwa l-villaġġ, b’Angela fost l-oħrajn tiġri wara l-qassis żagħżugħ: Kien jitbissem, imma kien jaf ukoll, li kollox hemm prezz għalih...



Otto, Baldur u Teo


Ir-rumanz jiftaħ b’mistoqsija li permezz tagħha Otto jibda jersaq lejn il-villaġġ. Fil-fatt, jekk wieħed jinnota sew jirrealizza li dik il-mistoqsija hija komposta minn tmien kelmiet, u isem Otto bit-Taljan ifisser tmienja. X’ried ifisser l-awtur? Din hija alluzjoni tat-tramandazzjoni tal-għerf. Otto: raġel għaref, ma setax ma jinġibidx jekk mhux lejn dak li jappartienih; jiġifieri lejn dak l-istess ‘artist’ li ddomandalu dik il-mistoqsija. L-awtur qatt ma jgħidilna min hu dan ‘l-artist’ (għad li dan jista’ jkun l-awtur innifsu), u dan wettqu għal raġuni ċara: l-‘artist’ seta’ kien min kien, imma li hu żgur hu li dan kien dak li kellu jgħaddi l-Għerf lil ta’ warajh, (Otto f’dan il-każ), lil dak, li kien predispost jifhem dak li għandu jifhem, kif hemm imniżżel f’kapitlu 24 tar-raba’ taqsima meta Baldur jgħid lil Teo sabiex anki hu (Teo) għandu jistenna l-mument opportun biex jittramanda dan l-istess Għerf. Barra minn dan, hemm simbolu ieħor biex jiġi sottolinjat dan l-istess Għerf ċikliku, u dan is-simbolu jismu Hermes Trismegistus li jissemma f’kapitlu 21 tat-tielet taqsima (paġna 308). Hawnhekk, l-awtur ma qalx ċar jekk dan il-karattru emblematiku kienx jeżisti jew le; fil-fatt, Baldur jgħid: “ejja ngħidu li dan (il-Bniedem) kien jismu Hermes (Trismegistus)...” Mela, għall-awtur huwa aktar importanti x’jirrappreżenta dan Hermes simbolikament milli jekk kienx storiku jew le. U huwa proprju hawnhekk li jiġi rikonċiljat kollox f’dan ir-rigward. Fil-fatt, Trismegistus tfisser ‘għaref għal tlett darbiet’ – Otto, Baldur u Teo. Kien bejn dawn il-personaġġi li ssokta jittramanda ruħu l-Għerf. Mela hawnhekk nistgħu ngħidu li l-istess Trismegistus jirrappreżenta lil dawn it-tlett għorrief (Otto, Baldur u Teo), imma daqshekk ieħor bil-maqlub; prova ċara, li fejn tidħol ir-rikorrenza eterna, anki l-Għerf huwa ċikliku, imma jgħaddi biss mingħand dawk li huma verament predisposti għalih. (“Inti taf, u mhux tgħallimt. Huma tgħallmu, imma qishom ma jafu xejn.” – Baldur lil Teo f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima). Tant kemm ried jissottolinja dan il-kunċett, li f’kapitlu 25 tal-aħħar taqsima l-awtur jgħidilna li f’waqt minnhom, Teo ftakar x’kien qallu x-xiħ (Baldur) meta ltaqa’ miegħu l-ewwel darba fil-villaġġ, jiġifieri, f’dik l-istess mistoqsija li ‘l-artist’ staqsa lil Otto meta resaq għall-ewwel darba fil-villaġġ: “Kemm hawn min jixtieq joħroġ mid-dinja bl-inqas prezz?” Din il-mistoqsija ħadd ma jista’ jifhimha sew jekk mhux dak li jgħix fil-preċedent. Fil-fatt, f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima, Baldur jgħid hekk lil Teo: “Iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux...”



Otto


L-Għerf ma jaqax taħt il-kappa taż-żmien, però jadatta għar-rekwiżiti tal-istess sinjali taż-żminijiet. Fil-fatt, in-narratur ma jsemmix kif ‘mietu’ l-artist, Otto u Baldur. Dan simbolikament ifisser li l-Għerf ma jmut qatt. L-ewwel wieħed li ppersonifika dan il-Għerf huwa Otto, li ‘ghex’ sakemm ‘il-familjari tiegħu’ ġew għalih.

Kif għidna diġà, il-kelma ‘familjari’ hija metafora, u m’għandhiex tinftehem b’mod litterali; tant kemm għandu jkun minnu dan, li ġeneralment, profeta qatt ma jkun milqugħ f’daru. Baldur stess jgħidilna dan f’kapitlu 24 tal-aħħar taqsima: “Indifferenti, għax l-ostilità tiġi minn kullimkien. Saħansitra din tibda mill-qraba tiegħek stess.” U kif qalilna Baldur: “jekk isir dan, (jekk l-għaref joħrog li ‘l hinn mill-‘familjari’ tiegħu) fl-aħħar mill-aħħar dan l-individwu jispiċċa kruċifizzat...” Kif fil-fatt din l-affermazzjoni Otto pprova jgħaddiha lil Franz u lil Dun Federik biex fost l-oħrajn jeħlishom minn ċertu hemm. Iżda dawn ma semgħux minnu... u aħna nafu kif spiċċaw.

Fi żmien Otto l-komunikazzjoni teknologika kienet għadha ma żviluppatx ħafna, u r-ritmu tal-hajja kien wieħed aktarx kajman. Għaldaqstant, dan il-Għerf twassal biss permezz ta’ diskussjonijiet filosofiċi sporadiċi li Otto kien ikollu ma’ dawk li staqsew għalih, għaliex hekk kien jitlob it-temp taż-żmien. Otto kellu l-fakultà li kien kapaċi jantiċipa ċerti eventi (“inti tgħix fil-preċedent”) u dan huwa fatt ippruvat li jippossiedu ċerti nies. Ċirkustanza pereċċellenza hi meta Otto jwissi lil Dun Federik biex minn Eva joqgħod attent. Madankollu ma qallu xejn aktar minn hekk għaliex kien jaf li ma kellu qatt jindaħal aktar mis-suppost fejn jidħol il-kors tal-ħajja; kif mill-ġdid jgħid Baldur lil Teo f’kapitlu 24 tar-raba’ taqsima: “Biex tkun spettatur trid tagħraf tkun passiv mis-sens pożittiv. Irrispettah dan ir-rwol u fuq kollox timmiżinterpretahx ma’ kull bidu li l-ħin kollu jkun għaddej. Taf dan, allura taf ukoll li l-progress u r-rigress ma jiddependux minnek, imma mill-fenomenu tal-Istorja.” U dan Otto kien jafu sew, kif fil-fatt rajnih mal-kors tal-ewwel żewġ taqsimiet.



Baldur


F’Baldur timmanifesta l-qawwa mistika u eżoterika tal-Għerf ittramandat sa mill-bidu taż-żminijiet. (Kien għalhekk li meta kien maqful ma’ Dun Ludvik fil-kamp tal-konċentrament qabadlu fuq is-Sumeri). Enigmatiku huwa l-fatt li kien proprju fl-era Nazista li tfaċċa Baldur.

Baldur jirrappreżenta l-antiteżi ta’ Hitler: F’dik l-era ta’ ‘dlam kbir’ xorta waħda ‘d-Dawl tal-Għerf’ baqa għaddej “Dan il-ġenju ma kienx waħdu bħala stilla tiddi fid-dlamijiet...” (Baldur kien qed jirreferi għal Gordano Bruno – paġna 310). Baldur kien dak kollu li n-Nazisti kienu qegħdin ifittxu u joħolmu bih: il-bniedem mimli b’konoxxenza anċestrali. Fuq ordni ta’ Hitler innifsu, l-S.S. tiegħu daru d-dinja kollha biex forsi jsibu lil dal-bniedem super-uman; saħansitra marru ġo villaġġi mitlufa fil-Himalayas u fil-ġungli Sud-Amerikani biex ifittxu l-oriġini jew it-traċċi ta’ dan ‘l hekk imsejjah Übermensch, għad li mingħajr suċċess. Għax kif hemm imniżżel fir-rumanz, mill-ġdid minn fomm Baldur lil Teo f’kapitlu 24 tar-raba’ taqsima: “Sigriet m’għandek qatt taħbih ‘il bogħod min-nies, imma perrċu f’nofshom. Hemmhekk, ħadd m’hu se jintebaħ bih.” U dak li għamel Baldur, billi ‘inheba’ fl-iktar post inimmaġinabbli li l-uffiċjali ta’ Hitler u l-S.S. tiegħu setgħu qatt jobsru li se jsibuh!

Il-kamp tal-konċentrament simbolikament jirrappreżenta wkoll il-ħajja kwotidjana tal-umanità, u dawk il-ftit ixxurtjati li jkollhom ix-xorti jaqsmu ‘dawk iż-żewġt ikmamar’ ma’ Baldur huma dawk li jħobbu l-Għerf; fil-waqt li għan-nies l-oħra (il-priġunieri tal-kamp) teżisti metaforikament biss ‘il-mewt’ tal-injoranza ġejja mis-suppervja. Huwa għalhekk li mill-ġdid Baldur jgħidilna li: “Bniedem skjav fil-qalb jaġixxi u jitkellem b’lingwaġġ imsaddad ekwivalenti daqskemm laħaq rabat ktajjen miegħu matul iż-żmien.” Il-konoxxenza anċestrali tiegħu dehret fid-djalogi li kien jaqbad mal-qassis. Madankollu, għalkemm kliemu kien mimli għerf, f’dawk iċ-ċirkustanzi serva biss biex jaljena lill-qassis mill-orrur tal-kamp. Fi kliem ieħor, ħafna drabi, l-Għerf iservi biss bħala mezz ta’ tratteniment sakemm eventwalment tiġi xi ħaġa aktar ‘attraenti’ minn dak li jkun qed jiġi propost. Din hija l-aħjar possibiltà possibbli li jsemmi l-awtur. Fil-fatt, f’paġna 456 Baldur pereżempju jwissi lil Teo li: “Il-bniedem ma jinteressah minn xejn sakemm fl-indifferenza tiegħu ma jonqsu xejn. Huwa meta l-affarijiet imorrulu ħazin li kliemek jiġi trasformat f’balzmu għalih; F’dan il-punt biss tista’ tħaddem id-doni tiegħek ma’ dawn in-nies. Il-bqija, kulħadd se jirriġettak.” Impressjonanti kif Dun Ludvik qatt ma deher japprezza u jifhem id-djalogi li Baldur kien jipproponilu minħabba l-kredu tiegħu. Fil-fatt, f’attimu partikulari, Ludvik qallu saħansitra li seta’ qassar xi ftit l-argument fuq dak li kien qed jgħidlu. (F’dak il-mument Baldur kien qed jispjegalu fuq il-Kristu Kożmiku mill-aspett tal-Kabbalà). Hawnhekk naraw li moħħ Ludvik kien iffriżat fuq il-paradigma Gudeo-Kristjana tiegħu, irrilevanti jekk din tirriflettix il-verità jew le. Konferma ta’ dan hu l-fatt li l-qassis qatt ma ġietu xi forma ta’ kurżità minn fejn Baldur seta’ sar ‘jaf’ dak l-għerf kollu. Li kieku Dun Ludvik kien ta’ spirtu liberu żgur li kien jagħti piż lil dak li kien sema’. Anzi, hawnhekk il-qassis spiċċa biex kważi akkużah li kien insensittiv għal dak li kien għaddej fil-kamp, mingħajr ma kien qiegħed jirrealizza li dik ‘l-insensittività’ lejn l-oħrajn (li f’dak il-mument kienet is-Sagru Graal għalih) kienet qiegħda appuntu sservi biex issalvah! L-ironija ta’ dan kollu hi, li ta’ bnedmin li aħna, qatt ma jirnexxilna ngħarrfu kliem il-profeti, jekk mhux fl-aħħar ta’ ħajjitna jew agħar minn hekk, wara ħafna snin mill-mewt tal-istess profeta, kif fil-fatt ammetta fl-aħħar ta’ ħajtu Dun Ludvik fuq Baldur f’kapitlu 23 tar-raba’ taqsima meta kien qed jaħseb fuq l-ittra li kiteb lin-neputijiet: ‘Issa qed nifhem x’ried jgħid Baldur... raġel kbir int ħabib...’

Nofs kapitlu 20 tat-tielet taqsima u t-tnejn l-oħra ta’ warajh huma ddedikati u jittrattaw bażikament fuq l-eżoteriżmu u dak kollu li jdur miegħu. Hawnhekk Baldur jinsab fil-kamp tal-konċentrament flimkien ma’ Dun Ludvik. Kif għidna, dawn il-kapitli jservuna biex jiftħulna tieqa fuq id-dinja eżoterika, dik tal-Kabbalà u fuq interpretazzjonijiet bibliċi li m’ħhniex imderrija nisimgħu ta’ spiss. Madankollu, l-awtur kellu ħaġ’ oħra f’moħħu. Peress li dawn it-temi huma affaxxinanti u ta’ interess kbir, l-awtur kien jaf li l-qarrej se ‘jintilef’ fihom b’riżultat li se jiġi aljenat minn dak kollu li kien qed iseħħ minn wara l-kwinti, ċjoè minn dak li kien qed jorkestra Karl biex jeħles lil ħuh. Aħna konna nafu li Karl kien medd għonqu għax-xogħol biex jeħles lil Ludvik; dan iltqajna miegħu f’paġna 301, imma permezz ta’ din it-tattika tal-aljenazzjoni ma bqajniex niftakruh dan id-dettall. Din kienet mossa verament intelliġenti min-naħa tal-awtur biex jaljena lill-qarrej. Tant kemm hu minnu dan, li hekk kif tfaċċa Karl fix-xena jħallilek sens ta’ sorpriża għax inti subkonxjament tkun diġà ‘neħħejtu’ minn moħħok.

Barra minn dan, f’dawn il-kapitli hemm xi sentenzi li huma maqtugħa ħesrem, u dan l-awtur wettaqhom għal żewġ raġunijiet: L-ewwel waħda biex ma jtawwalx iżżejjed; u t-tieni, biex ma joqgħodx jidħol f’ħafna dettalji li bihom forsi jista’ jħalli ‘l dak li jkun perpless. Irridu nżommu quddiem għajnejna li mhux kulħadd għandu bażi soda ta’ fidi u reliġjon, u għalhekk l-awtur ħass li f’dawk iċ-ċirkustanzi kellu jillimita ruħu biss għal-loġika tal-plott.

kapitlu 24 tal-aħħar taqsima jista’ jitqies mhux biss bħala t-testment ta’ Baldur li ried jgħaddi lil Teo bil-fomm, imma r-rendikont filosofiku kollu ta’ x’kien seħħ fir-rumanz (u allura fuq il-ħajja nnifisha). Fih hemm dak kollu li seħħ u, ferm aktar minn hekk. U għaldaqstant ma nistax nagħti spjegazzjoni dettaljata fuqu għaliex huwa wisq vast u kumpless. Naħseb li dan il-kapitlu l-qarrej jista’ jifhmu biss permezz tal-esperjenza, kif fil-fatt hemm miktub fil-Prefazju: “Raġunat, ġaladarba l-esperjenzi tal-bnedmin huma indifferenti minn ta’ xulxin...” U għax appuntu l-esperjenzi tal-bnedmin huma indifferenti minn ta’ xulxin, hekk għandu jiġi mifhum kapitlu 24: dejjem skont l-esperjenza ta’ dak li jkun. Huwa kapitlu li jista’ jiġi mifhum skont kemm il-qarrej jista’ jikkomprendi versu l-esperjenza tiegħu u l-livell ta’ Konoxxenza li jkun jinsab fiha. biss, għax kif qal tajjeb Baldur lil Teo: “kollox hu għad-dispożizzjoni tal-oħrajn meta l-ħin ikun opportun,” għax, “il-bniedem ma jinteressah minn xejn sakemm fl-indifferenza tiegħu ma jonqsu xejn. Huwa meta l-affarijiet imorrulu ħażin li kliemek (sew għal Teo, u f’dan il-każ għal kapitlu 24 ukoll) jiġi trasformat f’balzmu għalih. F’dan il-punt biss tista’ tħaddem id-doni tiegħek ma’ dawn in-nies. Il-bqija, kulħadd se jirriġettak...” għax “l-umanità titgħallem biss b’dak li hu predisposta għalih...” Li nista ngħid hu, li kieku kelli naqbad nikteb fuq dan il-kapitlu nispiċċa nikteb ferm aktar minn dak kollu li ktibt fuq ir-rumanz. Għalhekk, inħalli f’idejn il-qarrej biex jiflih sew, forsi wkoll b’daqqa t’id mill-esperjenza li se jikseb fil-futur.



Teo


Teo jirrappreżenta l-Għerf kożmopolitan, kif ukoll il-werriet tal-Għerf eżoteriku ta’ Baldur. (...ħasshom aktar viċin tiegħu (it-tempji megalitiċi) mill-katedrali kollha li ra f’dawk l-aħħar tliet ġimgħat - pagna 439). Metafora, li t-tempji megalitiċi lil Teo fakkruh f’Baldur: raġel li kien mimli bl-għerf anċestrali tal-passat. Teo minn dejjem kien jaf lilu nnifsu, anki meta kien żgħir. U minħabba dan kellu jbati ħafna mill-kollettiv (“għax il-massa ma tafx min hi”). Madankollu, anki minħabba t-tjubija u l-umiltà tiegħu, donnu dejjem iggustifikah lill-kollettiv. Maż-żmien kellu aktar ‘esperjenzi’ rozzi mal-kollettiv, avolja kien rett ma’ kulħadd. Imma donnha r-rettitudni tiegħu kienet aktar tirvellahom. Sakemm fl-aħħar wasal f’punt li ma setax jibqa’ f’salib it-toroq u għaldaqstant ‘iddeċieda’ li jirriafferma lilu nnifsu fejn eventwalment beda jkun inviżibbli f’għajnejn kulħadd. Il-pjan irnexxa, tant, li Teo kompla jikkonferma aktar min hu, versu l-oħrajn li mhumiex (Paġna 359). Mhux ta’ b’xejn li f’band’ oħra fir-rumanz l-artist ħabib ta’ Otto jgħidlu li minnu ma ried xejn, imma biss li jżommu fl-anonimità... hawnhekk naraw ir-rikorrenza eterna terġa’ tidħol fis-seħħ.

Interessanti l-fatt li f’kapitlu 10 tar-raba’ taqsima, meta l-ħbieb żaru għat-tieni darba l-belt splendida ta’ Pariġi, hemm miktub hekk: Teo issokta jifhem li n-natura kumplessa tiegħu ma kinitx tippermettilu tagħlqu f’dinja ristretta mimlija b’ideali maħluqa mill-kollettiv. Dan kollu ħasbu u kkontemplah matul il-btala kemm dam f’dik il-belt. Iżda kellha tkun l-aħħar ġurnata li għadda f’Pariġi li habtet fl-ewwel ta’ Settembru tal-1970 li kkonferma dan bl-akbar luċidità. F’dak il-jum, Teo ħassu bħallikieku reġa’ twieled fi bniedem ġdid. Għandkom tkunu tafu, li dik id-data hija l-istess waħda li twieled fiha l-awtur, fejn l-awtur qisu qed jagħti x’jifhem li minn dak il-ħin ‘il quddiem, Teo ma kien se jkun ħadd ħlief l-awtur innifsu! Dan jiġi ssottolinjat ukoll f’paġna 440: Dettall ieħor li laqtu (meta Teo kien fuq iz-zuntier ta’ villaġġ Malti) kien ġuvnott gustuż ta’ xi sbatax. (il-ġuvnott mhu hadd ħlief l-awtur innifsu li f’dak iż-żmien kellu sbatax). Teo fakkru fih innifsu meta kien għadu żgħir. Fi ftit ħin irnexxielu jaqra l-ispirtu tal-ġuvnott. Kellhom ħafna minn xulxin...

U dawn is-simboli l-awtur wettaqhom għal ħafna raġunijiet, imma waħda minnhom tinsab fl-aħħar kapitlu tal-aħħar taqsima fejn hawnhekk insibu ‘l Teo deċiż li jikteb ktieb: Kien determinat li jibdieh, avolja kien jaf li jekk jippubblikah se jigi miżinterpretat skont il-bżonn u l-indifferenza ta’ dak li jkun... (paġna 461) Hekk kif l-intelliġenza prekoċi ta’ Teo kienet tiġi miżinterpretata mis-sorijiet kif ukoll meta kiber min-nies ta’ madwaru, hekk kien se jiġrilu jekk jippubblika l-ktieb. Bla dubju, permezz ta’ Teo, hawnhekk l-awtur qiegħed jalludi għalih u għar-rumanz tiegħu stess!



Ir-raba’ strati tar-rumanz


Il-ktieb essenzjalment fih erba’ strati:

  1. L-istorja nnifisha tar-rumanz.
  2. Id-djalettika filosofika li ried iwassal l-awtur.
  3. L-aspett simboliku tar-rumanz, dak li aħna tkellimna fuqu.
  4. U r-raba’ strat: strat, li huwa s-somma totali tat-tlieta l-oħra, li ma tistax tifhmu letteralment jekk mhux b’certi ‘kalkoli’. Fil-fatt, fuq dan ir-rigward, biex jiċċajta u bi tbissima ħafifa, l-awtur kien qalli li biex wieħed jifhmu sew irid ikollu natura ta’ xi Parsifal, jew inkella jrid jieħu ma’ idejh id-deheb tal-emblema, (tant kemm –il darba jkollu jaqrah). Meta staqsejtu min jista’ jilħaq dan il-għan, weġibni biss: “... dak li jaf ifittex fil-fond...”

Mhux ta’ b’xejn li r-rumanz semmih Alte Vestiga: fittex fil-fond!


Ordna l-ktieb online:

https://bargatebookshop.com/product/alte-vestiga