Il-Malti - Anton Agius Muscat

Il-pittura fuq il-qoxra ta’ ‘Il-Malti’

Anton Agius Muscat

“The Old Men and the Sea”

Il-qoxra turi riproduzzjoni ta’ pittura biż-żejt ta’ John Busuttil sive John Busuttil Leaver (1964- )

Il-kwadru li l-artista tah l-isem “The Old Men and the Sea” jippreżenta dehra pittorika tolqtok u tqanqal il-ħsieb. Naraw biswitna firxa ta’ rdum jixbaħ in-naħa ta’ isfel ta’ Malta fejn id-dagħbien bejn ix-aqqa u Denb il-Ħmar jixhed ġrajja ġeomorfoloġika mill-aktar drammtika li mhux biss niżżlet ΄l isfel il-Qawwi ta’ Fuq ta’ Filfla u ta’ lsien art madwarha, imma wkoll id-dagħbien ifakkarna fit-teorija ta’ Wegener ta’ kif u għala l-Baħar Nofsani bejn l-Afrika u l-Ewropa twieled u ssawwar.

Mhux biss ċaqliq ta’ żmien ilu li bidel wiċċ l-art u qajl qajl maż-żmien qiegħ il-baħar ra tibdil bejn Malta u Sqallija kif nafuhom illum, talli għadam ta’ bhejjem ta’ żmien ilu jixegħlu l-moħħ għal ġrajjiet li jistħajjilhom l-istudjuż.

Il-ġeoloġista Sir John Murray li kien ħa sehem fl-ispedizzjoni ‘Challenger’, żar Malta. Huwa u jħares minn fuq il-Qawwi ta’ Taħt qrib Il-Magħlaq, u huwa u jħares jġib lil Filfla quddiemu u l-firxa baħar bla ma tara tarfu, ħassu manqal huwa u jaħseb fuq dak li sata’ gara fl-imgħoddi. Mill-1890 meta kiteb Murray sal-lum ix-xjenza kibret iżda aktar ma taf, aktar tifhem kemm il-ħajja tal-bniedem hija qasira ħdejn il-ġrajja tal-ħolqien.

Il-paleontoloġista Raymond Vaufrey żar Malta wkoll waqt l-istudju li huwa wettaq fis-snin 1925/26 u fl0-1929 deher stampat ix-xogħol tiegħu: Les Elephants nains des Iles Mediterraneenes”, patroċinat minn “L’Institut de Paleotologie Humaine”. Id-dagħbien mhux biss heżżeż u niżżel wiċċ l-art, talli ħalla warajh tibdil ġenetiku taħt sura ta’ iljunfanti nani.

Gvernatur Ingliż issaħħar għad-dehra tal-baħar ikħal nir bejn Malta u lp-iskoll ta’ Filfla. Il-Ġeneral Sir Walter Norris Congreve (1862-1927) kien suldat qalbieni u għal qlubitu ħa l-‘Victori Cross’. Ġie Malta wara l-magħruf Lord Plummer li kien għen sabiex il-Maltin jaqtgħu xewqithom u jieħdu l-Awtonomija politika. Congreve ġie Malta fl-1924 meta kien qabeż is-sittin sena tiegħu sabiex jaqdi ta’ Gvernatur hawn lejh u kien rispettat.

Saħħtu qajla għenitu u miet gewwa l-isptar militari fl-Imtarfa fit-28 ta’ Frar 1927. Eluf marru jsellmulu meta t-tebut qegħduh fil-katidral anglikan ta’ San Pawl biswit Piazza Celsi, il-Belt. Kellu funeral mill-katra xieraq b’Maltin weqfin fuq il-bankini ħalli jaraw il-korteo għaddej mittriqat u minn Strada Reale, il-belt, bl-awtoritajiet Britanniċi militari, navali u tal-ajru flimkien ma’ awtoritajiet Maltin jakkumpanjaw il-mejjet.

Nhar l-4 ta’ Marzu 1927 il-biċċa tal-gwerra H.M.S. Chrysanthemum salpat u hadet it-tebut imqiegħed f’kontenitur apposta u niżżlkitu għad-difna bejn Malta u Filfla għax Congreve xtaq jindifen taħt ir-riħ tal-irdumijiet. Marru jwassluh martu lady Congreve, ibnu, oħtu, u l-Prim Ministru Sir ugo Mifsud flimkien ma’ minsitri oħra. Mar ukoll il-Kaptan William R.Gatt, li9 qeda dmiru ma’ Congreve bħala l-Aide-de-Camp tiegħu. F’isem il-poplu Malti, il-gvern ħaseb għal lapida kommemorativa fuq ix-xagħra li tħares biswit Filfla.

Min ikun jaf dat-tagħrif kollu aktar jappreza x-xena pittorika li ħassel John Busuttil sive John Busuttil Leaver li jimmaġina l-irdumijiet biswit Filfla bħala t-tila li fuqha jista’ jippropetta l-lineamenti ta’ tliet uċuħ in-naħa tal-lemin bħallikieku tliet gwardjani siekta surreal ital-ġrajjiet kollha li seħhew matul iż-żminjiet kli ntesew.

It-tliet lineamenti xotti xotti tal-uċuħ jafu jfakkruk f’ċertu xogħol ta’ uħud mill-artisti taljani b’impronta rinaxximentali huma u jħożżu qagħdiet differenti ta’ wiċċ il-bniedem. Il-fantasija u l-immaġinazzjoni jafu jibdlu f’tifsiriet diversi li jiftillu jsawwar f’moħħ l-ispettatur attent, edukat pittorikament u jaf japprezza l-arti pittorika.

Meta l-ispettatur idawar ħarstu mix-xellug għal-lemin tat-tila quddiemu, ix-xenarju jinbidel għal kollox f’wiehed marbut mas-sbuħija ta’ nżul ix-xemx fejn id-dawl jissieħeb ma’ firxa u sfumaturi ta’ lwien ħajjin li jserrħu l-għajn, inessu s-surrealiżmu tat-tliet ‘uċuħ għassies tal-imgħoddi’ li jitaċcaw ma’ dħul il-lejl, I jimlew l-ispettatur b’tama ta’ jum ġdid, isbaħ u aħjar minn dak li qiegħed inin. Kwadru b’monogramma pittorika tabilħaqq oriġinali, effetiva, surreali u simbolia.

Il-pittur studja fl-Iskola tal-Arti, il-Belt, kif ukoll fiċ-Ċentru tal-Arti d-Disinn, il-Belt, matul is-snin 1979-1984. Ħa sehem f’diversi esibizzjonijiet ta’ arti pittorika, kemm waħdu u kemm ma’ oħrajn. Ġarrab ukoll is-sodisfazzjoni ta’ premjijiet. Għadd ġmielu ta’ kitba fil-gazzetti, ‘The Times’, ‘The Malta Independent’, u oħrajn stampaw apprezzamenti tax-xogħol artistiku tiegħu.

Anton Agius Muscat