RUŻARJU: Misteri-Ferħ

Nota: Il-meditazzjonijiet fuq il-misteri li huma meħudin mil-ktieb “Sign of Contradiction”. Il-Papa Pawlu VI kien talab lill-Kardinal Karol Wojtyla (li wara sar il-Papa Ġwanni Pawlu II) biex jagħti l-irtir tar-Randan fil-Vatikan, f’Marzu 1976. It-Taħtditiet li kien ta f’dak l-irtir ġew ippublikati fil-ktieb “Sign of Contradiction”.

----------------------------------------------------------------------------------------------------------

IL-MISTERI TAL-FERĦ

Jingħadu nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Sibt

L-Ewwel Misteru tal-Ferħ:

It-Tħabbira

Meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha tkun Omm Alla

"Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ david. Din ix-xebba kien jisimha Marija" (Lq 1:26-27).

"It-Tħabbira li saret lil Marija tat bidu għall-“milja taż-żminijiet” (Gal. 4:4), jiġifieri għaż-żmien li fih kellhom iseħħu l-wegħdiet u t-tħejjijiet kollha." (KKK, 484).

It-TĦABBIRA ta’ l-ANĠLU

minn “Misteri tal-Ferħ” f’“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

Se mmorru lura għall-oriġini tal-kliem li nirrepetu kuljum waqt li nitolbu r-Rużarju mqaddes. L-anġlu Gabriel qal dawk il-kliem lill-Verġni ta’ Nazaret: għalhekk l-awtur ta’ kull kelma huwa Alla nnifsu, u kull waħda minnhom tiġbor fiha ir-realta li tesprimi. Meta l-anġlu jsellem lil Marija bil-kliem: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja”, it-tislima tiegħu taqbel għal kollox mal-abbundanza ta’ grazzji msawwba fuq il-Verġni mbierka mill-mument tal-konċepiment bla tebgħa tagħha. Il-kliem ta’ wara: “Il-Mulej miegħek! Imbierka inti fost in-nisa” jirreferi għall-istess ħaġa. Il-misteru ta’ din l-għażla, li fiha Alla jibqa’ ħieles u fl-istess ħin iħalli lill-bniedem ħieles, tħallina mimlija bil-għaġeb. F’ċertu sens - sens li hu hekk tassew - huwa jistenna li hu nnifsu jkun magħżul. Għaliex huwa essenzjali li jkun hemm diġa l-ħelsien biex wieħed iħobb lil Alla u jagħti lilu nnifsu lil Alla.

Il-Verġni twieġeb b’mod li jaqbel għal kollox mal-verità ġewwinija tagħha. Il-verità ġewwinija ta’ Marija hija din: hija kienet diġa għamlet għażla mingħajr kundizzjoni li tat lilha nnfisha kollha kemm hi lil wieħed u uniku għarus divin tagħha. Għalhekk kienet tista’ tgħid: “Kif jista’ jkun dan, la jiena ma ngħaraf l-ebda raġel?”, u hi qalet dan mill-ewwel malli semgħet l-anġlu jħabbar li hi kellha tnissel u twelled iben. Għaliex għall-maternità jenħtieġ “l-għarfien ta’ raġel”, u dan huwa eżatt bil-maqlub għall-għażla tagħha. Meta Marija tagħmel il-mistoqsija tagħha, hija m’hijiex tmur kontra l-pjan divin: hija qed tgħid biss li diffiċli tqabbel il-maternità “skond il-ġisem” ma’ l-għażla li hija kienet għamlet “skond l-Ispirtu”. Imbagħad l-anġlu jfisser: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Aktar Għoli tagħttik bid-dell tagħha”. Marija xorta waħda ma tistax tifhem kif dan jista’ jsir, iżda minn ħaġa waħda hija ċerta ħafna: li kollox għandu jkun jaqbel ma’ l-għażla tagħha li hija kienet għamlet f’waqtha skond l-Ispirtu. Għalhekk hija tgħid: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir dak li qed tgħid int”. Aħna nistgħu ninnutaw li qabel ma tesprimi l-“fiat” tagħha, il-Verġni tnissel u twelled, meta tgħid: “Ara hawn hi l-qaddejja tal-Mulej!”.

Wasalna fil-mument fiż-żmien meta jibda żmien ġdid. Għal dan il-bidu, għat-tħabbira, aħna rridu dejjem nerġgħu lura għaliha, għaliex minħabba fiha iż-żmien il-ġdid jibqa’ sħiħ matul l-istorja kollha tal-umanità, u magħha jibqa’ sħiħ ukoll il-bniedem il-ġdid.

Talba

O Verġni Mbierka, itlob lil Alla għalina li nkunu sinċerament rikonoxxenti lejn Kristu, li Alla tassew sar Bniedem veru għas-saħħa tagħna.

Amen.

It-Tieni Misteru tal-ferħ:

Iż-żjara

Meta Sidtna Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta

"F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija sselmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!"' (Lq 1:39-42).

"Iż-“żjara” ta’ Marija lil Eliżabetta saret hekk “żjara ta’ Alla lill-poplu tiegħu” (KKK, 717).

IŻ-ŻJARA ta’ MARIJA lil ELIŻABETTA

minn “Misteri tal-Ferħ” f’“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

Iż-żjara tal-Madonna hija mgħixa mill-Polakki b’mod speċjali ħafna. Għal kważi ħamsin sena fil-Polonja ilhom jagħmlu pellegrinaġġ b’kopja tax-xbieha tal-Madonna s-Sewda mbierka minn Piju XII fl-1957. Il-pellegrinaġġ isir minn djoċesi għall-oħra, minn parroċċa għall-oħra, u xi kultant minn knisja għall-oħra fl-istess parroċċa. Hemm ukoll id-drawwa li jieħdu f’pellegrinaġġ, xbihat oħra tal-Madonna s-Sewda, minn dar għall-oħra, minn familja għall-oħra. Dan jista’ jsir minħabba esperjenza reliġjuża qawwija, preparazzjoni għall-kollox u twila, r-rieda li jsiru sahriet matul il-lejl kollu, u talb li jgħaqqad il-parruċċani kollha, ġirien u membri tal-familja.

B’dawn il-modi huma jippruvaw jgħixu mill-ġdid l-ewwel żjara, dik ta’ Marija lill-qaribitha Eliżabetta f’Ain-Karim. Il-kliem li bih Eliżabetta lagħqet lill-Verġni huma magħrufin sew: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”, u mbagħad: “U għaliex hu mogħti lili li omm Sidi tiġi żżurni? ….. Mbierka dik li emmnet li kull ma ntqalilha f’isem il-Mulej għad iseħħ”. Huma jieħdu lil Marija ġo kull parroċċa, ġo kull komunità tal-Poplu t’Alla, bħala dik li kienet l-ewwel minn dawk kollha li jemmnu, dik li tmexxi l-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu ta’ fidi. U wara li jinqara t-tieni kapitlu tal-Evanġelju skond S Luqa kulħadd jingħaqad fil-kant tal-Magnificat, tistħajjel li l-Madonna stess poġġiet kliemha f’ħalq il-poplu tagħha, u tinħass ukoll xewqa li Marija taqlagħlna l-fidi li biha hi, l-Omm ta’ Alla, kantat il-Magnificat; b’mod speċjali xewqa li naqsmu fil-fidi ta’ Marija, fidi li tista’ tagħmilna qawwija u deċiżi filwaqt li nżommu l-pożizzjoni tagħna qrib Kristu. “Mbierka hija dik li emmnet ….” (Lq.1:45).

Jew

MARIJA: Imbierka dik li emmnet

Minn “Omm il-Feddej” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Minnufih wara l-ġrajja tat-tħabbira ta’ l-Anġlu, l-evanġelista San Luqa jmexxina wara l-passi tal-Verġni ta’ Nazaret lejn “belt tal-Lhudija” (Lq 1,39). Skond l-għorrief din il-belt hi l-belt moderna ta’ Għajn Karim, fil-għoljiet, ftit ‘il bogħod minn Ġerusalemm. Il-Verġni Marija marret hemm “tħaffef”, biex iżżur lill-qariba tagħha Eliżabetta li fi xjuħitha kellha iben minn żewġha Żakkarija, bil-qawwa ta’ Alla: “il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1, 36-37). L-Anġlu mis-sema tkellem dwar dak li kien seħħ f’Eliżabetta biex iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Marija: “Kif ikun dan ladarba jiena verġni?” (Lq 1,34). Dan se jiġri proprju bil-“Qawwa ta’ l-Għoli”, l-istess kif ġara f’Eliżabetta, anzi wisq aktar minn hekk.

Imqanqla mill-imħabba, Marija, għalhekk, marret f’dar qaribitha. Kif daħlet Marija għandha, Eliżabetta wieġbet għat-tislima tagħha u ħasset it-tarbija taqbeż fil-ġuf u “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”; (ara Lq.1,40-42). L-għajta jew it-tislima ta’ Eliżabetta ‘l quddiem saret parti mis-Sliema, u kompliet it-tislima ta’ l-Anġlu, u hekk saret waħda mit-talbiet li l-aktar jingħadu fil-Knisja. Iżda wisq aktar ifisser il-kliem ta’ Eliżabetta fil-mistoqsija li għamlet wara: “U minn fejn ġieni dan li Omm il-Mulej tiegħi ti[i għandi?” (Lq.1,43). Eliżabetta tixhed għal Marija: tagħraf u xxandar li quddiemha għandha omm il-Mulej, omm il-Messija. L-iben li Eliżabetta kellha fi ħdanha jissieħeb f’din ix-xhieda: “It-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq.1,44). It-tarbija hu Ġwanni l-Battista li ħdejn ix-xmara Ġordan kellu juri lin-nies lil Ġesu bħala l-Messija.

Il-kliem kollu tat-tislima ta’ Eliżabetta jfisser ħafna, iżda milli jidher l-aħħar kelmiet tagħha għandhom importanza fondamentali. “Ħienja dik li emmnet li se jseħħ kull ma bagħat igħidilha l-Mulej” (Lq. 1,45). Dan il-kliem jista’ jintrabat mal-kliem tat-tislima ta’ l-Anġlu “mimlija bil-grazzja”. Dawn iż-żewġ testi huma essenzjalment marjoloġiċi, jiġifieri juru l-verità dwar Marija li verament daħlet fil-misteru ta’ Kristu proprju għaliex “emmnet”. Il-milja tal-grazzja mħabbra mill-Anġlu tfisser id-don ta’ Alla nnifsu. Il-fidi ta’ Marija, imħabbra minn Eliżabetta fiż-żjara lilha ta’ Marija, turi kif il-Verġni ta’ Nazaret wieġbet għal dan id-don.

Kif igħallem il-Konċilju, “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rum. 16, 26; ara Rum. 1,5; 2 Kor. 10, 5-6) hi ubbidjenza lejn Alla li jirrivela l-misteri tal-fidi, ubbidjenza li biha l-bniedem minn rajh jafda lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla. Din l-ubbidjenza tal-fidi seħħet b’mod l-aktar perfett f’MARIJA. Il-mument “deċisiv” kien it-tħabbira ta’ l-Anġlu, u kliem Eliżabetta hu proprju dwar dan il-mument: “hienja dik li emmnet”.

Jew

Iż-żjara ta’ Marija

Minn “IL-Glorji ta’ Marija” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Marija hija t-teżorriera tal-grazzji divini kollha; għalhekk, kull min jixtieq il-grazzji għandu jirrikorri lejn Marija; u kull min jirrikorri lejn Marija jista’ jkun ċert li jaqla’ l-grazzji li jixtieq.

Wara li l-Verġni Mbierka semgħet mingħand l-Arkanġlu Gabrijel li l-kuġina tagħha Santa Eliżabetta kellha sitt xhur tqala, hija kienet imnebbħa nternament mill-Ispirtu s-Santu biex tagħraf li l-Verb Inkarnat, li kien sar Binha, kien jixtieq għalhekk li juri lid-dinja l-għana tal-ħniena tiegħu fl-ewwel grazzji li huwa xtaq jitfa’ fuq dik il-familja kollha.

Għalhekk, mingħajr ma stenniet xejn, skond S. Luqa, ‘Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet’. (Lq.1:39). Qamet mill-kwiet tal-kontemplazzjoni li għaliha kienet dejjem iddedikata, u tħalli is-solitudni għażiż tagħha, hija mill-ewwel telqet lejn id-dar ta’ Eliżabetta. U għaliex ‘l-imħabba kollox tissaporti’ (1Kor.13:7) u ma tistax toqgħod titrateni, kif jikkummenta fuq dan l-Evanġelju San Ambroġ, “L-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu ma tafx b’ħidmiet bil-lajma” (In. Luc. i), mingħajr ma biss qagħdet taħseb fuq l-istrapazz tal-vjaġġ, din il-Verġni fraġli, jkolli ngħid, obdietu mill-ewwel.

Malli waslet fid-dar, hija sellmet lill-kuġina tagħha: ‘Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta’ (Lq. 1:40). San Ambroġ hawnhekk jikkummenta li Marija kienet “l-ewwel li sellmet” lil Eliżabetta. Iż-żjara ta’ Marija, madankollu, ma kienet tixbaħ xejn lil dawk tan-nies tad-dinja li, l-biċċa l-kbira minnhom, jikkonsistu f’ċerimonji u wiri minn barra, neqsin għal kollox mis-sinċerita; għaliex hija ġabet magħha l-akkumulazzjoni ta’ grazzji.

Malli hija daħlet f’dik id-dar, ma’ l-ewwel tislima tagħha, Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u San Ġwann kien mnaddaf mid-dnub oriġinali, u mqaddes. U għalhekk ta din il-marka ta’ ferħ billi qabeż fil-ġuf ta’ ommu, jixtieq b’hekk ixandar il-grazzja li kien irċieva permezz tal-Verġni Mbierka, kif tiddikjara Eliżabetta nnifisha: ‘Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ’. Għalhekk, kif jikkummenta Bernardinu de Bustis, permezz tat-tislima ta’ Marija San Ġwann irċieva l-grazzja tal-Ispirtu divin li qaddsitu: “Meta l-Verġni Mbierka sellmet lil Eliżabetta, il-leħen tat-tislima, jidħol f’widnejha, niżel fit-tarbija, u permezz tagħha huwa rċieva l-Ispirtu s-Santu.” (Marial. P.6, s. I.).

U issa, jekk dawn l-ewwel frott kollu tal-fidwa għadda permezz ta’ Marija bħala kanal li minnu: -

1. l-grazzja kienet komunikata lil Battista,

2. l-Ispirtu s-Santu lil Eliżabetta,

3. id-don tal-profezija lil Żakkarija, u

4. tant barkiet oħra lid-dar kollha,

l-ewwel grazzji li kif nafu aħna l-Verb Etern kien ta fuq l-art wara l-inkarnazzjoni tiegħu, huwa tant tajjeb li naħsbu li minn hemm il-quddiem Alla għamel lil Marija il-kanal universali, kif hi msejħa minn S. Bennard, li minnu l-grazzji l-oħra kollha li l-Mulej tagħna jgħoġbu jagħtina. għandhom jgħaddu, …

Għal din ir-raġuni, għalhekk, din l-omm divina hi msejħa it-teżor, it-teżorriera, u l-amministratur tal-grazzji divini. ….

Talba

O Verġni Mbierka, itlob ‘l Alla għalina li jagħtina l-kbira grazzja li nagħtuk vera qima u li nħobbu wkoll lil xulxin tassew u diżinteressatament.

Amen.

It-Tielet Misteru tal-Ferħ:

It-Twelid ta’ Mulej Tagħna

Meta Sidna Ġesu Kristu twieled fil-Għar ta’ Betlehem

"F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb. Kull wieħed fil belt tiegħu.

Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaaret, u tela’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David - biex jinkiteb flimkien ma’ Marija, l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li meta kienu hemm Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u tat lid-dinja l-ewwel iben tagħha; fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihon fil-lukanda." (Lq 2:1-7).

"Ġesu twieled fiċ-ċokon ta’ stalla minn familja fqira: l-ewwel xhieda ta’ dan jkunu ragħajja. F’dan il-faqar ġiet murija il-glorja tas-sema." (KKK, 525).

IT-TWELID

minn “Misteri tal-Ferħ” f’“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

“Alla jitwieled u l-qawwiet jirtgħodu

il-Mulej tas-smewwiet mixħut għarwien.

Il-Kewkba tintefa’ u d-dija tinbidel f’dell

l-infinit jaċċetta l-limitazzjoni.

Mistmerr

imlibbes mill-ġdid fil-glorja,

dak li jmut

is-Sultan ta’ l-eternità.”

Dik is-silta minn għanja tal-Milied Pollakka hija espressiva ħafna tal-misteru ta’ Alla li ħa l-ġisem. Huwa misteru li jħaddan kuntrast: id-dawl u d-dlam tal-lejl, l-infinità t’Alla u l-limitazzjoni tal-bnedmin, il-glorja u l-umiljazzjoni, l-immortalità u l-mortalita, d-divinità u l-faqar tal-bniedem. Nies li jinġiebu wiċċ imb’ wiċċ ma’ l-misteru ta’ l-għaġeb (mysterium fascinosum) ta’ dan il-lejl qaddis tal-Milied li jgħaqqad ir-razzez kollha f’waħda, jindunaw li dak li ġara dak iż-żmien kien xi ħaġa mportanti ħafna, xi ħaġa li m’hemmx oħra bħalha fl-istorja tal-bnedmin. Il-Milied tant iqarribna, biex ngħid hekk, kważi li mmissu b’idejna, mat-twelid spiritwali tagħna f’Alla permezz tal-grazzja.

Imweldin permezz tal-fidi u l-grazzja aħna ġejna msejħin ulied Alla: u aħna hekk tassew, jgid San Ġwann (ara 1 Ġn. 3,1).

Dan huwa l-lejl ta’ l-aktar eżaltazzjoni tal-bniedem: f’dak li ġara dak il-ħin, il-bniedem isib l-oriġini tiegħu nnifsu. L-Iben t’Alla jitwieled bħala bniedem bil-qawwa ta’l-Ispirtu s-Santu, u l-ulied tal-bniedem isiru l-ulied adottivi t’Alla, u b’hekk jiksbu d-dritt li jsejħu lil Alla, “Abba – Missier” (Rum. 8, 15, Gal. 4, 6). Il-Wiċċ ta’ l-art ġie mibdul fid-dimensjoni essenzjali tiegħu, u din il-bidla ġewwenija ġrat minħabba l-Milied: din hija r-raġuni ewlenija għall-ferħ tagħna tal-Milied, tal-ferħ tagħna li nħossu; il-maġi u r-ragħajja, isqfijiet, tfal. “Il-mara fil-ħlas welldet lis-Sultan” “genuit peurpera Regem” (Liturġija tas-Sigħat, Ant. 2). Hija geżwritu fil-ħrieqi u medditu f’maxtura, għaliex ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.” (Lq. 2, 7.). Fuq dil-maxtura l-anġli għannew il-Glorja tagħhom; ħdejn dil-maxtura ġew ir-ragħajja u s-slaten maġi. Il-maxtura kienet il-post fejn Alla u l-umanità ltaqgħu permezz tal-fidi. Dik il-laqgħa welldet lill-Knisja; u hija welledt it-tama tal-bnedmin, it-tama li kontinwament titwieled mill-ġdid.

Talba

O Verġni Mbierka, itlob ‘l Alla għalina li nifhmu kemm huwa prezzjuż f’għajnejn Alla d-diprezz tad-dinja u li ntemmu f’kollox il-volontà t’Alla.

Amen.

Ir-Raba’ Misteru tal-Ferħ:

Il-Preżentazzjoni fit-Tempju

Meta Sidtna Marija ppreżentat lil BinhaĠesu fit-Tempju

"Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesu, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Wara li għalqilhom iż-żmien għall purifikazzjoni tagħhom skond il-liġi ta’ Mose, ħaduh Ġerusalem biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-liġi tal-Mulej.” (Lq 2:21-24).

"Iċ-ċirkunċiżjoni ta’ Ġesu, fit-tmien jum wara t-twelid tiegħu hi sinjal li hu ġie magħdud man-nisel ta’ Abraham, mal-poplu tal-Patt, sinjal li hu qagħad għal-Liġi." (KKK, 527).

Il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu fit-Tempju

minn “Misteri tal-Ferħ” f’“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

Erbgħin jum wara l-Milied il-Knisja tiċċelebra l-ġrajja mimlija b’sinifikat spiritwali. F’dak il-jum l-Iben t’Alla, tfajjel ċkejken ta’ ġenituri foqra, mwieled f’kamra mħarbta fil-kampanja ġo Betlehem, kien meħud fit-tempju f’Ġerusalemm. Dan kien it-tempju tiegħu stess, it-tempju t’Alla l-ħaj; iżda hu ġie ġo fih mhux bħala l-Mulej iżda bħala wieħed taħt il-liġi. Għall-foqra il-liġi kienet trid li erbgħin jum wara t-twelid ta’ l-ewwel wild, żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen kellhom ikunu offruti b’sagrifiċċju, bħala sinjal li t-tifel kien ikkonsagrat lill-Mulej.(ara Lq.2, 22-24; Eż.13, 2-15; Lev. 5,7; 12, 8.).

Il-messaġġ, li l-Ispirtu t’Alla ppermetta li x-xwejjaħ, Xmun, iħoss u jesprimi b’mod daqshekk tal-għaġeb, kien magħqud mal-ġrajja nfisha, f’din l-ewwel laqgħa bejn il-Messija u t-tempju tiegħu. Malli ra t-tfajjel, Xmun beda jfisser il-kliem li m’humiex ġejjin mill-bniedem. Huwa jħabbar, mqanqal mill-Ispirtu s-Santu, huwa jitkellem bil-leħen ta’ Alla li għalih it-tempju kien inbena u li tiegħu huwa s-Sid tassew.

Il-kliem ta’ Xmun jibdew, f’dak li l-Liturġija ssejjaħlu l-Kantiku, billi jagħti xiehda għad-dawl, u meta jagħmel dan jantiċipa bi tletin sena x-xhieda mogħtija minn Ġwanni l-Battista. Mill-banda l-oħra, huma jispiċċaw billi jagħtu l-ewwel xiehda tas-salib, li turi b’mod tanġibbli l-kontradizzjoni ta’ Ġesu, il-Kristu.

Il-prezz tas-salib kien maqsum ma’ l-omm, li r-ruħ tagħha – skond il-kliem ta’ Xmun – kellha tkun minfuda minn sejf, “sabiex il-ħsibijiet ta’ ħafna qlub jinkixfu” (Lq.2,35)

Skond il-kronoloġija, il-Preżentazzjoni ta’ Ġesu fit-tempju hija marbuta mal-Milied, iżda fit-tifsira tagħha hija tappartjeni lill-misteru ta’ l-Għid. Hija l-ewwel waħda mill-ġrajjiet li juru biċ-ċar l-istat messjaniku tat-tarbija li għadha kemm twieldet. Miegħu huma marbuta l-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael il-qadim kif ukoll fil-ġdid. Fuqu jistrieħ l-ġejjieni tal-umanità. Huwa Hu l-Mulej tassew taż-żminijiet li ġejjin (Is.9,6). It-tmexxija tiegħu tibda meta s-sagrifiċċju tat-tempju hu offrut skond il-liġi, u jitwettaq għal kollox permezz tas-sagrifiċċju fuq is-salib, offrut skond il-pjan ta’ mħabba mfassal mill-eternità.

Talba

O Verġni Mbierka, itlob lil Alla għalina li nidhru fit-tribunal tal-Ġustizzja Divina ġa ppurifikati minn kull tebgħa biex neħilsu l-ħruxija tan-nar.

Amen.

Il-Ħames Misteru tal-Ferħ:

Ġesù misjub fit-Tempju

Meta Sidtna Marija tilfet lil Binha Ġesu u wara tlett ijiem sabitu fit-tempju jiddisputa mad-dutturi

"Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesu kienu jmorru Ġerusalem għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax il-sena telgħu wkoll skond id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġsu baqa’ Ġerusalem bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu….

Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs il-Għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibijiet tiegħu." (Lq 2:41-47).

"Is-sejba ta’ Ġesu fit-Tempju hu l-uniku fatt li jikser is-skiet tal-Evanġelji dwar is-snin moħbija ta’ Ġesu: Ġesu jħallina naraw ftit il-Misteru tal-konsagrazzjoni sħiħa tiegħu għall-missjoni li kienet ġejja mill-fatt li hu Bin Alla: “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49)" (KKK, 534).

Ġesu fost l-Għorrief tal-Liġi

minn “Misteri tal-Ferħ” f’“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

L-episodju ta’ Ġesu fost l-għorrief huwa rakkontat minn Luqa b’ħafna dettalji li jgħaġġbuk. Bl-istess mod bħal fir-rakkont tal-Preżentazzjoni fit-tempju, hekk ukoll f’din nistgħu nagħrfu t-tema ewlenija tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, li fiha hemm vina mudlama ta’ swied il-qalb kif ukoll id-dija tal-ferħ. L-għajn tal-ferħ hi l-grazzja, dik tad-dieqa huwa d-dnub. Il-ferħ jurina l-Emanuel (Is. 9, 6), Alla jinsab fost il-poplu tiegħu; d-dieqa turina l-istennija tas-salib li jinsab fil-fond tal-qalb tal-Emanuel u fil-qlub ta’ dawk li huma l-iktar qrib tiegħu.

Il-misteru li qegħdin nikkunsidraw issa għandu żewġ dimensjonijiet, it-tnejn li huma għandna nżommuhom dejjem f’moħħna.

Hemm id-dimensjoni storika ta’ din il-ġrajja nfisha, li ġrat meta Ġesu kellu tnax il-sena. Skond id-drawwa antika tal-Lhud, il-Familja Mqaddsa kollha marret Ġerusalemm għall-Festa tal-Għid, l-ikbar waħda mill-festi Lhud għaliex hija tfakkar il-ħelsien mill-jasar fl-Eġittu u l-mogħdija mirakuluża mill-Baħar l-Aħmar. Fl-istess ħin din iċ-ċelebrazzjoni xxandar li għad jasal iż-żmien messjaniku u l-mogħdija messjanika mill-jasar għall-ħelsien. Mingħajr dubju dan kien is-suġġett li l-iktar kien mitħaddet u mistħarreġġ fit-tempju ffullat bin-nies f’din l-okkażjoni. Għalhekk mhix ħaġa ta’ l-għaġeb li Ġesu nstab bil-qiegħda qalb l-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u lanqas mhi ħaġa tal-għaġeb li “dawk kollha li kienu jisimgħuh kienu mistgħaġbin b’kemm kien qed jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Lq 2,46-47).

Daqshekk fuq l-ewwel aspett: il-ġrajja, li tinkludi l-fatti, li Ġesu baqa’ wara fit-tempju, kien imfittex minn Marija u Ġużeppi u kiern misjub wara tlett ijiem.

Iżda, bħal ma konna għidna, hemm it-tieni dimensjoni: l-ġrajja nfisha tipprovdi espressjoni ċara tal-għarfien messjaniku ta’ Ġesu. Aħna ma nafux x’qal lill-għorrief fit-tempju. Iżda aħna nafu li hu wieġeb għall-mistoqsija anzjuża ta’ ommu bi twiddiba ħelwa: “Għaliex qagħdtu tfittxuni? Ma kontux tafu li jien jeħtieġli nieħu ħsieb dak li hu ta’ Missieri? (Lq. 2, 49). U wara dan il-kliem Ġesu reġa’ lura fis-skiet tad-dar f’Nazaret sakemm kellu tletin sena. “U ommu ftakret f’qalbha dawn il-ħwejjeġ.” (Lq. 2, 51); dan hu li l-Knisja tagħmel ukoll, waqt li timxi t-triq imserrpa tagħha matul is-sekli.

Talba

O Verġni Mbierka, itlob lil Alla għalina sabiex nitgħallmu l-kliem tal-ħajja u kif nistgħu ngħallmuh ukoll lill-ħutna bnedmin.

Amen.