In-Naħa l-Oħra tal-Istorja Ġudeo-Kristjana

(2011)

Daħla għall-ktieb

Anton Sammut

Daħla għall-ktieb

Kif oriġina l-ewwel ħsieb fuq Alla? Min kien Jaħweh?

Min kien Mosè, u minn fejn oriġinaw l-Għaxar Kmandamenti? Min kien Ġesù Kristu verament? X’jgħidu l-vanġeli l-oħra li baqgħu barra mit-Testment il-Ġdid? Min kien San Pawl fil-verità, u liema kienet l-ewwel Knisja qabel dik Kattolika Rumana? Kif oriġina l-pontifikat papali u x’riperkussjonijiet ħalla warajh id-dokument falz li l-Imperatur Konstantinu (suppost) ħalla lill-Knisja għaż-żamma tal-poter? Kollox wasal għandna mill-passat? Kien hemm xi alternattiva oħra kif setgħu żvolġew l-affarijiet? U jekk iva, x’kien il-motiv biex dan ma seħħx?

Kultant tisma’ lil xi ħadd isaqsi: imma għaliex id-dinja tal-Punent tħaddan ċerti tradizzjonijiet u kulturi mentri oħrajn twarrabhom jew tinjorahom? U ghaliex jeżistu dawn l-esiġenzi soċjoreliġjużi tant differenti minn xulxin? Kollox wasal għandna mill-passat? Kien hemm xi alternattiva oħra kif setgħu żvolġew l-affarijiet? U jekk iva, x’kien il-motiv biex dan ma seħħx?

Dawn il-mistoqsijiet mhux lakemm tirrispondihom fi ftit kliem, imma f’dan il-ktieb se nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex naslu għalihom, waqt li se nippruvaw nifhmu wkoll x’setgħu kienu xi wħud minn dawk il-kawżi fundamentali li fuqhom setgħet issawret dik li llum sirna nsejħulha bħala l-Kultura tal-Punent, jew inkella t-tradizzjoni Ġudeo-Kristjana, terminu li sar familjari ħafna magħna l-Ewropej, tant, li llum sar parti mil-lingwaġġ sekulari tal-Punent.

Iżda jidher li t-termimu “Ġudeo-Kristjan” huwa vag aktar milli wieħed jista’ jimmaġina. Araw x’jifhmu ċerti skulari fuq dan ir-rigward. Pereżempju Dott. Franklin Hamlin Littell (1917-2009), li kien professur tar-reliġjon u promotur tal-Istat Żijonista, kien iddikjara:

“Li tkun Kristjan ifisser ukoll li tkun Ebrew.”

Xi ħaġa simili kien affermaha l-famuż Psikoanalista Sigmund Freud (1856-1939), li kien kiteb:

“Il-Ġudaiżmu huwa r-reliġjon tal-Missier, waqt li l-Kristjaneżmu sar ir-reliġjon tal-Iben.”

Fi kliem ieħor, Dott. Freud qed jgħidilna li d-differenza li hemm bejn dawn iż-żewġ reliġjonijiet hi li l-Ebrej jaduraw lill-Missier, mentri l-Kristjani bħala “orfni” ta’ dan il-Missier ifittxuh permezz tal-Iben.

Iżda mbagħad min-naħa l-oħra ssib lil xi wħud li riedu jagħmlu distinzjoni aktar skjetta fejn jidħol dan it-terminu, bħalma afferma r-Rabbi Dott. Eliezer Berkovits (1908-1992), li qalilna hekk:

“Il-Ġudaiżmu huwa Ġudaiżmu għaliex irriġetta l-Kristjanità, daqskemm il-Kristjanità hija Kristjanità għaliex irriġettat il-Ġudaiżmu.”

Min-naħa l-oħra hawn min isostni li l-kunċett “Ġudeo-Kristjan” kien sempliċement mit politiku maħluq fis-seklu 20 biex bih setgħet tinħoloq paradigma jew pjattaforma li fuqha setgħet tinbena l-istrateġija politika tal-Punent.

Il-kelma “paradigma” ġejja mit-terminu Grieg “paradeigma” li jfisser “mudell”, u ħafna drabi dil-kelma tintuża biex fost oħrajn jiġu determinati sett ta’ regoli xjentifiċi, ideoloġiċi, jew inkella xi forma ta’ twemmin reliġjuż; u minn dan l-aspett ġaladarba paradigma tiddetermina ruħha (permezz ta’ tradizzjonijiet reliġjużi, prinċipji morali, eċċ.), rarament jifdal spazju biex tali paradigma tkun tista’ terġa’ tiġi riinterpretata mill-ġdid.

Iżda f’dan il-ktieb se nippruvaw insibu mezz alternattiv biex b’hekk naraw jekk wara kollox nistgħux nerġgħu ninterpretaw mill-ġdid parti minn dak li għal ħafna persuni sar twemmin indiskuss.

F’dan il-ktieb se nippruvaw nirrispondu mistoqsijiet oħrajn, bħal: kif oriġina l-monoteiżmu? Min kien Jaħweh fil-verità? Min kien Mosè? Veru li l-Ebrej ħolqu lilhom infushom? Veru li l-Ebrej bdew jemmnu f’Alla wieħed mijiet ta’ snin wara Mosè? X’kienet verament l-Arka tal-Alleanza u minn fejn oriġinaw eżattament l-Għaxar Kmandamenti? Kemm hemm korrettezza storika fl-istorja ta’ David u ta’ ibnu Salamun bit-Tempju grandjuż tiegħu b’kollox? Min kien verament Yehoshuah magħruf aħjar bħala Ġesù? X’jgħidu l-vanġeli l-oħra li baqgħu barra mit-Testment il-Ġdid? Min kien San Pawl, u fuq kollox, liema kienet l-ewwel Knisja qabel dik Kattolika Rumana? Kif oriġina l-pontifikat papali u x’riperkussjonijiet ħalla warajh id-dokument falz li l-Imperatur Konstantinu (suppost) ħalla lill-Knisja għaż-żamma tal-poter?

Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li f’dan il-ktieb se nippruvaw inwiġbuhom anki b’daqqa t’id tal-iskoperti li twettqu f’dawn l-aħħar sekli imma mhux biss, għaliex tul il-qari se niltaqgħu ma’ aktar spekulazzjonijiet.

-Anton Sammut

L-Awtur Anton Sammut f’dan il-ktieb, li hu ġirja mferrxa ma’ tant aspetti li jolqtu l-iżvilupp tar-reliġjon f’rabta mal-kultura, jidħol għal biċċa xogħol li mhix faċli. Anzi biċċa xogħol li wieħed jista’ anke jqisha delikata u għal uħud perikoluża. Delikata għaliex titlob metikolożità fit-tiftix u fil-ġbir ta’ informazzjoni; perikoluża għaliex timraħ lil hinn mill-konfini ta’ reliġjon li normalment huma ristretti u joffru sigurtà u ċertezza. F’dan is-sens, dan il-ktieb jawgura tajjeb ħafna għal min ma jikkuntentax b’dak li rċieva imma jinteressah li jixtarr ukoll kif wasal għandu.

- Rev. Dr René Camilleri