F draft


FAĦAM  MIBLUL     Idj:  ‘Għandu l-faħam miblul’. Din l-idjoma tingħad għal dak li jkollu xi ħaġa x’jaħbi. Fis-seklu dsatax, il-bastimenti li kienu jaħdmu bl-istim, bdew jiġġeneraw xogħol ta’ burdnara għal ħafna nies fil-portijiet ta’ Malta. Il-ftuħ tal-Kanal tas-Swejż fl-1869, żied ħafna t-traffiku bil-baħar mill-Mediterran lejn l-Indja u pajjiżi oħra. Ħafna bastimenti kienu jħottu jew jgħabbu l-faħam fil-Port il-Kbir. Parti minn dan il-faħam kien jinbiegħ lokalment, u hekk l-ikel li qabel kien jissajjar bl-għollieq niexef jew bil-ħatab issa seta’ jissajjar bil-faħam. Waqt li l-faħam kien jitniżżel minn fuq il-bastiment, xi biċċa faħma kultant kienet taqa’ l-baħar.  Xi wħud mill-burdnara kienu jogħdsu biex itellgħu dan il-faħam mill-qiegħ biex imbagħad kienu jieħduh id-dar bil-moħbi biex ikebbsu n-nar bih.  Biss, minħabba li l-faħma kienet tkun imxarrba bl-ilma baħar, meta titkebbes kien joħroġ ħafna duħħan minnha. Wieħed kien għalhekk irid joqgħod attent li meta jqabbad in-nar bil-faħam ma  jinkixefx li kellu l-‘faħam miblul’ għax dan kien ifisser li l-faħam kien misruq.  Ara: Snajja’ u Xogħol il-Maltin, It-Tieni Volum ta’ Paul P. Borg, p. 246.

FAGOZZ / FOUGASSE     Dan kien speċi ta’ kanun magħmul minn ħofra forma ta’ ċilindru, imħaffra apposta fil-blat u fonda xi 2 m.  Din il-ħofra tk

un angulata lejn il-baħar, biex minnha kienu jiġu sparati biċċiet ta’ ġebel u materjal ieħor kontra l-bastiment li jittanta jersaq lejn il-kosta. Mill-1740 ‘il quddiem kienu tħaffru b’kollox mal-50 fagozz matul il-kosta taż-żewġ gżejjer Maltin. Għadhom jeżistu xi wħud minn dawn il-fagozzi, eż. fir-Ramla l-Ħamra, Għawdex, fuq il-blat mat-triq tas-Salini ħdejn il-Lukanda Coastline, u anke mal-kosta ta’ Pembroke. Oriġ. etim. mhix ċerta. Feu gasse tfisser:  Nar bid-duħħan. Kien hawn diversi tipi ta’ mini esplussivi b’dan l-isem. Bil-Fr. fougasse tirreferi għal tip ta’ bezzun,  kultant qisu baguette li għandu l-istess forma tal-fagozz. Ara The Fougasse: ‘The stone mortar of Malta’ ta’ Stephen Spiteri fi Treasures of Malta, Easter, 1999, Vol V no 2, pp. 31-35.  The Fortifications of the Knights, ta’ Stephen C. Spiteri, pp. 357-358. 

 




FARABOJ      Logħba tat-tfal fejn wieħed mil-lagħba jagħmilha tal-bojja. (Talj. fare il buoia).


FEJN SABU S-SINJUR       Ġnien żgħir ħafna li jinsab barra l-Birgu, u li jmiss mas-sur, eżattament fuq ix-xellug ta’ Couvre Port.  Hawn k

ien inħeba kalċi bl-ostji, wara li fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Ottubru tal-1837, xi ħadd serqu mill-knisja ta’ Santa Tereża f’Bormla. Din il-knisja tinsab 200 m biss ‘il bogħod minn dan il-post. Wara xi jumejn dan il-kalċi kien instab f’ħofra, ma ġenb is-swar tal-Birgu, minn tfal li kienu qegħdin jilagħbu fl-inħawi. Il-ħalliel kien inqabad u ntbagħat għomru l-ħabs. Minħabba din is-sejba ta’ oġġett tant sagru, f’dan il-post kienet infetħet nitfa ta’ kappella mit-Tereżjani, u l-post beda jissejjaħ minn nies tal-lokal bħala ‘Fejn Sabu s-Sinjur’.  Ara: Birgu, Citta’ Vittoriosa – Four Walks in a Historical City, ta’ Anton Attard. pp. 5,6.




 

FELUKKA     Dan kien xini żgħir li kellu qala’ tal-latini u ġibb fuq quddiem. Kien ukoll jiġi nnavigat bl-imqadef. Kien jintuża mill-bidu tas-seklu sbatax, l-aktar biex jirkbu fuqu baħrin li jagħmluha ta’ messaġġiera bejn ix-xwieni. Fl-aħħar tas-seklu tmintax, il-felukka bdiet tinbena f’aktar kobor, għaldaqstant bdiet anke tintbagħat fil-Lvant tal-Mediterran biex tispijja fuq il-movimenti tax-xwieni Torok. Ara: Il-Flotta Ta’ L-Ordni Ta’ San Ġwann, ta’ Joseph Muscat, pp. 169-170.

 

FERRIES  - TAS-SLIEMA      Iż-żona ta’ ħdejn il-baħar li tħares lejn il-Belt, quddiem Triq it-Torri u Triq Bisazza.  Din kienet tissejjaħ il-Ferries minħabba li bejn l-1900 u l-1955 kienet tittrakka l-lanċa tal-passiġġieri, li taqsam minn Tas-Sliema lejn il-Belt.   ara  LANĊA. 

FIDDIEN      1.  Art fertili jew għalqa. 2. It-tul tal-art li tista’ tingħażaq minn żewġ barrin f’jum wieħed.  3.  Raba’ fin-naħa tar-Rabat li għandu dan l-isem.  Għ. Faddaan – art miżrugħa.

FILEP      Idj: telgħalu San Filep: irrabja ħafna, tilef il-kalma. L-oriġini ta’ din il-frażi hi dubjuża.  Għalhekk hawn qed nażżarda nagħti spjegazzjoni għal din l-idjoma.  Jista’ jkun li r-riferenza mhix lejn San Filep ta’ Aġira, il-qaddis patrun ta’ Ħaż-Żebbuġ, iżda x’aktarx lejn San Filippu Neri li twieled Firenze, (1515-1595). Dan il-qaddis kellu karattru ġentili għall-aħħar u anke kellu sens ta’ umoriżmu.  Biss darba minnhom ipprova jipperswadi wieħed ikkundannat biex jindem u jbiddel ħajtu.  Dan il-midneb baqa’ stinat u ma riedx jisma.  San Filippu Neri, dlonk qabdu mill-kozz t’għonqu u sabtu mal-art.  Dan il-kriminal tant inħasad b’dan l-għaġir, li aċċetta li jindem u għamel qrara sħiħa dak il-ħin stess.  Ngħiduha kif inhi: dan huwa paragun partikulari ħafna, għax ma tantx tisma b’qaddisin li ċapċpuha lil xi ħadd f’mument ta’ rabja.

FILERMO,  Il-MADONNA  TA’    Pittura (tempera fuq l-injam 44 ċm x 36 ċm) iddekorata bil-fidda, u li l-Kavallieri tal-Ordni ġabu mag

ħhom minn Rodi fl-1530. L-isem ta’ din il-pittura ġej mill-Muntanja Filermos li tinsab f’Rodi, fejn din il-pittura kienet meqjuma fi knisja li kien he

mm fi żmien l-Ordni.  Bil-Grieg din l-ikona kienet magħrufa bit-titlu Queovtoko Filevremou – M. ‘Omm Alla ta’ Filermo’. Din kienet meqjuma ħafna tant li l-Ordni ġabha Malta, u meta l-Ordni tkeċċa minn Malta, l-Gran Mastru Hompesch ħa din l-ikona miegħu.  Meta miet Hompesch, din l-ikona  ġiet mogħtija lill-Kzar Pawlu II, li kien elett minn uħud mill-Kavallieri, bħala l-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni. Din l-ikona kienet spustjata bosta drabi minn pajjiż għall-ieħor, sakemm fit-Tieni Gwerra Dinjija, spiċċat fi knisja Ortodossa fil-Montenegro.  Għal ħafna snin wara, ħadd ma kien jaf x’ġara minn din l-ikona u ħafna ħasbu li ntilfet jew insterqet. Kien biss fl-1997, li l-Ordni skopra li din l-ikona qiegħda tinżamm fil-Mużew Nazzjonali tal-Montenegro.  Ara: www.smom-za.org. u The Times  (of Malta), Wednesday, May 28, 1997.

  

 

 

FILFLA     1. Żerriegħa waħda tal-felfel.  2. L-isem tal-gżira li tinsab daqs 5 km ‘l bogħod fin-Nofsinhar ta’ Malta, qrib Wied iż-Żurrieq. Din il-gżira hi magħmula minn blata waħda b’sisien li jilħqu sa 70 m għoli. Għal ħafna żmien din il-gżira kienet tintuża mill-flotta Ingliża, bħala target p

ractice fl-eżerċizzi militari tagħha.  Bir-riżultat ta’ hekk ħafna blat ta’ din il-gżira tfarrak u waqa’ taħt is-sisien fil-baħar.  Fost l-annimali żgħar li jgħixu fuq din il-gżira hemm, il-gremxula endemika (Podarcis filfolensis sp. filfolensis) kif ukoll bebbuxu rari, id-dussies ta' Filfla. Insibu wkoll tliet speċi ta’ għasafar li jbejtu fuq Filfla, bħaċ-ċief, il-kanġu ta’ Filfla u l-gawwija prima.  Din tal-aħħar tiekol kollox, anke saħansitra ‘l-kanġu ta’ Filfla. Fl-imgħoddi kienet tbejjet ukoll il-garnija. Fl-1988, Filfla kienet iddikjarata ‘riserva naturali’. Hi wkoll Żona ta' Ħarsien Speċjali ta' importanza internazzjonali, skond id-Direttiva tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea.    Ara: Filfla and its Birdlife ta’ Joe Sultana u Charles Gauci f’Heritage Vol. 2 pp. 568-570;  A Guide to the Birds of Malta ta’ Sultana J, Gauci C. u Beaman M. 

 

 
 
 
FILJALI     Dan l-appellattiv jintuża l-aktar fil-frażi ‘knisja filjali’, li hija ref. għal knejjes, li jaqgħu taħt  il-knisja parrokkjali.  Biex nagħti eż. Il-knisja parokkjali ta’ San Pawl il-Belt Valletta għandha bħala l-knejjes filjali tagħha, il-knisja tal-Madonna ta’ Liesse, Il-knisja tal-Ġiżwiti u l-knisja tal-Erwieħ.  
 

FJORIN      L-ewwel darba li ġiet mitbugħa din il-munita kien f’Firenze, fl-1252.  Minħabba li Firenze kienet belt attiva ħafna fil-kummerċ internazzjonali u b’saħħitha ekonomikament, din il-munita kienet valuta fdata kullimkien. Bħala valuta u disinn din il-munita ftit li xejn tbiddlet sas-seklu sittax

.  Anke f’Malta, din il-munita kienet tintuża, speċj. meta jsir il-kummerċ ma’ barra.  Mal-fjorin ta’ Firenze kien hemm ukoll il-Fjorin ta’ Aragona.  Kien hemm żmien meta l-inbejjed impurtati f’Malta kienu jiġu intaxxati fjorin kull bettija. Ta’ min wieħed ifakkar ir-rakkont ta’ meta fl-1426, il-Maltin riedu

jeħilsu minn Gonsalvo Monroy, billi jħallsu s-somma ta’ 40,000 fjorin, biex dan .................................

 



Fjorin tad-deheb 1334

FLIEGU / FIREGU      Baħar dejjaq bejn żewġ artijiet.  Din il-kelma tintuża biss għall-baħar ta’ bejn il-Marfa, f’Malta u l-Imġarr ta’ Għawdex.  A. de S.  jiddiskrivi l-kelma fiegku  bħala art agrikola. Op. cit., p. 134.   Tal. Frego ; segno di divisione E. S. I. op. cit. 

Ritratt


FLUS   TA’  ŻMIEN   IL-MEDJU  EVU      Fost il-muniti li kienu ta’ valuta aċċettata f’Malta fi żmien il-Medju Evu, mill-1283 sa l-1530,  kien hemm  il-grano, l-onca ta’ Sqallija, il-fjorin ta’ Aragona, il-karlin u d-dukat.  Biex wieħed jieħu idea tal-valur ta’ xi wħud minn dawn il-muniti, ta’ min wieħed isemmi eżempju fejn, il-kapumastru li kien jaħdem fil-kostruzzjoni tal-bini kien jaqla’ 25 grano;  waqt li bennej normali kien jaqla’ 10 grani biss. B’10 grani kont tixtri par qrieq (sandli), iżda biex tixtri żarbun tal-ġilda kont trid tħallas żewġ karlini.  Biex wieħed jiġbor aktar tagħrif fuq il-muniti b’mod aktar iddettaljat, ara: FJORIN, KARLIN u ONĊA.  Ara: Slavery in the Islands of Malta and Gozo ca. 1000 – 1812, ta’ Godfrey Wettinger, p. 22. 

 

FLUS  TA’  ŻMIEN L-ORDNI   Meta l-Ordni wasal Malta fl-1530, mill-ewwel ħaseb biex jibda jistampa l-flus tiegħu f’Malta.  Dan seħħ l-ewwel darba fl-1534.  Matul il-perijodu tal-Ordni f’Malta, xorta baqgħu jiċċirkolaw fl-idejn ħafna muniti ta’ renji differenti, speċj. minħabba l-kummerċ li l-Ordni kellu ma’ barra. Eż., id-dublun u l-pjastru Spanjoli, iż-żekkin Venezjan,  u l-Louis d’Or Franċiż.     Għall-ħajja ta’ kuljum, il-Maltin kienu jħallsu bil-ħabba.  Skud wieħed kien il-paga ta’ xahar għal suldat tal-għassa.  L-aqwa biċċa munita li kienet tiswa kienet dik tat-tnax iz-zekkin li ġiet maħruġa fi żmien il-Gran Mastru Vilhena (1722 – 1736). Ċerti idjomi bħal : tal-ħabba gods; ma jiswix pattakka, jew ma jiswix karlin, għadhom ifakkruna fi żmien l-Ordni u fi żmien bikri Ingliż.  Ara: www.centralbankmalta/org/site/currency.  Ara: ĊINKWINA,  ĦABBA,  PATAKKA,  SKUD, 

Munita                                                                                                   Tiswa

Zecchino                                                                                                 4 skudi u 3 uqijiet

Skud                                                                                                       12-il tari

Tari wieħed                                                                                             2 Karlini

Karlin                                                                                                      2 Ċinkwini (jew 10 ħabbiet)

Ħabba (grano)                                                                                          6 piccioli

 

FLUS  TA'  ŻMIEN L-INGLIŻI   Meta l-Ingliżi bdew jamministraw il-gżejjer Maltin, dawn ħallew il-flus tal-Ordni jiċċirkulaw sal-1828. Fl-1825, l-Ingliżi introduċew il-flus tagħhom, iżda ma dawn żiedu il-ħabba Ingliża jew il-grain. Din il-munita kienet tintuża f’Malta biss, biex iżżomm l-istess valur tal-ħabba jew il-grano ta’ żmien l-Ordni.  Dan għaliex il-muniti Ingliżi kienu wisq għolja għax-xiri ta’ oġġetti ta’ kuljum. 
Tnax-il British grain kienu jiswew sold (Penny).  Il-grain baqgħet tkun mitbugħa sal-1913, u l-ħabba baqgħet tintuża mill-Maltin sas-snin għoxrin.

 

Tabella tal-flus Ingliżi

 

 

Ritratt  Munita tat-Tliet soldi                                 ritratt               six

 

FOUGASSE  ara  FAGOZZ

FOSOS       (Pl. ta’ fossa).  Dawn huma ħofor fl-art, ġen. imħaffrin forma ta’ qanpiena u mgħottija b’għata tonda tal-ġebel.  Fiħom kien jintrefa’ l-qamħ jew uċuħ oħra simili, msejjaħ tax-xott. L-akbar ġabra ta’ dawn il-fosos hi dik tal-Furjana, quddiem il-knisja arċipretali ta’ San Publju. Ħafna minn dawn h

uma ta’ żmien l-Ingliżi u baqgħu jintużaw sal-1962.  Quddiem il-Forti Sant Iermu, fil-Belt, kienu tħaffru  fi żmien l-Ordni 70 fossa, li bejniethom kienu jerfgħu 57,000 salma qamħ (19,000 tunnellata).  Quddiem il-Berġa ta’ Kastilja kien hemm ħmistax-il fossa oħra.  Fil-Birgu u l-Isla kien hemm 24 oħra kollha ta’ żmien l-Ordni.  Fiċ-Ċitadella, ir-Rabat Għawdex, kien hemm tlieta biss minnhom. Kien hemm fosos oħrajn quddiem il-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana.  Ara: ‘Il-Fosos – Underground Grain Storage in the Maltese Islands’, ta’ David Dandria fi Treasures of Malta, No. 48 Summer 2010, Vol XVI, no 3, pp. 47, 53. 

 

 

FRANĊIŻ,  KLIEM    FIL-MALTI .....................ikompli .......................................ikompli...........................

FRANKUNI  TA’      Sptar għal dawk in-nies li jsofru b’mard mentali. L-isem ġej minn Villa Francone, li kienet ir-residenza fil-Furjana ta’ Kavallier tal-Ordni li kien jismu Fra Fabrizio Franconi. Kienu l-Ingliżi fl-1835, li bidlu din il-villa fi sptar għall-morda li jsofru b’mard mentali.  Dan l-isptar dam iservi sal-1861, meta mbagħad inbena sptar ġdid f’Ħ’Attard, li llum nafuh bħala l-Isptar Monte Carmeli.  L-isem Ta’ Frankuni tkaxkar mal-pazjenti mill-Furjana għal Ħ’Attard għaliex sal-lum għad hemm xi wħud li l-isptar ta’ Ħ’Attard jirreferu għalih bħala Ta’ Frankuni. Ara: History of Nursing in Malta,

  

FREGATA  / FREJGATA       Bastiment ta’ żmien l-Ordni bil-qala’ tal-latini (ġieli tnejn), u tmint imqadef kull naħa.  Kien hemm ukoll il-fregata ta

s-seklu sbatax li kienet bastiment tal-gwerra, armata b’erbgħin kanun, u li kienet tuża qala’ kwadru wieħed biss, u  mingħajr imqadef. Fi żminijiet aktar riċenti dan l-isem beda jirreferi għall-bastimenti tal-gwerra Ingliżi li sal-1979, kont ta’ spiss tara minnhom fil-Port il-Kbir. Tal. Fregata. Ing. Frigate.

 

 


 

FUKLAR  /  FUGLAR     Struttura tal-ġebel fil-kċina,norm. fil-kantinai,  biex fuqu jkun jista’ jissajjar l-ikel. Dan il-fuklar kien ikun

imwaħħal mal-ħajt u jserraħ fuq ġebel ieħor biex in-nar jitkebbes minn taħt. Il-qawwa tan-nar kienet tkun irregolata billi wieħed irewwaħlu minn toqob taħt il-wiċċ tiegħu.




 

 

FUNGUS ROCK   ara  ĠEBLA TAL-ĠENERAL 

FUNTANIER      Persuna li kienet tingħata l-inkarigu li tassigura li l-funtani pubbliċi jkunu jaħdmu u f’kundizzjoni tajba. Fi żminijiet aktar riċenti din il-kelma kienet tintuża għal dik il-persuna li taqra l-arloġġ tal-ilma. Sors: E.S.I. op. cit.  Bit-Tal. fontana hija għajn tal-ilma.

FURDULIS / FJURDULIS / FLEUR-DE-LYS     1. Din hi fjura magħrufa wkoll bil-Malti bħala ‘tal-buqari’. Din il-fjura tidher fuq l-arma tal-Gran

Mastri Alof u ta’ Adrian Wignacourt, billi dawn kienu ġejjin mill-istess familja.  2. In-naħa ta’ Santa Venera, fejn hemm l-akkwadotti, hu magħruf bħala l

-‘Furdulis’ jew ‘Fleur-de-Lys’.  Dan għaliex eżattament fejn jinqasmu l-akkwidotti, flok ir-rawndebawt, kien hemm arkati bl-arma tal-Fleur-de-lys. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija dawn l-arkati kienu ntlaqtu minn trakk, u flok reġgħu kienu irrestawrati, dawn l-arkati tneħħew biex ikunu jistgħu jgħaddu l-inġenji ta’ daqs ikbar minn dawk l-inħawi. Dawn l-arkati kienu jifformaw parti mill-eqdem sistema ta’ kanalizzazzjoni tal-ilma li hawn f’Malta, ‘l hekk imsejjaħ Akkwadott  ta’ Wignacourt, li kien mibni bejn l-1610 u l-1615.  ................IKOMPLI ..............54,864 skud. Il-bniedem li ppjana u ħadem l-aktar fuq dan il-proġett kien Bontadino di Bontadini, inġinier minn Bologna.   



BEJN KLIEM U STORJA

Mill- A saz-Z

600 suġġett spjegati b'65,000 kelma

256 pagna

350 ritratt

Qies : A 5 (21.5 x 15 ċm)

Qoxra: ratba

imejl biex tordna l-ktieb bi prezz imraħħas: mohba@gmail.com
Subpages (2): G Ġ
Comments