D


DEBBIEĦ       Biċċier.  Dak li joqtol l-annimali tal-qatla.  Debħa: il-qatla ta’ annimal billi dan jiġi skarnat.

DEBBUS     1. Mazza jew għasluġ bil-boċċa fir-ras tiegħu.  2. Ġewża (jew kona) tal-prinjola (żnuber) li minnha taqa’ ż-żerriegħa. Idj: biex ġar dak it-toqol kollu qala’ d-debbus  ta’ qalbu.

 

 

DEFFUN       ..............................ikompli ................................................

DEFFUNA      .........................    .ikompli  .............................................

DEJMA     Mill-bidu tas-seklu ħmistax ‘il hawn, l-irħula ta’ Malta kellhom sistema ta’ difiża para-militari li tipproteġihom minn xi żbark għal għarrieda tal-furbani. Din kienet il-Milizja, li mill-1462 ‘il quddiem bdiet tissejjaħ bħala d-Dejma.  L-irġiel kollha ta’ bejn is-16 u l-65 sena, kienu obbligati jingaġġaw fiha biex jiffurmaw speċi ta’ armata żgħira.  Dawn in-nies kienu jinġabru mill-irħula.  Xogħol id-Dejma kien li tintervjeni malajr, f’każ ta’ bżonn bħal meta jseħħ xi attakk mhux mistenni fl-inħawi tar-raħal tagħhom. Dawn is-suldati waħidhom ma kinux biżżejjed biex joffru reżistenza kbira. Għaldaqstant kien hemm bżonn li jallarmaw mill-aktar fis il-gwardja tal-Imdina, biex din tibgħat ir-rinforzi tagħha.  L-armi tad-Dejma kienu diversi, eż., lanez pjuttost qosra, xwabel, skieken u tarki.  Xi wħud mis-suldati kienu jġorru wkoll il-qaws mimdud (Tal. balestra, Ing. crossbow).  Xogħol id-Dejma kien skedat għal bejn Mejju u Awwissu, jiġifieri, il-perijodu tas-sena fejn kien l-aktar mistenni li l-furbani jkunu jħufu fil-Mediterran. Id-Dejma baqgħet tiġi organizzata bħala sistema ta’ difiża anke fi żmien l-Ordni. Ara: ‘Id-Dejma, Il-Maħras and the defence of the Maltese Islands in the late medieval and early modern times’, ta’ Stanley Fiorini, fi Sacra Militia Issue 2, 2003, pp. 16-28.

DEJR       Dar kbira; ospizju jew kunvent. Hawn diversi lokalitajiet f’Malta li għandhom isimhom li jinkludi l-kelma Dejr. Jista’ jkun li Dellimara tfisser Dejr il-Mara.  Dan l-isem jipparaguna ma’ Dejr il-Bniet li x’aktarx jfisser Kunvent.  Fir-Rabat insibu l-Katakombi jew l-Abatija tad-Dejr.  Fil-ktieb tiegħu Place Names of the Maltese Islands, l-awtur Godfrey Wettinger jgħid li Dejr tista’ tfisser ukoll post fejn jinżammu l-bhejjem jew l-uċuh tar-rabà.  Dan hu minnu għaliex kultant il-kelma Dejr tintuża ma’ xi isem bħal: Dejr Baqar u Dejr Ħmir, Dejr iż-Żara u Dejr il-Bużbież.  Wieħed għandu anke jagħti każ l-ismijet li fihom hemm il-kelma ‘dar’, bħal Dar in-Naħal u Dar il-Ħmar. Hemm ukoll isem bid-diminuttiv ta’ Dejr:  Dwejra (dar żgħira).

 

DELLIMARA     Il-promontorju li jinsab fuq in-naħa tat-Tramuntana ta’ Marsaxlokk. Għandu mnejn li dan  l-isem ġej minn Dejr il-mara - jiġ.id-dar il-kbira tal-mara’, x’aktarx  riferenza għal xi persuna partikulari li kienet tgħix hemm.  Dan l-isem għandu mnejn qed jirriferi għal-fdalijiet qodma ta’ Tas-Silġ. Interpretazzjoni oħra tista’ tkun ukoll ‘dejr limara’ : id-dar tal-emmirat. (Sors etim: J.A. op. cit.)  Fit-tarf tal-promontorju ta’ Dellimara jinsab il-Fanal ta’ Delimara li  nbena fl-1855, fi żmien il-Gvernatur More O’Ferrall. L-Awtorità Marittima ħarġet il-flus għar-restawr tiegħu – dan il-fanal illum hu f’idejn Din L-Art Ħelwa. Fuq l-istess promontorju tinsab ukoll il-Fortizza ta’ Dellimara, li nbniet bejn l-1876 u l-1888. Fiha għad hemm erba’ kanuni tal-epoka Vittorjana. Il-fortizza llum taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta.

 

Ritratt lighthouse                                                ritratt fortizza

 

 

DENI  RQIQ  / DENI  BIERED     Meta fil-bidu tas-seklu dsatax f’Malta bdew jaslu s-suldati Ingliżi, xi wħud minnhom bdew jimirdu b’marda misterjuża. Il-marda magħrufa bħala d-Deni Rqiq taffettwa l-milsa b’mod li tiffjamaha u tikkawża uġigħ fiha u fl-għadam,  u l-marid jinħakem b’deni kontinwu u baxx (irqiq). L-Ingliżi taw diversi ismijiet għal din il-marda, eż., Undulant Fever, Mediterranean Fever, u Malta Fever. Meta fl-1886, t-tabib David Bruce skopra l-mikrobu fil-bniedem, dan il-mikrobu beda jissejjah brucella wara ismu, u l-marda Brucellosis.  Sadattant kien għadu mhux magħruf minn fejn kien ġej dan il-mikrobu. Xi wħud kienu jemmnu li din il-marda kienet ikkawżata mill-ilma mniġġes tad-drenaġġ.  Fl-1905, wara riċerka intensiva, Dr. Temi Zammit skopra li l-mikrobu kellu l-oriġini tiegħu fil-ħalib tal-mogħoż. Dak iż-żmien, il-ħalib kien jinbiegħ billi r-ragħajja jieħdu l-merħliet tal-mogħoż tagħhom fl-ibliet u l-irħula u l-ħalib tal-mogħża jiġi mferra’ fi skutella li l-mara tad-dar kienet tnewlilhom. Sal-ewwel għexieren tas-snin tas-seklu għoxrin, kuljum kienu jiddaħħlu l-Belt daqs 2,000 mogħża. Dak iż-żmien, il-ħalib tal-mogħoż ma kienx jiġi ppastorizzat (mgħolli) u ċ-ċans li l-ħalib jgħaddi l-infezzjoni lill-bniedem kien kbir.  Il-pastorizzazzjoni tal-ħalib saret obbligatorja f’Malta fl-1938.  Dan minkejja li Louis Pasteur, fl-1802 kien diġa skopra l-benefiċċji tat-togħlija (pastorizazzjoni) biex jinqerdu l-mikrobi.

  Ritratti        Sir David Bruce                    ritratt        Sir Temi Zammit  

 

 

DE REDIN        Idj: qisek id-De Redin - tingħad għal xi ħadd li ma jikkuntentax ruħu malajr.  Bniedem imqit għall-aħħar.   Dan il-Gran Mastru mexxa l-Ordni

u l-gżejjer Maltin eżatt wara Lascaris, bejn l-1657 u l-1660.  Bħal Lascaris, Martin De Redin kellu u għad għandu l-fama ta’ bniedem sever mal-Maltin. Mhux magħruf għaliex, biss forsi ħarstu u wiċċu ma kienux jagħmluh kariżmatiku mal-popolin.  Fil-verità, il-Gran Mastru Fra Martin De Redin għamel ħafna ġid għal Malta u msemmi bosta drabi b’mod positiv. Kien hu li ordna li jinbnew tlettax-il torri mal-kosta,  u anke stabbilixxa reġiment ta’ 4,000 muskettier biex Malta tkun imħarsa tajjeb minn xi żbark tal-għadu.

ritratt

 

 






DERWIX / DERVIX / DIRWIX    1. Fis-sens lokali, dan l-appellattiv jirreferi għal xi ħadd imħawwad, jew li jagħmel konfużjoni sħiħa. 2. Oriġ. dervex, ġejja mill-Għarbi darwix, u kienet tirriferi għal bniedem spiritwali tar-reliġjon Islamika li jħaddan il-filosofija tas-Sufismu. Dawn id-driewex kienu j

għixu fil-faqar u f’ħajja ta’ kontemplazzjoni.   Dawn jissemmew kemm il-darba anke fil-kuntest tal-perijodu tal-Ordni, bħal speċi ta’ imam li kienu jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali ta’ l-ilsiera Musulmani.  Fi żmien aktar riċenti, id-derwix jidher mod ieħor – din id-darba fil-ħajja tal-ispettaklu, liebes geżwira li ddur miegħu, hu u jiżfen qisu żugraga għal ħin twil.  Ing. Dervish. Pers. Darvex – M. wieħed fqir.

 





     

DGĦAJSA TAL-LATINI      l-isem mogħti, forsi b’mod ħażin, lid-dgħajsa li kienet taqsam bejn Malta u Għawdex fis-seklu dsatax u fil-bidu tas-seklu għoxrin. Il-qlugħ tal-latini hu msejjaħ hekk għax imur lura sa żmien ir-Rumani. Din il-qala’ hi triangolari u tittella’ mal-ġenb tal-arblu.   Biż-żmien il-qala’ ħa post il-qala’ kwadru Ruman u għall-mijiet tas-snin wara, baqa’ jintuża mill-bastimenti, tista’ tgħid madwar il-Mediterran kollu. Fin-Nil hemm dgħajsa msejħa dhow, li tixbah mhux ftit lid-dgħajsa tal-latini.  F’Malta d-dgħajsa tal-Latini tixbaħ lil luzzu, biss fil-verità  ma għandhom x’jaqsmu xejn ma xulxin.  Dan għaliex id-dgħajsa tal-latini taf l-oriġini tagħha lill-ixprunara. L-Ingliżi bdew isejħu din id-dgħajsa ‘d-Dgħajsa ta’ Għawdex’ jew aħjar The Gozo Boat. 

Dan għaliex l-Ingliżi kienu jaqsmu lejn Għawdex b’din id-dgħajsa. Ing. Lateen sail.  Ara: XPRUNARA.

 


 

 





DGĦAJSA TAL-PASS    Id-dgħajsa tal-pass kienet tintuża l-aktar biex tniżżel il-baħrin minn fuq il-bastiment u twassalhom l-art, jew inkella biex twassal il-passiġġieri minn naħa għall-oħra tal-port. Fi żmien l-Ordni, kienu ta’ spiss joħorġu proklami dwar regoli fuq l-operazzjoni tas-servizz tad-dgħajjes.  Biex nagħtu eż., id-dgħajjes ma setgħux joperaw bil-lejl, u l-qaddiefa tagħhom kienu jridu jkunu ta’ ċerta età.  Hekk kif il-bastimenti tal-flotta Ingliża u dik Amerikana ma baqgħux jidħlu bi kwantità f’Malta fis-sebgħinijiet, ix-xogħol tad-dgħajjes naqas drastikament. Illum, ftit għadek tara dgħajjes tal-pass,  u meta dawn ifiġġu, jkunu ħafna drabi qed idawru  xi turisti fil-Port il-Kbir. Apparti minn hekk, dawn id-dgħajjes tista’ taragħhom itellqu bejnithom fir-Regatti tat-8 Settembru u ta’ Jum il-Ħelsien.  Ara: ‘The Dghajsa in Memoriam’  ta’ Joseph Muscat, The Mariner’s Mirror, Vol 77 no 4, November 1991, pp. 389-405.  ‘The Dgħajsa and the Luzzu’ ta’ Joseph Muscat, fi Treasures of Malta Summer 1997, Vol III no 3, pp. 37-41. 

 

Ritratt

 

 

DIEĊMI       Għexur.  Isħma ta’ wieħed minn kull għaxra tal-prodott li fl-imgħoddi l-bidwi kien obbligat li jħallas meta dan ikun lesta mill-ħsad tal-uċuh tar-raba’. Kontribuzzjoni jew taxxa lill-Knisja jew lill-Istat li kienet tlaħħaq dejjem sa wieħed minn għaxra tal-ġid jew tal-qliegħ tal-persuna.

DIEU  ET  MON  DROIT       Bil-Malti din il-frażi tfisser  litteralment:  ‘Alla u l-Lemin Tiegħi’ -  jew inkella ‘Alla u l-Id il-Leminija Ti

egħi’ (bħallikieku wieħed irid jgħid ‘Alla u l-id il-leminija tiegħi jgħinuni biex niddefendi lili nnifsi). Dan hu l-motto tal-familja monarkika Brittanika. Jingħad li dan il-motto kien stabbilit għall-ewwel darba mir-Re Enriku V fis-seklu erbatax. Din il-frażi turi d-dritt li r-re kellu, li jmexxi n-nazzjon bl-awtorità t’Alla. Dan il-motto jidher taħt l-arma tal-familja Rjali Ingliża. Wieħed jista’ jara dan il-motto mnaqqax kull fejn tidher din l-arma, eż: fuq il-Main Guard ta’ Pjazza San Ġorġ il-Belt, fil-bitħa ta’ Nettunu li hemm fil-Palazz tal-President, il-Belt, u f’binjiet oħrajn, prattikament kull fejn l-Ingliżi użaw għall-amministrazzjoni ċivili u militari.

 

 

DIKKIENA    / DUKKIENA     Speċi ta’ bank tal-ġebel li jkun imqiegħed la ġenba fi knisja jew f’bini ieħor biex min irid ipoġġi bil-qiegħda fuqu waqt li jserraħ dahru mal-ħajt. Din il-kostruzzjoni kienet flok il-bankijiet tal-injam jew is-siġġijiet tal-lum. Din id-dikkiena tinsab l-aktar f’xi kappelli antiki, bħal per eż., fil-kappella ta’ Ħal Millieri. Fid-dinja Għarbija d-dikkiena hi speċi ta’ mejda tal-bejgħ imqegħda apposta barra l-ħanut. Din il-kelma Għarbija tintuża anke għal ħanut tax-xorb.  Interessanti l-fatt, li fil-ktieb Place-Names of the Maltese Islands, insibu seba’ inħawi fil-kampanja fejn il-kelma Dikkiena hija tagħmel parti mill-isem, eż. Id-Dukkiena tal-Għarbi jew id-Dukkiena ta’ Bonan.  X’aktarx li dan kien appellattiv mhux għall-ħwienet iżda għall xi forma partikulari ta’ topografija tal-kampanja. Qab. mal-każ ta’ toponomi: Tarġa, eż. San Pawl tat-Tarġa, jew Mejda, eż. Il-Mejda ta’ Gelmus (Għawdex). Għ. dhakkana – M. bank jew mejda fejn jinbiegħu affarijiet tal-merċa. Ħanut.  E.S.I. Il-Miklem Malti, It-Tieni Volum, 1975.

(ID)-DI  U  D - DO      Idj. Qishom id-di u d-do.  Din l-idjoma tirreferi għal tnejn min-nies li dejjem tarahom flimkien. Din l-idjoma ħarġet mill-fatt li xi dar

ba kien hemm żewġ vapuri li kienu sorġuti flimkien f’Marsamxett għal żmien twil.  Dawn kienu żewġ bastimenti Ingliżi żgħar, il-gunboats HMS Dee u HMS Don.  It-tnejn li huma kienu nbnew f’Portsmouth fl-1877, u kienu jaħdmu kemm bl-istim kif ukoll bil-qlugħ.  Id-Dee kienet il-gunboat ta’ 363 tunnellata. Din ġiet mibjugħa fl-1902.  Id-Don ġiet mibjugħa fl-1914.  Dawn iż-żewġ bastimenti kienu msemmija għal żewġ xmajjar fl-iSkozja li kellhom l-istess isem: Dee u Don. 

H.M.S. Dee

 

     

DIRWAN      Idj:  Lanqas għandi ħabba ta’ Dirwan: tfisser: ma għandi xejn; bla flus. Espr.  li biha l-Maltin kienu jirreferu  għall-isem tal-Gran Mastru De

Rohan.  Fi żmien De Rohan kienu ġew stampati eluf kbar ta’ muniti tal-ħabba.  Tant kien hawn minnhom fl-idejn li spiċċaw ma jiswew kważi xejn. Għaldaqstant din l-idjoma tirreferi għal sitwazzjoni fejn bniedem ikun fi stat ekonomiku ħażin għall-aħħar.  Ara: ĦABBA.

 

 





DJOĊESI        Din il-kelma tirriferi għal dik l-art u dawk in-nies li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-isqof. Għall-mijiet tas-snin, id-djoċesi ta’ Malta, kienet titmexxa u tagħmel parti mid-Djoċesi ta’ Palermo.  Ħafna drabi l-isqfijiet ta’ Malta kienu barranin, u lanqas biss kienu jgħixu f’Malta.  Meta waslu l-Ingliżi dawn ma ħassewhomx komdi li Malta kienet taħt id-djoċesi ta’ Palermo, u raw kif għamlu, sakemm fl-1831, Malta sseparat ruħha u saret djoċesi għaliha. L-ewwel isqof li laħaq f’din il-kariga kien l-Arċidjaknu Francesco Saverio Caruana (1831 – 1847). Minn hawn ‘il quddiem l-isqfijiet ta’ Malta dejjem baqgħu jintgħażlu minn fost il-Maltin. Id-djoċesi t’Għawdex inħolqot fl-1864.  Mons. Franġisku Buttigieg sar l-ewwel isqof ta’ Għawdex, wara li l-Papa Piju IX iddikjara lil Għawdex bħala Djoċesi, bil-bolla tiegħu Singularis Amoris. Minn dak in-nhar il-Kolleġjata ta’ Santa Marija tar-Rabat kienet mogħtija t-titlu ta’ Katidral.  L-isqfijiet Maltin mill-1831 sal-llum kienu dawn: 

Francesco Saverio Caruana (1831 – 1847)

Publio Maria Sant (1847 – 1864)

Gaetano Pace Forno (1857 – 1874)

Carmelo Scicluna  (1875 – 1888)

Pietro Pace (1889 – 1914)

Mauro Caruana (1815- 1943)

Michael Gonzi  (1943 – 1976)

Ġużeppi Mercieca 1976 – 2006

Pawlu Cremona  (2006 -   )

 

DIRITTO MUNICIPALE    Dan kien il-kodiċi ta’ liġijiet li ġie introdott fl-1784, fi żmien il-Gran Mastru De Rohan.  Dawn il-kodiċi huma mqassma f’seba’ kotba, bl-ewwel ktieb jittratta dwar il-‘Gran Corte Della Castellania’.  Fih kienet spjegata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti. It-tieni ktieb hu magħmul minn ħames kapitli, li jittrattaw il-proċessi ċivili u kriminali. It-tielet ktieb jittratta l-kuntratti u l-obbligazzjionijiet tagħhom. Ir-raba’ ktieb jittratta t-testmenti u t-taxxa tas-suċċessjoni. Il-ħames ktieb hu magħmul minn disa’ kapitli li jittrattaw il-liġijiet kriminali. Is-sitt ktieb jittratta l-kummerċ marittimu u l-armamenti. Is-seba’ ktieb jittratta diversi oqsma mixxelanji u għaldaqstant jismu Miscellanea.   Ara:  De Rohan’s Diritto Municipale,  ta’ Joseph Scicluna, f’Heritage, pp. 331,332.    

DOLMEN       Struttura, ġen. magħmula minn tliet ġebliet kbar, tnejn weqfin u waħda sserraħ orizzontali fuqhom.  Fl-Ewropa jinsabu numru kbir ta’ dolmen. F’Malta d-dolmen huma ddatati għal Żmien il-Bronż (ċ.1500 – 700 Q.K.) L-arkeoloġi jxebbħu l-użu tad-dolmen f’Malta ma’ dawk tal-Ewropa, fejn instab li dawn kienu x’aktarx iservu ta’ oqbra. Veru li xi wħud minn dawn id-dolmen setgħu servew bħala monumenti funebri, biss fil-każ ta’ Malta, xi wħud minnhom setgħu anke kienu l-fdalijiet ta’ bini b’forma ta’ trilitona (tliet ġebliet) użati fil-kostruzzjoni tat-tempji megalitiċi (3,800 – 2,500 Q.K.)  Fost id-dolmen li nafu bihom hemm dawk ta’ Wied Filep, limiti tal-Mosta, dak ta’ Ċenċ, Għawdex, u dak tal-Qala, magħruf bħala l-Ġebla ta’ Sansuna. Dolmen oħrajn huma dawk tal-Bidni, limiti ta’ Marsascala, ta’ Wied Żnuber f’Birżebbuġa; Ta’ Misraħ Sinjura, li jinsab bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi; u Ta’ Ħammut, f’Qalet Marku. Il-fdalijiet tal-ġebel li hemm fil-Lukanda Dolmen f’Buġibba, huma ċertament fdalijiet ta’ tempju megalitiku bħal ħafna oħrajn.  Ara: Malta – Prehistory and Temples ta’ David H. Trump, pp. 276 – 270.

 

 

Ritratt  Dolmen Ta; Wied San Filep, Mosta

 

D.O.M.     Abbr.  bil-Lat. li tidher ħafna drabi fil-bidu ta’ skrizzjonijiet imnaqqxin fuq  tabelli tal-irħam, jew fuq oqbra tal-Ordni, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dawn  it-tliet ittri jabbrevjaw il-kliem votiv: DEO OPTIMO MAXIMO espr. li tfisser ‘Lill-Ikbar u l-Aqwa Alla’.  Fil-każ tal-iskrizzjoni fuq l-irħama li tinsab fuq il-bieb tal-Kastellanja, fejn illum hemm il-Ministeru tas-Saħħa, l-ittri huma abbrevjati mod ieħor: DEO. OPT. MAX. li tfisser l-istess ħaġa.

Ritratt  

 

 

 

DRAGONARA        Post fejn illum hemm il-Casinò Dragonara f’San Ġiljan.  Il-kelma ġejja mil-Lat. tracones, li biż-żmien saret Traconara.  Din il-kelma  tirreferi għall-għerien li jingħad li hemm fil-baħar tal-madwar.  Qabel in-nies kienu jaħsbu li dawn l-għerien kienu jwasslu sa Birkirkara. Ara: ‘The Earliest Maltese Encyclopedia, 1644’ – artiklu dwar il-kitba ta’ ċertu Patri Magri li kiteb fis-seklu sbatax. The Sunday Times, November 10, 1996. Ta’ Giovanni Bonello.

DUBLUN        Munita antika tad-deheb Spanjola. Span.  Doblon, Fr.  Doubloon.  Minħabba l-kummerċ  ma’ Spanja  din il-

munita kienet valuta tajba anke f’Malta, fi żmien l-Ordni. Biċċa munita li kienet tiswa 40 skud.

 



DUQQAJS         1. Bejta tan-naħal li jkun għadu kemm faqqas.   2. Il-qolla, li fiha jkun hemm in-naħal.

DUWIBALLI  / DIJUBALLI       Laqam li jirreferi għall-inħawi fin-naħa t’isfel tal-Belt, bejn Triq il-Funtana u Triq San Ġużepp. Din iż-żona kienet assoċjata mal-mandraġġ jew mal-arċipierku, fejn l-abitanti kienu ta’ livell ekonomiku l-aktar fqir. Ħjiel tat-tifsira ta’ dan l-appellattiv ġej mill-fatt li xi darba f’dawn l-inħawi kien hemm xi balal tal-kanun. Ma nafux jekk dawn kinux balal ta’ veru, jew inkella tal-ġebel bħalma ġieli naraw jiddekoraw x’imkejjen. Biss nafu b’ċertezza li fi żmien il-Franċiżi, Triq San Nicola kienet imsemmija  Rue Deux Balles  – M. Triq iż-żewġ balal.  Ara: Valletta,  ta’ Michael Galea, Allied Press, 2011. p. X.

 

 IKOMPLI               600 suggett spjegati b'total ta' 65,000 kelma

                            256 pagna

                            350 ritratt bil-kulur

                            Qies : A 5 (21.5 x 15 ċm)

                            Qoxra: ratba

                          


Subpages (1): E
Comments