alte vestiga - kritika letterarja



alte vestiga
                                                                         Anton Sammut





RIFLESSJONI  tar-Rev. Prof. Peter Serracino Inglott



...sabiex ir-rumanz jibqa` jdur fil-moħħ u fil-qalb wara li jkun inqara l-ewwel darba

 


 

Kif tista' tistħarreg il-ħsieb tar-“ritorn etern” li qiegħed fil-qalba tar-rumanz ta’ Anton Sammut mingħajr ma tagħti kas li l-binja tar-rumanz innifisha mhix għajr l-iskrizzjoni ta’ dan il-ħsieb?

  Għaldaqstant, il-qarrej għandu mnejn japprezzah aħjar jekk ikollu daqsxejn ta’ inkwadratura tal-Filosofija tal-Istorja, b’referenza speċjali għal ħsieb ta’ Nietzsche li huwa l-isfond mhux biss ta’ xi konversazzjonijiet li fih il-ktieb, imma tal-istess struttura tar-rumanz.

  Fil-fatt, hawn żewġ metodi prinċipali kif tista' tiġi meqjusa l-Istorja. Min-naħa hemm dawk li għalihom l-Istorja hija bħal rota ddur, tirrepeti ruħha, b’tifsila ċiklika; u dan għaliex in-natura tal-bniedem u tal-ħolqien ma tinbidilx. Mill-banda l-oħra hemm dawk li għalihom l-Istorja hija mixja progressiva maż-żminijiet, avvanz kultant b’xi intopp, imma dejjem fl-aħħar mill-aħħar ‘il quddiem. Din hija l-viżjoni li toħrog mill-Bibbja jekk toħodha kollha flimkien (għaliex ġol-Bibbja stess hemm xi kittieba eċċezzjonali, bħal Qoħelet, li sostna l-viżjoni ċiklika).

  Hija l-interpretazzjoni tal-Istorja li jħaddnu l-Lhud u l-Insara, u magħhom hemm ftit oħrajn bħal ngħidu aħna Virġilju – l-uniku fost il-Klassiċi – li għandhom din il-viżjoni “lineari” tal-Istorja. Tħaddnet ukoll fil-mitt sena li matulhom jiżvolġi r-rumanz ta’ Anton Sammut, speċjalment minn Marx, li ra l-istorja tal-kultura tal-bniedem bħala l-issuktar tal-evoluzzjoni tan-natura kif kien iddeskriviha Darwin: il-ġlieda bijoloġika għas-sopravvivenza titkompla fil-ġlieda bejn il-klassijiet soċjali għall-poter. F’din il-perspettiva ma jfissirx li kull ħjiel ta’ ċikliċità fl-Istorja huwa eskluż, imma r-ripetizzjoni tat-tifsila hija bħat-tidwir ta’ rota mhux fix-xejn, iżda li bih, il-karru jitmexxa ‘l quddiem.

  Kontra din l-interpretazzjoni Ġudeo-Kristjana tal-mogħdija taż-żmien, kompluta wkoll mill-Marxisti, ħadha qatta bla ħabel Nietzsche.

  Biex jinftiehem aħjar kif il-polemika ta’ Nietzsche hija riflessa fir-rumanz ta’ Anton Sammut, forsi l-aħjar mezz huwa li jkollna ċar quddiem għajnejna x’qal il-“filosfu tal-inkonxju” Eduard von Hartmann li kien hu stess il-mira tal-kritika ta’ Nietzsche. Hartmann kien bassar li se jkun hemm reliġjon fil-ġejjieni li tiġbor fiha l-aħjar elementi minn kullimkien (forma ta’ sinkretiżmu sekularizzat) mingħajr ma twarrab xejn ta’ siwi.

  Nietzsche kien jaħseb li dan ma setax iseħħ għaliex saħansitra anki l-Griegi (li hu stess kien iqishom bħala l-mudell taċ-ċiviltà għal kull żmien) kellhom jagħżlu bejn fehma u oħra, u ma setgħux jinkludu kollox f’sinteżi waħda. Skont Nietzsche, kull poplu (u hawn kellu f’moħħu naturalment qabel kulħadd il-poplu tiegħu Ġermaniz) kellu jisħaq fuq “dik il-forza tal-ħajja li għaġnitu”, u jissellef biss mingħand popli oħra dak li jista’ jixrob mingħajr ma jgħattan jew ixellef l-identità proprja tiegħu. Dan ifisser iċ-ċaħda tat-twemmin li l-umanità kienet miexja lejn xi tmiem “ekumeniku” tal-Istorja f’xirka waħda Kristjana jew mhijiex.

  Bl-istess mod, Nietzsche jargumenta kontra dak li nistgħu nsejħulu bħala “l-ideal enċiklopediku”, jiġifieri li l-bniedem isir jaf kollox, kif illum aktar minn qatt qabel qegħdin jippretendu l-periti tal-Internet; imma dan l-ideal, kien ukoll qabel żmienna, dak li dejjem sostnew il-filosfi tal-Punent, minn Aristotli sa Hegel. Nietzsche juża x-xbiha tas-“sħaba li tħarsek”, jew fi kliem ieħor “dalma li tipproteġik”, biex ifisser li tabilħaqq hemm injoranza li għandha valur pożittiv, inkwantu li hemm ċerti ħwejjeġ li aħjar tibqa’ ma tafhomx għall-ġid u l-paci tiegħek stess. Dil-konklużjoni trieġi aktar jekk inti taqbel li l-Istorja tal-bniedem mhix qed tieħu lejn tmiem li ma tistax taħrab minnu (bħall-Apokalissi, jew l-Aħħar Haqq fil-perspettiva biblika) u li jġib miegħu dak l-għarfien universali u dik il-milja tal-hena li (tista’ tgħid) il-bnedmin kollha – sa Nietzsche – kienu ħolmuha bħala l-iskop tal-eżistenza (miksub billi taħrab mir-rota taż-żmien jew bil-waqfien tal-istess rota).

  Hekk għandha tidher ċara r-rabta bejn dawn iż-żewġ għażliet: tal-ewwel, l-għażla tal-fehma li l-Istorja m’għandhiex tmiem, jew inkella tal-fehma l-oħra, li l-Istorja miexja lejn tmiemha; tat-tieni, l-għażla tal-fehma li l-verità tista’ tasal biss biex tilmaħ naħa jew oħra tagħha, jew inkella tal-fehma l-oħra li l-bniedem miexi tlikki tlikki lejn waqt tad-dawl meta jasal biex il-verità jsir jafha kollha kemm hi, wiċċ imb wiċċ.

  Ma’ din l-għażla tal-aħħar tintiseġ ukoll il-kustjoni dwar is-siwi tal-għamliet differenti tal-għerf: bejn dik li nistgħu nsejħulha “il-verità poetika”, u dik li nistgħu nsejħulha “il-verità xjentifika”. Nietzsche ma kienx jafda la lil dawk l-artisti, bħal Wagner, li kienu jaħsbu li l-arti kapaci twasslek biex iġġarrab il-Verità Assoluta, u wisq inqas lil dawk li għalihom il-verità xjentifika kienet tiswa daqskemm setgħet tissarraf f’applikazzjonijiet teknoloġiċi. In-Nisrani jemmen li “l-verità poetika” tiżboq u tiġbor fiha “il-verità xjentifika”.

  Għaldaqstant, il-messagg ta’ Nietzsche huwa dejjem il-modestja. Din in-nuqqas ta’ pretensjoni kellha tkun il-karatteristika ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ bnedmin li Nietzsche stess kien jittama li għad jerġgħu jwelldu s-sebħ taċ-ċiviltà Mediterranja ta’ żmien il-Griegi—ta’ dak li hu sejjaħlu Übermensch (il-bniedem lil hinn minnu nnifsu, li jiżboq lilu nnifsu) kelma, li sfortunatament ġiet tradotta bl-Ingliż f’‘superman’ u li ġġibilna f’moħħna xbihat għalkollox differenti minn dawk li kellu f’moħħu Nietzsche (bħan-Nażismu, li kien karikatura kerha u faħxija ta’ dal-kunċett).

  Għalhekk, għalkemm minn direzzjoni opposta f’dik li hi Filosofija tal-Istorja, Nietzsche jasal biex jipproponi lill-bnedmin Triq taċ-Ċokon li tixbah ħafna lil dik ta’ Kristu; imma li mhux dejjem, biex ma ngħidx rari, imxejna fiha aħna l-Kristjani.

 

Peter Seraccino Inglott

08/08/08




   

  --------------------------------------------------------------------------------------------------------------







Introduzzjoni tal-Prof. Kenneth Wain




Dan l-ewwel rumanz ta’ Anton Sammut jinqara bħala saga fil-ġrajjiet u ż-żminijiet ta’ numru pjuttost ristrett iżda intensiv ta’ karattri li madwarhom jinseġ l-istorja tiegħu l-awtur.

  L-istorja tal-ewwel karattri fil-bidu tar-rakkont tiftaħ tard fis-seklu dsatax f’raħal zgħir fil-viċinanzi tal-belt ta’ Nurimberga fir-reġjun t’isfel tal-Ġermanja, u tkompli bit-twelid ta’ ġenerazzjonijiet ġodda u aktar kożmopolitani tul is-seklu għoxrin kważi sal-aħħar tiegħu.

  L-istorja movimentata u mdemmija tal-Ewropa f’din il-qatgħa ta' żmien mimlija gwerer ta’ kull tip, tnejn minnhom dinjin, rivoluzzjonijiet imnebbħa minn ideoloġiji kuntrastanti, u taqlib ieħor soċjali u politiku, tifforma l-isfond tar-rakkont.

  Il-karattri li huma wkoll Ġermaniżi u tipiċi tar-reġjun mnejn oriġinaw (fortizza tal-Konservattiviżmu u tal-Kattoliċiżmu), huma protagonisti u vittmi, kif ma jistax jonqos, ta’ din l-istess storja li ssawwar id-destin tagħhom.

  Sammut, madankollu, mhuwiex kuntent li jillimita ruħu għal rakkont sempliċi tal-ġrajjiet, ħafna drabi drammatiċi u mwiegħra, li jgħaddu minnhom il-personaġġi tiegħu. Mar-rakkont, permezz l-aktar ta’ djalogi bejn personaġġi differenti dwar numru ta’ temi, jinseġ riflessjoni dwar l-eżistenza u n-natura tal-bniedem (speċjalment il-mara), tas-soċjetà u tal-politika, u tad-divin li jiġbdu minn assortiment impressjonanti ta’ sorsi filosofiċi, storiċi, u teoloġiċi.

  Għalhekk, bosta mill-karattri tiegħu huma ħafna iżjed minn karattri, huma wkoll inkorporazzjoni ta’ filosofija ta’ ħajja jew ta’ tip ta’ bniedem jew bniedma, u dal-fatt jagħtihom ċerta qawwa fil-mod kif jippreżentaw rwieħhom lill-qarrej li jiltaqa’ magħhom.

 

  B’mod ġenerali l-preżenza filosofika li tiddomina din il-ġrajja, mill-kwinti però, hija dik ta’ Nietzsche, u dik letterarja ta’ Dostoevsky. Id-dell ta’ dawn iż-żewġ ġġanti ta’ ħsieb u kitba jabita fit-tensjoni bejn il-Kristjaneżmu u l-Eżistenzjalizmu li fiha timraħ il-kitba ta’ Anton Sammut.

    



 --------------------------------------------------------------------------------------------------------------



 

Mill-Professur Oliver Friggieri

 

 

 

Minkejja li hemm bosta forom ta’ rumanz, li jvarjaw mingħajr ma huma fissi, huma kollha jipprovdu sforz biex permezz ta’ rakkont ta’ xeħta jew oħra, tingħata interpretazzjoni tal-ħajja fiha nnifisha minn aspett partikolari. Kull rumanz jagħzel dimensjoni differenti tal-mod ta’ rakkontar: ivarja fl-uzu tal-ewwel jew tat-tieni jew tat-tielet persuna, jisħaq fuq l-azzjoni aktar milli fuq id-djalogu, jew il-kuntrarju, u jistrieħ fuq id-deskrizzjoni iżjed milli fuq fatturi oħra. Hemm xejriet oħrajn.

  Fil-Kritika Moderna dan kollu jidħol fil-kategorija ta’ dik li hi magħrufa bħala fokalizzazzjoni. Minn hawn ‘il quddiem jibda d-diskors dwar ir-rumanz bħala kontenut li jirrealizza għamla jew oħra ta’ fokalizzazzjoni.

   

  Dawn il-kummenti jistgħu jkunu utli biex ikun apprezzat dan ir-rumanz ta’ Anton Sammut, skont l-għażliet tematiċi u strutturali tiegħu. Qabelxejn hu rumanz li jrid isarraf l-azzjoni fi ħsieb, jew aħjar, juri li l-ogħla azzjoni umana hi l-ħsieb. Li taħseb ifisser li teżisti, u minn hemm ‘il quddiem, fil-limiti ta’ Descartes u aktar, kulma jseħħ hu azzjoni daqskemm ħsieb. B’serjetà u b’impenn, b’tonalità li hi dejjem gravi, hassieba u diretta, Anton Sammut jibni storja li hi kompromess bejn esperjenza li ssehh fid-dinja fizika, u esperjenza li hi kollha kemm hi gewwiena, mentali, u tiġri fl-ispazji ta’ post u ta’ żmien li ma huma b’ebda mod dawk li jiddefinixxi l-għajxien komuni. Karattri (Ġermaniżi, għaliex huwa ambjentat fil-Ġermanja bejn l-1890 u l-1990, iżda mhux biss) u sitwazzjonijiet huma bħallikieku elementi li jsawru ħsieb. Huma mħaddmin mill-awtur, preżenti dejjem f’kull qagħda, bl-iskop li lkoll jillustraw fażi fil-mogħdija ta’ żvilupp li matulha l-personaġġi tiegħu jgħaddu minn proċess sħiħ.

  Anton Sammut jibda biex jirrendi lill-karattri tiegħu konxji ta’ verità, jew għall-inqas ta’ intwizzjoni jew perċezzjoni li huma konvinti minnha, imbagħad idaħħalhom fl-ambjent soċjali, interpersonali, li r-rumanz kollu jiżvolġi fih bħala rakkont, u fl-aħħar nett iwassalhom b’mod jew b’iehor biex jieħdu pożizzjoni, jikkommettu ruħhom u jiddeciedu. Mhumiex deċizjonijiet li jiddeterminaw lir-realtà, li hi diġà lesta, izda huma passi li jbiddlu lill-karattru. Minn hemm ‘il quddiem l-istorja tagħhom tissokta miexja, imma b’pass aktar deċiż minn qabel, lejn is-soluzzjoni tagħha. L-għoqda tal-bidu tinħall qajla qajla, tant li l-karattri, bħallikieku membri ta’ kor wieħed iżda lkoll mogħnija b’vuċi differenti, jagħrfu lil xulxin f’dak kollu li paradossalment jagħżilhom minn xulxin. L-awtur jagħti ħjiel ta’ dan huwa u miexi fir-rakkont, bejn siltiet ta’ deskrizzjoni u oħrajn ta’ riflessjoni kotrana, li huma kollha turija tal-involviment dirett tiegħu fil-formazzjoni tal-karattri. In-narratur huwa wkoll wieħed mill-karattri tar-rumanz, u forsi huwa wkoll il-protagonista mifhum, impliċitu.

 Bħalma jseġwi b’konsistenza l-linja tal-ħsieb tiegħu, u bħalma jagħzel li jkun tip ta’ narratur-li-jaf-kollox u narratur-li-jinsab-kullimkien, Anton Sammut iżomm ukoll il-bilanc bejn l-ambjent li jgħixu fih il-karattri tiegħu (l-ambjent empiriku, issa u hawn) u l-ambjent li huwa sewwasew ir-ruħ tal-karattri (l-ambjent spiritwali, intellettwali, li m’għandux truf fissi).

  Kollox f’dan ir-rumanz jista’ jingħaraf bħala tlaqqigħ, kuntrast u kompromess bejn ir-realtà tal-fatti magħrufa u r-realtà tal-prinċipji mfittxa. L-azzjoni u l-ħsieb, iċ-ċertezza u t-tiftixa huma ż-żewg binarji li fuqhom Anton Sammut jorġanizza l-vjaġġ miktub fl-għamla ta’ personaġġi li jaħsbu u jfittxu. Huwa anki vjagg ‘kulturali’ minħabba li l-awtur jinseġ f’ħaga kumplessa waħda, bosta riferimenti għal ħsibijiet filosofiċi mislutin minn kulturi diversi, qodma u reċenti, ilkoll bħallikieku mgħoddijin mill-magna tal-ġudizzju tiegħu, dejjem skont il-modalitajiet tal-forma narrattiva li huwa għazel biex jippreżenta espożizzjoni ta’ kweżiti dejjiema, kwistjonijiet qliel li sikwit joħorġu mill-konfini li jikklassifikawhom (Teoloġija, filosofija, u oħrajn) biex jimirħu f’dixxiplini differenti. Ilkoll jistgħu jinġabru fil-kelmiet assolut u relattiv. Għalhekk sikwit id-dibattitu kontinwu li huwa l-qofol tar-rumanz ta’ Anton Sammut huwa aktar dokument tal-angst personali tal-karattri milli eżempju ta’ interess fl-avvanz individwali tagħhom stess. Il-preokkupazzjonijiet huma dejjem eżistenzjali, saħansitra anki meta jersqu lejn id-dinja politika. Fil-formazzjoni tas-‘summa’ tiegħu, l-awtur itaħħat kollox għad-dimensjoni “sub specie aeternitatis”.

  Il-personaggi huma lkoll membri ta’ dinja wiesgħa, usa’ minn pajjiż partikolari, u kważi anki meħlusin mill-għeluq ta’ żmien speċifiku. Dan kollu juri li Anton Sammut, huwa u miexi mingħajr waqfien fil-mogħdija tal-ħsieb – bejn skiet u kelma, bejn dubju u ċertezza – jixtieq jinkorpora riflessjonijiet f’kundizzjonijiet tipiċi ta’ rakkont: individwi fi ħdan komunità, ħsibijiet li jeħtiegu diskussjoni, mistoqsijiet li jitolbu tweġiba. L-għeluq tar-rumanz juri li l-awtur mhuwiex interessat li jwassal lir-rakkont sa għeluq preċiż, finali, mitmum. Aktarx jidher li l-għeluq għandu jibqa’ miftuħ, biex il-kwistjonijiet jevolvu, u l-vjagg ikompli. Rumanz filosofiku bi tmiem miftuħ li juri li l-awtur jagħraf li l-eżistenza stess hi forma ta’ rumanz li jevita limiti eżatti.



   --------------------------------------------------------------------------------------------------------------






Is-setgħa għar-rieda jew ir-rieda għas-setgħa

(Kritika letterarja ta` Godwin Ellul)

 



 

         Kull wieħed u waħda minna għandna t-twemmin tagħna, twemmin li jitwaħħad magħna minħabba dak li nixorbu meta nkunu zgħar jew nitgħallmu u nissimpatizzaw miegħu meta nikbru.

L-influwenza ta’ ħaddieħor fuqna, kif ukoll dak li aħna nirtu mingħand il-ġenituri tagħna, għandhom sehem importanti wkoll. Biż-żmien jiġri – forsi b’xorti ħażina – li twemmin li ma jkunx jaqbel ma’ tagħna jista' jkun li ma tantx innizzluh. Iżda, meta fil-fatt wieħed janalizza dawk l-attitudnijiet tagħna u ħsibijietna, isib li dawn jistgħu jkunu klassifikati fi skejjel ta’ ħsibijiet li ma tegħlibhomx malajr b’argumenti kontrihom.

Fil-fatt, ħafna minn dawn il-ħsibijiet, fosthom il-kristjaneżmu u l-filosofiji li joħorgu minnu għandhom għeruq fondi fl-istorja tal-ħsieb tal-bniedem. Hekk ukoll dawk it-teoriji li ppruvaw jinterpretaw il-ħajja minn anglu ieħor. Huma teoriji b’saħħithom li mhux talli rreżistew iż-żminijiet, imma wkoll tfasslu oħrajn fuqhom.

Il-ħsieb ta’ Anton Sammut mhux fil-kurrent tal-ħsieb li aħna mdorrijin bih. Iżda dan, speċjalment fl-epoka tagħna fejn kollox hu mistħarreg u diskuss, żgur ma jfissirx li kitbietu għandha tkun skreditata, ridikolata jew imwarrba. Fil-fatt, min jaqra r-rumanz b’mod superfiċjali jew jaqta' nifsu wara l-ewwel faċċata jista’ malajr jaqa' f’dan l-iżball.

Bħal bosta rumanzi u kotba li tieħu pjaċir taqrahom, l-ewwel kapitli jeħtieg tieħu ftit paċenzja bihom minħabba li l-awtur ikun għadu qed jippreżentahom lill qarrej, ikun għadu qed jorqom l-istorja. Iżda dawn, bil-mod il-mod malajr jibdew jieħdu l-forma tagħhom. Il-karattru u twemminhom. Hawnhekk karattru jidħol f’ieħor u jista' jkun illi n-nisġa minflok tħajrek tissokta taqra, taqtagħlek qalbek għax inti tibda taħseb li qed tagħzaq fl-ilma.

Ir-rumanz voluminuż (461 paġna) ta’ Anton Sammut jaqa' taħt ix-xorta ta’ rumanz psikoloġiku u filosofiku li tagħhom hawn Malta mhux li għandna bosta. Iżda biżżejjed insemmu eżempji bħal Leli ta’ Haż-Żghir ta’ Ġużè Ellul Mercer u Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut.

Ir-realta' fir-rumanz ta’ Anton Sammut tmissha bħal dik l-istess realta' li naqraw fir-rumanzi ta Ġużè Chetcuti, jew fid-drammi ta’ Diacono u drammaturgi oħrajn. L-istil użat hu dak ta’ sentenzi qosra, iżda minkejja dan, mexxejja. Ir-rumanz hu nteressanti u jżommok attent għal kull kelma li għandu xi jgħid l-awtur, għax kull kelma għandha s-sinifikat tagħha.

 


Mudell ta’ Fredrick Nietzsche


          Ir-rumanz ta’ Anton Sammut jadotta l-mudell teoretiku ta’ Fredrick Nietzche (1844-1900) – li jaħbat l-isem ta wieħed mill- karattri ewlenin fir-rumanz – filosfu Ġermaniz tas-seklu dsatax li kiber viċin Leipzig, fil-provinċja Prussjana tas-Sassonja (ir-raġuni għaliex ir-rumanz hu ambjentat f’dawk l-inħawi).

          Hu ktieb fuq ir-reliġjon, il-moralita’ il-kultura kontemporanja, il-filosofija u x-xjenza (ir-rumanz prattikament jeħodna fl-aħħar għaxar snin – 1890 – qabel il-mewt ta’ Nietzsche). Iżda l-kontribut ewlieni tiegħu jibqa’ fl-eżistenzjaliżmu u l-post – moderniżmu. Dan il-ħassieb hu wieħed mill-aktar awturi diskussi minħabba x-xogħlijiet tiegħu u l-ideat imfissra fihom.

          Huma bosta l-kritiċi ta’ Nietzsche, ewlieni fosthom Nordau. Imma dan ma joffrix argumenti sodi biżżejjed biex iċaqalqu bis-serjeta` l-ħsieb tal-ewwel. Ovvjament, hawnhekk m’aħniex sejrin nitħaddtu dwar Nietzsche. Imma tajjeb li wieħed jgħid li l-ħsieb tiegħu jifforma l-pedament għal dan ir-rumanz. U ma tistax tapprezza x-xogħol ta’ Sammut mingħajr ma żżomm kontinwament quddiem għajnejk il-ħsieb ta’ dak il-filosfu.



Ambjentat fil-Bavarja


          Ir-rumanz hu ambjentat barra minn Malta, preċiżament fl-inħawi tal-Bavarja, anki jekk il-karatteristiċi tal-villagg u l-belt għandhom ħafna mit-togħma lokali. Fil-fatt, l-aħħar protagonisti forma ta dixxipli li qed iwasslu l-messaġġ tagħhom permezz tad-diskussjoni ta’ bejniethom – jiġifieri Fritz, Magda u Teo – izuru wkoll Malta fost pajjiżi oħrajn tal-kultura, fosthom Pariġi u Ruma fejn l-arti tinsab fl-aqwa tagħha.

          Wieħed  ma jistax joftom lil Nietzsche minn Schopenheur, u għaldaqstant il-qari tal-wieħed hu mportanti daqs l-ieħor. Il-karattri ta’ Sammut huma kollha ħassieba li jew litteralment ifittxu li jgħixu waħedhom jew li jgħixu f’dinja għalihom kollha maqbudin u tturmentati bi ħsibijiet jew sitwazzjonijiet li jfittxu rimedju għalihom. Bosta minnhom m’humiex karattri passivi imma li jiġġieldu l-ħajja, għax skont huma l-ħajja jew iċedilha jew tiġġildilha.

          Karatteristika oħra tar-rumanz hi li kwazi l-karattri kollha huma rġiel, minbarra żewg żgħazagħ bniet li kibru f’orfanotrofju mas-sorijiet, u oħrajn li jinbtu mal-istorja. Dawn kollha għandhom xortihom ħazina għax skont it-teorija ta’ Nietzsche, il-mara teżisti biss għall-prokreazzjoni ‘tal-glieda’  u għas-sostenimet  u l-pjaċir tar-ragel. Iżda dawn iż-żewg karattri nisa jenfasizzaw iċ-ċiklu tal-ħajja fl-istess post, fl-istess ċirkustanzi mal-istess persuna.

          Huma karattri li mhumiex kuntenti bihom infushom, jew għax jaħsbuha b’mod differenti mill-bqija, jew minħabba d-destin, jew minħabba l-knisja. Kollha jitħabtu biex jaħarbu minn dan il-qafas li jżommhom ġewwa. Donnhom waqgħu f’dinja li mhix tagħhom.

         

Sammut jagħzel li jisfida bil-ħsieb aktar mill-għazla tal-kelma Maltija billi jirreferi għal-librerija vasta ta ħassieba fuq suġġetti li jmissu l-qofol tal-bniedem, bħal Voltaire, Wagner, Ibsen, Chekov, Wilde, Rachmaninov, Tolstoy, Kafka, Descartes u Matisse, fost oħrajn.

M’hemmx għalfejn wieħed jgħid li ma dan it-tip ta’ nies, is-skiet, is-solitudni u l-qari huma l-aħjar taħlita biex forsi jgħixu xi ftit kif jixtiequ. Fil-fatt minħabba li huma tal-istess pezza jispiċċaw dejjem jaħbtu u jitħaddtu ma’ xulxin. Il-ħsieb ta’ Nietzsche isib komfort fl-idea Marxista fejn il-karattri jistgħu jitkellmu ma’ xulxin u għandhom ċerti elementi komuni. Nies li huma barra dan iċ-ċirku huma fragli u bla saħħa. Iżda l-protagonisti jeħduha kontra s-sistema u l-istituzzjonijiet.Huma nies li jarmu n-nar b’demmhom ibaqbaq.

Il-villaġġ jinsab maqbud f’qoxra għalih, u tant jinsab maqtugħ li lanqas l-Ewwel gwerra ma ċaqalqitu mir-raqda twila tiegħu, anki jekk l-istess kwiet tiegħu u s-solitudni joffru l-aħjar refuġju għal dak il-bniedem li jrid isib lilu nnifsu.

          Fil-fatt, kulmin ridt isir jaf id-dinja aħjar, ried joħrog barra r-raħal. L-arti f’dan ir-rigward għandha post importanti, tgħinna ngħixu u ninsew id-diffikultajiet tal-ħajja. L-awtur, l-aspett tal-arti jenfasizzah kemm bis-sehem ta’ Nadia, kif ukoll bis-sehem ta’ Magda u Teo fejn dawn jadottaw din il-forma ħielsa, miftuħa għall-interpretazzjoni kemm tal-artist kif ukoll tal-udjenza.

          Biex iwassal il-messaġġ tiegħu b’aktar qawwa, Sammut jambjenta dan ix-xogħol fl-inħawi tal-Bavarja. Hekk, il-qarrej iħossu aktar fil-post fejn qed jiġru dawn il-ġrajjiet u jlaqqagħna mal-karattri tal-epoka, fosthom Rudolph Hesse. Ir-rumanz hu mqassam f’erba’ taqsimiet (I:1890; II:1900; III:1927 IV:1964) li matulhom naraw il-karattri jikbru, jixjieħu u jmutu bl-ideologiji tagħhom, u saħansirtra jwassalna għall-ġenerazzjoni l-ġdida bil-karattri ta’ Magda (lesbjana) u Fritz (playboy), ulied Karl u Elda, fejn naraw bħal donnu dan iċ-ċiklu jerga’ jibda mill-ġdid.

          Mhux biss ċiklu f’dik li hija ġenerazzjoni bioloġika, imma wkoll filosofika, għax it-tnejn ikaxkru twemmin missierhom u nannuhom (klaws). Ir-rumanz jimxi mill-Ġermanja għal Pariġi, pajjż meħlus, li b’xorti tajba minkejja kollox ħarab il-qilla tal-gwerra u rebaħ is-simpatija ta’ Hitler, għax m’għamlux irmied.

          Pariġi, tard fis-sittinijiet u għall-bidu tas-sebgħinijiet, hi belt li tgawdi l-liberta`, bħal ħafna mill-ibliet l-oħra wara l-waħx tal-gwerra. Nadia u Ludvik issa xjaħu u bil-mod il-mod nibdew naraw il-karattri ħerġin mix-xena wara li rajniehom jikbru taħt għajnejna. Iżda l-kunċetti filosofici ma jaqtgħux, u Sammut jissokta jitlaħlaħ f’mewġa wara oħra ta’ kittieba, filosfi, artisti u komposituri. Dan kollu jseħħ fil-Belt – l-omm tal-kulturi – Pariġi, li t-tewmin jiflu sewwa.



Rumanz sabiħ u ta’ ħsieb


Ir-rumanz fih ħafna x’togħmod, u kull ħolqa fil-katina tagħmel sens u torbot. Hu rumanz sabiħ u tal-ħsieb, u kull min jaqrah irid jaqrah b’moħħu miftuħ, japrezza l-ideat u l-ħsibijiet preżentati fil-ktieb. F’Pariġi, Magda u Fritz jiltaqgħu ma’ Teo, tifel abbużat. Minhabba li jaqblu ħafna bejniethom, il-ħbiberija tagħhom ittul. Hekk ukoll Lea, mara msawta, li bintha Angela tispiċċa wkoll f’orfanotrofju.

          Il-karattri bħal donnhom jaqgħu b’mod awtomatiku fil-predestinazzjoni tagħhom biex b’hekk il-ħajja tkompli ddur, anki jekk b’pinzellati ta’ ġrajjiet differenti, li iżda fl-assenza tagħhom mhux importanti għax huma biss kożmetici. Iżda l-għeruq jibqgħu l-istess.



Rumanz maħdum bir-reqqa u kalkulat tajjeb


Il-karattri ta’ Sammut, bħal Nietzsche, huma nies li jistaqsu, ħassieba, bnedmin ta’ sinsla. L-azzjonijiet huma reali u li tmisshom b’idejk. Ma jeżistux sitwazzjonijiet Platoniċi, imma nies li jpoġġu r-rieda tagħhom fuq ħaddieħor, kruda u mdemmija, saħansitra li kważi jippridkaw il-vjolenza u jmexxu.

          Kulmin huwa Platoniku jispicca biex ikun diżilluż jew maqbud f’xibka ta’ mistoqsijiet li ma tispicca qatt. Il-fus tar-rumanz fl-aħħar mill-aħħar idur fuq l-imħabba li tista' tkun platonika,  imma x’aktarx tibqa' b’xiber imnieħer bħal Federik, jew tkun irrealizzata bħal klaws, li mhux biss jieħu dak li għandu jieħu imma wkoll li x-xorti tidħaklu għax il-veru att barbaru hu ‘‘meta wieħed jissoprimi l-istint u jispiċċa jmarrad lilu nnifsu’’ (pg.69)

          Sammut għandu filosofija partikulari li rnexxielu jlaħħamha f’forma letterarja, li mhix bħall-bqija. Hu rumanz li jfittex li jaqbad il-barri min qrunu u jafferma lilu nnifsu. Ir-rieda li jwettaq.

          Din il-filosofija matul iż-żminijiet sabet bosta kritiċi li faċilment wieħed allura jista’ jadottahom għal dan ir-rumanz, iżda żgur mhux forsi iħalli lil dak li jkun jargumenta biex fl-aħħar mill-aħħar isib il-veru sinifikat tal-ħajja.

          Sammut kellu bicca xogħol iebsa, mhux biss biex jiffilosofizza dak li huwa jemmen fih, iżda biex jagħtih forma letterarja li tfittex li tagħti pjacir – xi ħaga li fuq ħsibijiet kumplessi bħal dawn zgur li ma kinitx xi ħaga faċli.

          Aktar ma wieħed jidħol fil-qalba tar-rumanz, aktar jibda jidher ċertu plott, filwaqt li l-awtur ma jerħi xejn mill-konvinzjoni filosofika tiegħu li kull meta jista’ jenfasizza. Għalhekk, il-ġrajjiet f’dan ir-rumanz iridu jinqraw fid-dawl tal-istorja tal-ħsieb tal-bniedem. Jekk dan ma jsirx, ir-rumanz ma jistax jiġi apprezzat kif mixtieq u l-ġrajjiet u kull nifs interpertat kif hu xieraq.

 

Hi ħasra li l-awtur ma qagħdx attent biżżejjed għall-għazla tal-kelma Maltijia. F’dan ir-rigward għad hemm ix-xogħol x’isir fuq ir-rumanz. Iżda minkejja dan kollu, huwa rumanz li jagħti gost, jgħallmek u jisfidak. Fil-bidu tal-ktieb, il-qarrej jeħtieg li joqgħod attent għal min huma l-karattri biex ikun jista’ jibni s-sisien tiegħu fuq is-sod.



Rumanz ta’ Konflitt


Ir-rumanz huwa wieħed ta’ Konflitt, mhux biss reali bit-taqtiegħa tal-Ewwel Gwerra, imma wkoll bit-taqtiegħa bejn il-karattri u gwerra go fina l-bnedmin. Fl-1917 mhux biss kellna l-Ewwel Gwerra Dinija imma wkoll ir-Rivoluzzjoni Russa.

Il-Karattru ta’ Klaws, li issa qed imiss il-ġenn, ifakkarna f’Nietzche, li wkoll spicca biex iġġennen. Klaws hu l-bniedem mimli rabja u kollox jiġi kontrieh. Dan iwasslu biex jivvendika ruħu min Federik. Huwa rumanz ta’ dwejjaq, ta’ inkwiet, ta’ dulur tal-protagonisti.

          Il-kollass li dan ir-rumanz ipinġi, iżżid jintensifika ruħu bl-olokawst fejn l-awtur iqajjem bosta mistoqsijiet, bħal per eżempju għaliex il-bqija tal qawwiet, fosthom il-knisja, baqgħu b’ħalqhom magħluq fi żmien it-Tieni Gwerra meta kulħadd kien jaf x’kien qiegħed issir lill-Ebrej?

          L-awtur jeħodna Dachau, 15-il kilometru fil-majjistral ta’ Munich, l-ewwel kamp tal-konċentrament Nażista, fejn inqatlu 50,000 ruħ bejn Ebrej, omosesswali, Xhieda ta’ Gehova, Zingari u priġunieri tal-gwerra, u li kien sar post fejn jitħarrgu l-SS.

          Ludvik, maqful mal-bqija tal-Ebrej, iħossu abbandunat, bla saħħa li ma jista jbiddel xejn, filwaqt li Baldur jgħidlu x’pożizzjoni jrid jieħu biex jirbaħ dik is-sitwazzjoni traġika, jiġifieri dik tal-indifferenza li fil-bżonn hi aktar importanti minn dak li hu ġust.

          Meta wieħed jaqra dan ir-rumanz għandu jsib  li dan hu maħdum bir-reqqa u kalkulat tajjeb, fejn il-protagonisti jikbru u jmutu b’mod naturali. L-etajiet tagħhom jimmarkaw iż-żmien u r-ritmu preċiż tar-rumanz. Minkejja xi kelma jew espressjoni mhux xierqa ’l hawn u ’l hemm, il-kittieb qatt ma jmur f’esaġerazjonijiet li jdejquk jew li jwaddbu l-kitba f’livell baxx u medjokri jew f’livell baxx u medjokri jew b’tifsila nfantili.

          Il-qafas teoretiku tiegħu u l-kunċetti prezentati jżommu lil dan ir-rumanz, fil-post li jixraqlu fost in-nies li japrezzaw dan kollu jew li jridu jsiru jafu aktar dwar kunċetti u ħsibijiet differenti li jdawruna. Il-kitba tal-Ktieb, bħal dik ta’ Teo, hi missjoni għal Sammut.

          Ir-rumanz jasal għall-konklużżjoni tiegħu biż-żjajjar fuq l-oqbra tal-protagonisti li akkumpanjawna matul dan il-vjaġġ li fil-qosor ifakkruna fil-ġrajjiet li għaddejna minnhom.

          Minkejja t-teoriji l-kbar esposti f’dan il-Ktieb u l-ħsibijiet kumplikati li wieħed jaqra dwarhom, ir-ritorn hu lejn is-sempliċita`, f’kamra magħluqa f’raħal fejn dak li jkun isib lilu nnifsu mdawwar mill-ħamrija u mis-skiet biex jisma’ x’għanha xi tgħidlu qalbu ħalli kollox jibqa’ kif ikun.



 --------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

 

alte vestiga – rumanz ta’ Anton Sammut

 - reċensjoni ta’ Francis Galea -

 (It-Torċa: 23–08–09)

 

 

  Matul is-sena jinkitbu u jinbiegħu għadd ġmielu ta’ kotba.Ħodon sew minn dawn huma rumanzi.

  Hemm diversi forom ta’ rumanzi għax ir-rumanz minnu nnifsu huwa narrazzjoni b’nisġa ta’ storja mexxejja fejn il-karattri mmexxuhom biex joħolqu sitwazzjonijiet. Ġieli tkun l-istess sitwazzjoni li tbiddel jew tagħġen lill-karattru. Dawn il-ħwejjeġ jagħtu identità lill-istorja nnfisha, jagħmluha sabiħa anke jekk fiha jkun hemm esperjenzi kiefra u ta’ swied il-qalb; iżda, ladarba r-rumanz ikun maħdum kif xieraq żgur li jinqara.

  Hekk inħoss li għandna nintroduċu r-rumanz alte vestiga tal-awtur Anton Sammut.

  Huwa ħadem fuq ħsieb għaqli meta niseġ ir-rumanz, li għalkemm fih jittratta temi komuni u ġrajja li forsi bħalha nkitbu diġà, il-mod kif jaħdimha, l-għażla tal-karattri ewlenin, u t-triq li jġegħilhom jaqbdu huwa ferm differenti minn dak li mdorrija naqraw.

  Dan jagħmel ir-rumanz uniku, sforz li jixraqlu apprezzament, u ma naħsbux li nkunu ‘l bogħod jekk nghidu li ilu bosta, jekk qatt, fil-letteratura Maltija ma kellna rumanz ta’ dan il-ġeneru. Tant, li tiġi bejn ħalltejn fejn u kif se tikklassifika dan ir-rumanz.
 Għal mumenti taħseb li hu rumanz konfessjonali fejn fi stil awtobijografiku, l-awtur jagħmel użu minn diversi karattri biex ipinġi x-xenarju u l-ideali tiegħu. F’waqtiet oħrajn tintrikeb b’opinjoni li r-rumanz hu wieħed psikoloġiku.

Tħoss lill-awtur jistħarreġ. Ifittex permezz tal-karattri. Jidħol jgħawwar fih innifsu. Jixxennaq għal djalogu bejn hu kif inhu u l-ġewwieni tiegħu, ir-ruħ.

 

  alte vestiga huwa rumanz ta’ 466 paġna li kif taqbad taqra u taqbeż numru sew ta’ paġni tant tinqabad mill-ħakma tal-awtur li ma tkunx trid tieqaf. Il-manjetiżmu fl-għażla tal-kelma, fil-qies tas-sentenzi u fuq kollox f’inbix il-moħħ bl-għajnuna ta’ ċerti ħsibijiet jagħmlu r-rumanz uniku, jew ktieb fi xkaffa għalih innifsu.

 

  L-awtur jibda biex jintroduċi lil Otto minn Munich tal-Bavarja li jgħix waħdu u jdaħħalna fis-skiet, is-solitudni u l-kważi baħħ tal-villaġġ li jmur jgħix fih. Villaġġ li donnu l-ebda aħbar jew avveniment ma jibdlu. Otto jsir ħabib ta’ Dun Martin, il-kappillan, u l-viċi tiegħu, Federik. Otto u Dun Martin, imfittxija min-nies tar-raħal għal kulma jkollhom bżonn, isiru popolari.

  Għal Otto, li huwa kittieb u kontributur ta’ ġurnal, is-solitudni hija ferm importanti. Qajl qajl fl-istorja jibdew deħlin karattri oħrajn, fosthom Nadia u l-abbati Klaws li trabbew f’orfanatrofju. Nadia issir tfajla tal-ġenn. Klaws, żagħżugħ aggressiv, jispiċċa jaħdem f’razzett. Jidħol ukoll Hans, raġel partikulari li jgħix fil-bosk li, bħal ħafna oħrajn, jaqla’ x’jiekol billi jaħdem l-art. Hemm Federik, ġuvni li jibda jxaqleb lejn twemmin soċjalist u l-ħin kollu jitkellem f’isem dawk emarġinati. Għandna wkoll lil Franz li telaq lejn Nurimberga biex ikompli jistudja għal perit. Hemm jissokta jistudja lil Marx u jinġibed bis-sħiħ lejn il-politika.

 

  Il-bidu tal-istorja teħodna lura lejn l-1890, u hekk, Sammut mill-ewwel jurina li kellu jagħmel ċertu tiftix storiku biex jimxi mal-ġrajjiet ta’ dawk is-snin. Wara l-ewwel ftit paġni, biex imexxina ‘l quddiem fl-istorja, insibu li għaddew tmien snin li fihom kull karattru beda jieħu sura differenti, l-aktar fil-ħsieb.

  Naħseb li din hi l-qawwa ta’ Anton Sammut: fil-ġewwieni tiegħu l-awtur għandu l-kitbiet u l-konklużjonijiet (jekk tista’ tqishom hekk) tal-filosfu Friedrich Nietzsche. Dan, u ħassieba oħrajn stimulaw lil Sammut fil-binja tal-qafas ta’ dan ir-rumanz, daqs kemm biex laħħam l-istess rumanz.

Dan għax Sammut jisfida, Sammut inibbet, u Sammut iwassal dak li jixtieq lejn it-tmiem tal-istorja bħalma jwassal l-istess ħsibijiet fi ħdan il-qarrejja. Hawn ikun f’idejn il-qarrej li jifhem u jagħżel dak li għandu jżomm u dak li għandu jarmi. Aktarx, li l-qarrej jibqa’ ħiemed u jagħżel li ma jiddeċiedi xejn.

 

  Ngħiduha kif inhi: f’mumenti taħseb li ċerti karattri mhux se jwasslu, waqt li karattri oħrajn tistħajjel li mhux se jilbsu ħwejjeġ għall-istaġun li jkun imiss. B’għaqal kbir u bi djalogu b’saħħtu u meqjus, Anton Sammut jirnexxilu jġiegħlek taċċetta l-karattri lejn l-1900 u 27 sena wara! Anke meta jwassal karattru għall-atti lesbjani waqt li ieħor iffissat fuq kull mara li jara.

  Fuq kollox, x’inhi l-imħabba? X’inhu l-bżonn tas-sess? Hemm sess mingħajr imħabba jew imħabba mingħajr sess? Kif għandu jġib ruħu l-individwu? Għandu jimxi mal-kurrenti, iċedi u joqgħod għal dak li tiddetta s-soċjetà? Jew għandu jisfida kollox u lil kulħadd u jagħmel dak li jħobb u jħoss hu? X’jiġri minn dawn iż-żewġ karattri differenti? Min se jirbaħ u min se jitlef?

 

  Ir-rumanz huwa reali daqs kemm hu surreali. Fih jitqanqlu ħsibijiet li jqanqlu u jirxoxtaw ħsibijiet oħra, ġieli ġodda, li jdaħħuk fil-profondità ta’ raġunar lilhinn min-normal. Mhux dejjem hemm unità u konformità fil-ħsieb. L-awtur hekk ried jippreżenta l-karattri, jew għax forsi hekk kellhom jintgħaġnu u jkunu manipulati bil-ġrajjiet li seħħew madwarhom?

  B’dan ma rrid bl-ebda mod inħasseb lil dak li jkun li dan ir-rumanz jixxengel lejn naħa waħda. Huwa rumanz letterarju, b’filosofija umana u sinċiera, mirquma minn awtur li daħal fl-ewwel esperiment tal-kitba b’qawwa kbira. alte vestiga jisfidak bis-serjetà, u tkun ġwejjed jekk ma tilqax din l-isfida. alte vestiga, li mill-konflitti ta’ bejn il-karattri, li mid-djalogu mqanqal u l-ambjent tar-rivoluzzjoni Franċiża sal-Ewwel Gwerra Dinjija tal-1914-18, tħoss l-awtur isus madwarek bi ħsibijietu waqt li int tixxennaq biex toħroġ ħsibijietek ħalli twieġbu lura. Kultant taqbel miegħu u kultant trid tħaqqaqha miegħu.

 

  Dawn huma qawwiet li rari sibniehom f’rumanzi bil-Malti. U jkomplu jitqawwew meta terġa’ lura lejn dak ir-raħal kwiet tal-bdiewa fejn donnu kollox jibqa’ l-istess, u f’dik il-ħemda ssib il-ħin kollu l-ġewwieni jiddjaloga miegħek.

  Għalhekk, il-ktieb alte vestiga qed jistenna lilek ukoll biex tmur tixtrih! 






----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

                           

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 



 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

                           

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

                                  

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Comments