Kant għall-Liturġija

Recent site activity

Daħla

Merħba f'dan is-sit iddedikat għall-Musika liturġika ġdida bil-Malti.

Il-kant li jinsab hawn, principalment inkiteb minni, minn ġiżwiti Maltin oħra, jew minn xi ħbieb; issibu wkoll xi siltiet miġjuba għall-Malti minn ilsna oħra.

Il-prinċipji li jrieġu dan ir-repertorju huma dawn li ġejjin:
  • Kliem ibbażjat jew fuq siltiet mill-Bibja, jew fuq it-tradizzjoni liturġika, spiritwali u teoloġika tal-Knisja tal-Punent.
  • Poeżija Maltija, maħduma tajjeb metrikament, u mirquma b' vokabularju semitiku.
  • Mużika kreattiva, li ħafna drabi titlob widna tajba u ċerta kapaċità mużikali.
Dan ifisser li qed nipproponu alternattiva għal mużika ta' tip 'praise and worship' li daħlet sew fil-liturġija Maltija bħala alternativa għall-innijiet popolari. Din il-mużika, li hi sabiħa, tal-widna u faċli biex tindaqq, hi ta' għajnuna kbira f'ċertu tip ta' liturġiji, iżda mhux dejjem issibha maqluba tajjeb għall-Malti. Saħansitra meta titkanta fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż, wieħed jinnota li ta´sikwit, il-vokabularju tipiku hu meħud mill-"love songs" tal-mument, bi ftit li xejn profondità biblika, teoloġika jew spiritwali.

Mhux faċli tikteb poeżija lirika b'Malti tajjeb, għaliex il-gosti fonetiċi tagħna huma ibbażati fuq l-Ingliż u t-Taljan, u ċerti kumbinażjonijiet ta' konsonanti semitiċi jidhrulna tqal u goffi. It-tentażjoni hi li wieħed juża ħafna Malti taljanizzat jew kliem b'kontentut vokaliku għoli, speċjalment fis-sillabi finali. Jekk imbagħad wieħed joqgħod jitqanżaħ biex iżomm ir-rima, mingħajr ma jkun kapaċi juża Malti qadim jew isawwar kliem ġodda (bħal ma kellhom il-kuraġġ jagħmlu nies bħal Dun Karm), faċli jispiċċa jikteb poeżija banali u ridikola.


Ser iħallikom mela tgawdu din id-damma ta'kant, u tiffurmaw l-opinjoni tagħkom bil-kalma. L-akkumpanjamenti huma ħafna drabi esperimentali; qegħdin hemm sempliċement biex juru li dan il-kant jista' jiġi adattat għal ġosti mużikali differenti: medjevali, barokk, rokk, gospil, pop tas-70ijiet, tat-80ijiet u aktar reċenti...

Sliem, u s-smiegħ it-tajjeb!

Fr René Micallef sj.

N.B. Fil-poeżija ma japplikawx ir-regoli dwar il-vokali tal-leħen. Jekk xi ħadd jixtieq jistampa l-kliem ta´dan il-kant, tajjeb li ma jmissx il-vokali (u l-"w"), sabiex min ikantah ikun jista' jsegwi b'kumdità is-sillabi kollha.