Qalb ta´ Ġesù bin il-Għoli li ssawwart f´Marija mill-Ispirtu. Minsuġa bil-Kelma t´Alla, wild is-Sid, saltnatek ma tgħib qatt, ma tmutx. Qalb ta´ Ġesù id-dar t'Alla it-tinda tal-laqgħa tagħna mal-Maħbub, Int il-bieb li jwassal ġewwa, minnek ngħaddu biex naslu għand il-Missier. Ħuġġieġa li tikwi, mixgħula bl-imħabba, maħżen tal-ġustizzja mimli tjieba w karità. Ġewwa fil-qiegħan ta´ Qalb Sidi, is-Sultan tal-qlub kollha, jgħammru l-virtujiet. Jixraq li nfaħħruh. Qalb ta´ Ġesù it-teżori tad-dehen u tal-għerf jinsabu ġewwa fik. Int l-għaxqa ta' Alla, u fik tinsab tgħix il-milja tad-divinità. Qalb ta´ Ġesù tnixxi l-ħniena u it-tjieba, bik aħna stagħnejna lkoll, Xewqa ta´ għoljiet smewwija, għajn ta´ kull qdusija għal min jitma´ fik. B´debħa għal dnubietna ta ħajtu min fdiena, laqa´ it-tagħjir u obda f´kollox lill-Missier. Ġismu kien miġruh, u l-Qalb tiegħu sfat minfuda sabiex jinħafru id-dnubiet: ħajr u sebħ nagħtuh! Qalb ta´ Ġesù inti faraġ, inti l-għajn tal-ħajja, il-qawmien mill-mewt. Mill-ġdid ridt tħabbibna miegħek, u ġibtilna s-sliem, u il-ħelsien u l-ferħ. Qalb ta´ Ġesù fik it-tama għax tixtieq tkenninna tul l-eternità. Meta jingħalqu għajnejna, nilmħu ´l wiċċek: x´hena, xi trankwilità. Glorja nagħtu lill-Missier u lil dak Ibnu li fih Alla ħabbna w berraħ Qalbu fuq salib. Glorja lill-Ispirtu li ssawwab fit-tnehida ta´ Kristu xħin radd Ruħu. Fina jinsab fil-qrib. |
