Ja Mulej, tabilħaqq Int tgħarbilni. Ja Mulej, Inti lili tagħrafni. X'ħin inqum Inti tafu, w x'ħin noqgħod, Inti tifhem mill-bogħod il-ħsieb tiegħi. Fil-waqfien u fil-mixi tiflini, midħla Int ta' liem' huma triqati. Qas tkun leħqet 'l ilsieni il-kelma li, Mulej, Int tkun 'ġa tafha kollha. Dawramejt int taħfinni fi ħdanek, u dik idek, Mulej, tqiegħed fuqi. Fik il-għerf li jimlieni bil-għaġeb għoli wisq biex qatt nasal li nilħqu. Fejn immur ħa nitbiegħek minn ruħek? Fejn nisġiċċa mill-bixra ta' wiċċek? Jekk nintrefa' sas-sema, hemm inti, jekk ninxteħet f'qiegħ l-art hemm insibek. 'Kk tażżernieq nagħraf nilbes il-ġwienaħ, u mmur ngħammar ġo xifer il-baħar, saħansitra hemmhekk tasal idek, u lemintek bil-ħlewwa taħfinni. Jekk inħalli lid-dalma tostorni, u lid-dawl jislet lejla madwari, qas id-dalma, għalik m'hi mudlama, u il-lejl hu mixgħul, kollu dija. Kienu jdejk li sawwruli l-ġewwieni, u kont int li insiġtni f'ġufommi, niżżik ħajr għax għamiltni bis-sengħa, għax tal-għaġeb il-ħidma ta' idek. Saħansitra lill-ruħi taf tajjeb. Lanqas għadmi ma kien moħbi minnek meta kont qed nissawwar fis-satra, u nintiseġ fil-fond f'qiegħ id-dinja. Osservajt il-għamil tiegħi kollu, dak li rajt fis niżżiltu fil-ktejjeb qabel żernaq il-għomor ta' jiemi, kont qed tqisli ii-medda ta' ħajti. Kemm hu tqil il-ħsieb tiegħek għalija, infinit dak li jgħaddi minn moħħok, huwa jisboq il-kotra tar-ramel, u li ngħoddu tonqosni il-ħila. Wettaq fis il-ħaqq tiegħek, o Alla, biegħed minni 'l min jonsobli ħajti, nies qarrieqa li jeħduha miegħek, jien nistmell l-għamil tagħhom, ja Sidi. Lil' għarbilni, Mulej, għaraf qalbi, lil' iflini, kun af ħsibijieti, ar' inix qed interraq fil-ħażen, u mexxini f'mogħdija dejjiemma. |
